Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

L-EPIFANIJA TAL-MULEJ

Sena C -

L-EWWEL QARI - Is 60, 1-6

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Qum! Ħa jiddi wiċċek, Ġerusalem.
Id-dawl tiegħek wasal!
Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!
Ara, id-dlamijiet jiksu l-art,
u sħab iswed lill-popli:
iżda fuqek jiddi l-Mulej, u s-sebħ tiegħu jfeġġ fuqek.
Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek,
u s-slaten fid-dija ta’ sbiħek.
Erfa’ u dawwar għajnejk madwarek u ara:
lkoll miġbura ġejjin għandek.
Uliedek ġejja mill-bogħod,
u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.
Imbagħad tħares u wiċċek jiddi,
u tħabbat u timtela qalbek,
għax fuqek taqa’ l-kotra tal-ġid ta’ l-ibħra,
u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.
Imrieħel ta’ iġmla għad jgħattuk,
l-iġmla żgħar ta’ Midjan u Għefa;
lkoll minn Saba jiġu,
mgħobbija bid-deheb u l-inċens,
u jxandru t-tifħir tal-Mulej.


Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 71


Il-ġnus kollha ta’ l-art jagħtuk qima, Mulej.

Is-sultan jiġġudika l-popli tiegħek bis-sewwa
u l-imsejknin tiegħek bil-ħaqq.

R/. Il-ġnus kollha ta’ l-art jagħtuk qima, Mulej.

Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,
u s-sliem kotran għal dejjem ta’ dejjem.
Ħa jsaltan minn baħar sa baħar,
U mix-xmara sa truf l-art.

R/. Il-ġnus kollha ta’ l-art jagħtuk qima, Mulej.

Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer iġibu ir-rigali,
Is-slaten ta’ Xeba u ta’ Saba jħallsu t-tribut.
U jqimuh is-slaten kollha,
il-ġnus kollha jaqduh.

R/. Il-ġnus kollha ta’ l-art jagħtuk qima, Mulej.

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,
u lill-imsejken bla għajnuna ta’ ħadd.
Iħoss għall-magħkus u għall-fqir;
u l-ħajja tal-fqar isalva.

R/. Il-ġnus kollha ta’ l-art jagħtuk qima, Mulej.

 

IT-TIENI QARI - Ef 3,2-6

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti: Jekk kif tassew ġara, intom smajtu bil-pjan tal-grazzja ta’ Alla mogħtija lili għall-ġid tagħkom, jiġifieri, li permezz ta’ rivelazzjoni, kien mgħarraf lili l-Misteru, bħalma ġa ktibtilkom fil-qosor; minn dak li qrajtu tistgħu tifhmu sewwa kemm jiena dħalt fil-qalba tal-Misteru ta’ Kristu, dak il-Misteru li, fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija, ma kienx mgħarraf lill-bnedmin, bħalma issa ġie rrivelat lil l-appostli qaddisa tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri, li l-pagani huma msejħa biex ikollhom l-istess wirt, ikunu membri ta’ l-istess Ġisem, u jkollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù, permezz ta’ l-Evanġelju.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

 

HALLELUJAH
HALLELUJAH HALLELUJAH

Rajna il-kewkba tiegħu fil-Lvant,
u ġejna nqimu l-Mulej.
Hallelujah.

 

L-EVANĠELJU - Mt 2, 1-12

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.

Meta twieled Ġesu’ f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mill-Lvant ġew Ġerusalem jistaqsu: “Fejn hu s-sultan tal-Lhud li twieled? Għax rajna l-kewkba tiegħu fil-Lvant, u ġejna nqimuh.’’
Is-sultan Erodi sema’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalem kollha miegħu. U, wara li ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, ried jaf minn għandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: ‘U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, xejn ma int l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Israel.’”

Imbagħad Erodi sejjaħ l-maġi, u bir-reqqa kollha tkixxef minn għandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba, bagħathom f’Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh, ejjew għiduli, biex jien ukoll niġi nqimu.”
Dawk, wara li semgħu s-sultan, telqu; u ara, il-kewkba li kienu raw fil-lvant bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq fejn kien it-tifel. Kif raw il-kewkba, mtlew f’ferħ kbir tassew. U meta daħlu d-dar, raw it-tarbija ma’ ommu Marija, u xteħtu jqimuh; imbagħad fetħu t-teżori tagħhom, u offrewlu rigali: deheb, inċens u mirra. U wara li kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, reġgħu lura lejn arthom minn triq oħra.

Il-Kelma tal-Mulej
It-tifħir lilek Kristu.

 


1. Il-Preżenza ta’ Alla: “Ejja Spirtu s-Santu”.

 

2. L-Esperjenza -  Il-Kelma ta’ Alla fil-Ktieb tal-Ħajja:

Kif iċċelebrajt il-Milied fil-familja tiegħek? X’se tagħmel biex Ġesù jibqa’ jikber fil-fil-ħajja tiegħek u fil-familja tiegħek?

 

3. Il-Kelma ta’ Alla fl-Evanġelju: Aqra bil-mod is-silta mill-Evanġelju:

Mt 2,1-12: Is-Salvazzjoni miftuħa għall-bnedmin kollha permezz ta’ Ġesù.

 

Wara ħin ta’ skiet, aħseb u staqsi: X’qed tgħidili, Mulej, fuq l-esperjenzi tiegħi?

 

·          Il-ġrajja tal-Maġi nsibuha biss fl-Evanġelju ta’ San Mattew. Fiha jurina li s-salvazzjoni li ġab Ġesù fit-twelid tiegħu ma ġietx biss għal-Lhud, imma wkoll għall-pagani, rappreżentati mill-“Maġi”.  Iżda, quddiem din il-ġrajja ħadd ma jista’ jibqa’ newtrali, indifferenti. Kemm Lhud u kemm pagani, il-bnedmin kollha, jridu xi darba jew oħra jieħdu pożizzjoni. Ir-rakkont tal-Maġi jagħtina konklużjoni xierqa għall-mixja li għamilna mill-bidu tal-Avvent sal-lum.

 

·          Bil-kelma “Maġi” x’aktarx li l-Evanġelju jifhem xi għorrief-saċerdoti mill-Persja. Meta dawn imxew mal-kewkba u waslu Ġerusalemm bdew jistaqsu għad-direzzjoni fejn twieled is-sultan tal-Lhud. Erodi sema’ b’dan u hu wkoll xtaq ikun jaf il-post. Il-Maġi, jirrappreżentaw lil dawk kollha li għadhom ifittxu lil veru Sultan u Salvatur tad-dinja. Il-mixja tista’ tkun twila u mhux mingħajr xkiel.

 

·          Meta waslu fl-għar, għarfu lil dak li tant fittxew u offrewlu l-aħjar rigali tagħhom: deheb, inċens u mirra. Għal missirijiet il-Knisja dawn ir-rigali għandhom tifsira simbolika: id-deheb - Ġesù hu l-veru sultan; l-inċens – Ġesù hu Alla; il-mirra – Ġesù se jwettaq il-missjoni ta’ salvazzjoni permezz tal-mewt fuq is-salib.

 

·          L-Evanġelju jrid juri li l-veru sultan m’hux Erodi, krudil u għatxan għall-poter. Il-poter għandu postu f’Ġerusalemm, fejn saħansitra r-reliġjon setgħet tintuża biex issaħħaħ il-poter tas-sultan flok tagħti qima lil Alla. Il-veru sultan tal-Lhud hija dik it-Tarbija li għadha kemm twieldet f’Betlehem, il-belt tas-sultan David, ir-Ragħaj tal-Poplu ta’ Alla.

 

·          Meta reġgħu lura ma għaddewx minn Ġerusalemm. Qatgħu kull relazzjoni ma’ Erodi u dak li, skond l-Evanġelju, kien ifisser Erodi - ħakma, ambizzjoni, vjolenza, qerq, qerda: Reġgħu lura minn triq oħra.

 

L-Evanġelju jgħidilna li ġew imwissijin f’ħolma. Aħna lkoll, bħalhom, noħolmu dinja oħra aħjar, dinja ta’ paċi, ta’ solidarjetà, ta’ ġustizzja, ta’ mħabba. Imma spiss ninsewha; jew ngħawġuha biex issir skond ma jgħidilna l-egoiżmu tagħna. It-triq it-tajba hija t-triq li tana Ġesù permezz ta’ ħajtu, fil-qadi lil Alla u lill-bnedmin, bla ma warrab lil ħadd, lanqas lil dawk li sallbuh. Din it-triq Ġesù qed joffrihielna biex insiru “wirt” ta’ Alla u tal-wegħda tiegħu. X’se nwieġbu?

 

·          Il-festa ta’ l-Epifanija trid tfisser is-sejħa li Alla jagħmel lil kull bniedem u lil kull poplu biex jagħrfuh bħala Alla tagħhom u hekk id-dinja ssir spazju dejjem aktar uman u aktar fratern. Din is-sejħa ssir konkreta u mwassla lillna, fil-persuna u l-ħajja ta’Ġesù, l-Iben ta’ Alla. Il-Maġi għarfu li huwa biss Ġesù, il-Mibgħut minn Alla, li seta’ jwettaq il-ħolma li l-bnedmin kollha isiru tassew familja waħda, ulied ta’ Missier wieħed u aħwa ta’ xulxin.

 

·          Erodi fittex li jeqred lit-tarbija ta’ Betlehem. Għaraf fiha theddida għax-xewqat ta’ vendetti u ħakma li bihom qalbu kienet mimlija. Il-ġibda lejn l-għana u s-setgħa – l-“Erodi” ta’ kull żmien – tfixkel lil kull bniedem fil-mixja u t-tfittxija tal-veru hena. Iżda xorta waħda l-ħolma tibqa’ hemm - dik ta’ dinja aħjar, differenti u ma tixbah xejn lid-dinja tas-setgħana, dinja li bdiet fil-preżenza u fil-kelma tat-tarbija ta’ Betlehem. Ilkoll irridu nifhmu li biex il-ħolma ssir realta’, il mixja hi twila, mimlija riskji u reżistenzi, imma hu Alla li qiegħed imexxiha u jweżinha ’l quddiem.

 

·          Il-maġi offrew lill-Bniedem-Alla r-rigali tagħhom. Iżda l-aqwa rigali ma kenux id-deheb, l-inċens u l-mirra, imma l-għotja tagħhom infushom: “U nxteħtu jqimuh”. Din hija d-deċiżjoni li jqimuh bħala Alla tagħhom u joqogħdu għat-tmexxija tiegħu.

 

Il-vera adorazzjoni ta’ dan is-Sultan-Ragħaj ssirx bil-vjolenza,  mill-ħakma ta’ wieħed fuq l-ieħor jew bl-għana u l-flus, lanqas b’reliġjon li tibqa’ biss fuq ġewwa bla bidla fil-ħajja u bla mpenn fl-għemil. Imma billi wieħed jagħti lilu nnifsu lil dan it-Tfajjel ċkejken, li l-ħajja u t-tagħlim tiegħu se jurina r-rieda ta’ Alla u kif ngħixuha f’ħajjitna. Kif se nwieġbu għas-sejħa tiegħu?

 

4. Konverżazzjoni/Azzjoni:  Xi tridni nagħmel, Mulej? Xi tridni nbiddel?     

 

1. Xi tfisser “tadura” lil Alla? Inkunu qed naduraw lil Alla tassew, jekk l-adorazzjoni tagħna ma tissarrafx f’ħajja ta’ impenn għal soċjetà aktar ġusta u fraterna? X’azzjonijiet konkreti tipproponi biex dan l-impenn iseħħ?

3. Hemm x’jinbidel fl-attteġġjament tagħna lejn nies ta’ razez oħra, kulur jew twemmin ieħor, u lejn l-immigranti, “ir-rgħajja” tal-lum fostna?

 

5. Għeluq: Agħmel talba spontanja u itlob “Il-Missierna”.