SAJJIEDA TAL-BNEDMIN

 

HOME

EMAIL

 

IL-ĦAMES ĦADD MATUL IS-SENA   - Sena Ċ

L-EWWEL QARI - Isaija. Is 6, 1-2a, 3-8.

Qari mill-Ktieb tal-Profeta

Fis-sena li fiha miet is-sultan Għużżija, jiena rajt lil Sidi bilqiegħda fuq tron għoli merfugħ ‘il fuq; djul il-libsa tiegħu kienu jimlew it-tempju. ‘Il fuq minnu kien hemm is-serafini, li kienu jgħajtu u jwieġbu lil xulxin:
“Qaddis, qaddis, qaddis, hu l-Mulej ta’ l-eżerċti.
L-art kollha mimlija bis-sebħ tiegħu.’’
Bl-agħjat tagħhom is-sisien ta’ l-egħtiebi theżhżu, u t-tempju mtela bid-duħħan.
Imbagħad jiena għidt:
“Jaħasra għalija! Mitluf jien!
Bniedem b’xofftejh imniġġsa jien,
u f’nofs poplu b’xofftejh imniġġsa ngħammar;
madankollu rajt b’għajnejja lis-Sultan,
Il-Mulej ta’ l-eżerċti.’’
Wieħed mis-serafini ttajjar lejja, b’ġamra nar f’idu li hu kien qabad bi mqass minn fuq l-altar, u messli fommi biha u qalli:
“Ara, din messitlek xofftejk:
ħżunitek għabet, u dnubek inħafer.’’
Imbagħad smajt leħen il-Mulej igħid: “Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?’’ U jien weġibt: “Hawn jien: ibgħat lili!’’

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 137.

Quddiem l-anġli, Mulej, ngħannilek.

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,
quddiem l-anġli rrid ngħannilek,
Ninxteħet quddiem it-tempju mqaddes tiegħek.

R/. Quddiem l-anġli, Mulej, ngħannilek.

Irrodd ħajr lil ismek
għat-tjieba tiegħek u għall-fedelta’ tiegħek.
Fil-jum li fih sejjaħtlek, smajtni,
kattartli l-qawwa f’ruħi.

R/. Quddiem l-anġli, Mulej, ngħannilek.

Ifaħħruk, Mulej, is-slaten kollha ta’ l-art,
għax semgħu kliem fommok,
U jgħannu l-imġiba tal-Mulej,
għax kbir hu sebħ il-Mulej.

R/. Quddiem l-anġli, Mulej, ngħanniulek.

Il-leminija tiegħek issalvani.
Il-Mulej itemm għalija kelmtu.
It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem,
la titlaqx egħmil idejk.

R/. Quddiem l-anġli, Mulej, ngħanniulek.

 

IT-TIENI QARI - 1 Kor 15, 1-11.

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin.

Ħuti: irrid infakkarkom fl-evanġelju li ħabbartilkom, li intom ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ. Bih intom salvati, bil-kelma li jien ħabbartilkom, jekk qegħdin iżżommuha u jekk il-fidi tagħkom ma kinetx għalxejn.
Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, iġifieri, li Kristu miet minħabba fi dnubietna, skond l-Iskrittura; difnuh, u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skond l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax. Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa dixxipli flimkien . Ħafna minnhom għadhom ħajjin sa llum: xi wħud minnhom raqdu. Deher imbagħad lil Ġakbu, u wara lill-appostli kollha. Fl-aħħar deher lili wkoll, wara kulħadd qisni twelidt barra miż-żmien. Għax jien l-inqas wieħed fost l-appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għaliex kont naħqar il-Knisja ta’ Alla.
Imma, bil-grazzja ta’ Alla, jien dak li jien, u l-grazzja tiegħu fija ma sefgħetx fix-xejn, għax tħabatt ħafna aktar minnhom ilkoll; għad li mhux jien, iżda l-grazzja ta’ Alla li hi miegħi. Imma sew jekk huma u sew jekk jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.

 

HALLELUJAH.

Hallelujah. Hallelujah.
Jien hu t-Triq, is-Sewwa, u l-Ħajja, igħid il-Mulej;
ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux bija.
Hallelujah.

 

L-EVANĠELJU - Lq 5, 1-11.

Qari mill-Evanġrelju ta’ San Luqa.


Jum wieħed il-kotra bdiet tross fuq Ġesu’ biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt il-għadira ta’ Ġenesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ‘il barra mill-art; imbagħad xteħet bilqegħda u qagħad igħallem lin-nies mid-dgħajsa.
Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ‘il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd.’’ Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek.’’ Hekk għamlu u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kienu għoddhom inqasmu. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom, li kienu fid-dgħajsa l-oħra, biex jiġu jagħtuhom daqqa ta’ id. Dawk ġew, u mtlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux. Xmun Pietru, kif ra dan, ixteħet f’riġlejn Ġesu’ u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!’’ Għax inħataf bil-għaġeb, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew li kienu sħab Xmun.
Imbagħad Ġesu’ qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ‘l quddiem tkun taqbad in-nies.’’ Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes ma’ l-art, telqu kollox u marru warajh.

Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir Lilek Kristu.

 

Tema: Feddejja ma’ Kristu l-Feddej. 

KKK: 208,863,897-913.

Objettiv:  Ara pp.1-2 hawn fuq.

 

 

1. Talba tal-Bidu: Wara l-eżerċizzju tal-Preżenza ta’ Alla u Kant tal-Bidu, it-Talba lill-Ispirtu s-Santu, jew talba oħra spontanja mill-Animatur.

 

2. L-Esperjenza -  Il-Kelma ta’ Alla fil-Ktieb tal-Ħajja (fil-gruppi ż-żgħar)

Wara ħin ta’ skiet ngħaddu biex nirrifletu x’qiegħed jgħidilna Alla fl-esperjenza ta’ ħajjitna:

Ġieli ħassejt xi sejħa speċjali minn Alla? Kif ġietek? Kif ntbaħt biha? Kif żviluppat? Kellek tiċċaħħad minn xi ħaġa minħabba fiha?

 

3. Il-Kelma ta’ Alla fl-Evanġelju (fi-grupp il-kbir)

Wara li nisimgħu l-esperjenzi, naqraw bil-mod is-silta tal-Evanġelju:

Lq 5,1-11: X’neħtieġu biex inkunu profeti ma’ Kristu l-Profeta?

 

Fis- skiet, nistaqsu: X’qed jgħidilna l-Mulej, dwar l-esperjenzi tagħna?

 

Nieħdu r-reazzjonijiet, imbagħad niċċarawhom b’riflessjonijiet mill-librett tal-Mixja tal-Fidi ma’ l-Assemblea tal-Ewwel Ħadd. Fil-Handouts insibu ġabra f’punti fil-qosor.

 

N.B. Aqra p.3 ta’ hawn fuq biex tkun tista’ tagħmel referenzi għaliha.

 

1. Is-silta tal-lum titkellem dwar is-sejħa tal-ewwel dixxipli. Ġesù jitla’ fid-dgħajsa ta’ Xmun. Hekk huwa nnifsu jsir wieħed mis-sajjieda frustrati wara lejl jitħabtu għalxejn. Din kienet is-sitwazzjoni tal-poplu li miegħu ltaqa’ Ġesù. Poplu bil-ġuħ għall-Kelma ta’ Alla; poplu li jaħdem biex talinqas jaqla’ x’jiekol; m’għandu xejn x’jagħmel  ħlief jaħsel ix-xbieki, vojta wara lejl xogħol.

 

2. Talbu jaqla’ xi ftit ’il barra. Ġesù ried jinqala’ xi ftit il-barra, mhux biex jitbiegħed mill-poplu, imma biex iżommu quddiem għajnejh; u biex iwasslilhom kelma li tolqothom u tidħol f’ħajjithom, teħlishom minn dak li kien jgħakkishom, u ġġib it-tiġdid.

 

3. Ħa l-pożizzjoni ta’ Mgħallem (bilqiegħda). San Luqa ma jgħidilniex x’għallimhom. Hemm bżonn jgħidilna? X’seta’ jgħid Ġesù lil dan il-poplu frustrat u mkasbar, bilkemm jaqla’ x’jiekol? Nibqgħu żguri, m’għamlilhomx priedki fil-vojt. Aħna x’għandna nxandru lin-nies ta’ żmienna? X’inhu meħtieġ biex inkunu profeti? X’lingwaġġ irridu nużaw biex inwasslu l-Bxara t-Tajba lin-nies tal-lum?

 

 4. “La qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek. Pietru laqa’l-Kelma tal-Imgħallem u ried jidħol fi sħab miegħu. Minn issa ’l quddiem l-attenzjoni ta’ Pietru kellha tintefa’ fuq il-Kelma tal-Imgħallem, kelma kapaċi ġġib bidla fil-ħajja prekarja tiegħu u tal-poplu kollu.Ir-riżultat ta’ din il-fiduċja fil-Kelma tal-Imgħallem hu l-bidla sħiħa fis-sitwazzjoni, xi ħaġa li ma kienu qatt jistennew: Qabdu kotra kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom... u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.

 

5. Il-frott tax-xandir u s-smigħ tal-Kelma:

-          “Tbiegħed minni, Mulej.”

-          “Tibżax, minn issa ’l quddiem se taqbad in-nies”.

-          Telqu kollox u marru warajh.

 

Is-smigħ tal-Kelma issa jrid jissarraf f’dixxipulat u missjoni. Il-proġett ta’ Ġesù hu li jeħles il-bnedmin kollha tad-dinja billi jagħtihom il-ħajja bil-kotra. Biex dan iseħħ, huwa jsejjaħ lil dawk kollha li jagħtu attenzjoni lill-Kelma tiegħu u jitilqu kollox biex jimxu warajh. Il-Mulej isejjaħ lilna lkoll, kleru u lajċi,  biex nissieħbu miegħu u nkunu sajjieda tal-bnedmin. Ħadd mhu żejjed fid-dgħajsa ta’ Pietru u kulħadd hu meħtieġ, għax xogħol hemm għal kulħadd. Jista’ wkoll li fil-qadi tal-missjoni tagħna jkollna sitwazzjonijiet fejn insejħu ħaddiema oħra li m’humiex “fid-dgħajsa tagħna”: ”Għamlu sinjal lil sħabhom, li kienu fid-dgħajsa l-oħra, biex jiġu jagħtuhom daqqa ta’ id”.

 

Biex inwettqu sew il-missjoni tagħna, aħna lkoll, kleru u lajċi, għandna bżonn nikkonvertu. Il-missjoni tagħna rridu nwettquha b’sens kbir ta’ umiltaÏ, ma nagħmlux lilna nfusna fuq l-oħrajn, għax il-Mulej ma qegħedniex fuq l-oħrajn. Lanqas ma aħna aħjar minnhom. Ma nitqażżu lil ħadd, ma naqtgħu barra lil ħadd, għax aħna lkoll midinbin. Pjuttost, irridu nħallu lil Ġesù  jaħtafna u jiġbidna bil-personalitaÏ tiegħu, bil-Kelma fejjieda tiegħu u bl-Ispirtu li jsawwab fina l-imħabba tiegħu. Hekk inħarsu lejn l-oħrajn, kif iħares lejhom hu.

 

Nemmnu li Ġesù huwa s-Sid tal-impossibbli, anki meta r-realtaÏ ssir iebsa u mudlama, ħafna ’l fuq mill-ħila u mir-raġunamenti tagħna? Lesti li nġibu ruħna bl-umiltaÏ ta’ Pietru u bil-fiduċja tiegħu f’Ġesù, u naqdfu ’l barra fil-fond u mmiddu x-xbiek?

 

4. Azzjoni: Wara din ir-riflessjoni, irridu nirranġaw jew inżidu xi ħaġa ma’ dak li ħsibna qabel? X’qed jgħidilna nagħmlu issa? Ara l-mistoqsijiet u s-suġġerimenti li nsibu  fil-Librett p.28.

 

Għeluq: Nagħlqu b’talb spontanju, il-Missierna u l-Għotja tal-Paċi, Kant tal-għeluq.