IL-JUM QADDIS TAL-QAWMIEN

TAL-MULEJ MILL-IMWIET

Sena C- L-GĦID IL-KBIR  

Mill-Qawmien ta’ Kristu titwieled il-Knisja.

L-Ewwel Qari: Atti 10, 34a.37-43: Il-fidi fi Kristu Rxoxt tagħmilna xhiehda tiegħu.

It-Tieni Qari: Kol 3, 1-4: Ngħixu l-Qawmien ta’ Kristu, illum issa fit-twettiq definittiv.

L-Evanġelju ta’ filgħodu: Ġw 20, 1-9:  Il-Komunità tfittex lil Ġesù u tfittex lilha nfisha.  -  L-imħabba twassalha għall-fidi.

L-Evanġelju ta’ filgħaxija: Lq 24, 13-35: Għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

 

L-1 QARI - Atti 10, 34a, 37-43
Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli.
 

F’dak iż-żmien: Pietru qabad jitkellem u qal: “Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni xandar il-magħmudija: kif Alla kkonsagra ’l Ġesù ta’ Nażaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq ’il dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu.

U aħna xhieda ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm. Tawh il-mewt billi dendluh ma’ salib. Imma Alla qajmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lilna, bħala xhieda li Alla għażilna minn qabel, aħna li miegħu kilna u xrobna wara li qam mill-imwiet. Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li hu dak li ġie magħmul minn Alla imħallef tal-ħajjin u tal-mejtin.

Għalih jagħtu xhieda l-profeti kollha: li kull min jemmen fih jaqla’ f’ismu l-maħfra tad-dnubiet.

Il-Kelma tal-Mulej.

 

SALM RESPONSORJALI - Salm117


Dan hu l-jum li għamel il-Mulej: ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax it-tjieba għal dejjem!
Ħa jgħid Israel:
It-tjieba tiegħu għal dejjem!  R/.

 

Il-leminija tal-Mulej marret minn fuq,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!
Ma mmutx, imma ngħix,
u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej. R/.

 

Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. R/.

 

Għat-Tieni Qari tingħażel silta mit-tnejn li ġejjin.

IT-2 QARI - Kol 3, 1-4
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin.
 

Ħuti: Jekk intom irxoxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk ta’ l-art.

Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fis-sebħ.

Il-Kelma tal-Mulej.

jew:

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. (1 Kor 5, 6b-8)

Ħuti: Ma tafux li ftit ħmira ttella’ l-għaġna kollha? Naddfu ’l barra l-ħmira l-qadima ħa tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira. Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul. Nagħmlu festa, mela, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.

Il-Kelma tal-Mulej.

 

SEKWENZA


Ħa jgħollu l-insara b’tifħirhom
il-Vittma tal-Għid:
għax feda l-Ħaruf in-ngħaġ tiegħu
mill-jasar tal-mewt;
Ġesù reġa’ ħabbeb il-midneb
ma’ Alla l-Missier.

F’taqbida tal-għaġeb mal-Ħajja
inqerdet il-Mewt;
u qam Sid il-ħajja mill-qabar,
isaltan rebbieħ.

Għidilna, Marija, ħabbrilna:
Fit-triq ’il min rajt?

“Jien rajt qabar Kristu li rxoxta
fis-sebħ tal-qawmien;
rajt l-Anġli li ġew jagħtu xhieda,
il-faxxa, l-liżar.
Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi,
li fih ittamajt!
Mar hu l-Galilija qabilkom:
hemmhekk se tarawh.”

Oh, nemmnu li llum Kristu rxoxta
tassew mill-imwiet!
Int mela, Sultan, ħenn għalina,
O Kristu rebbieħ.
Amen! Hallelujah!

 

HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Il-Ħaruf tal-Għid tagħna,
li hu Kristu, hu maqtul:
nagħmlu mela festa fil-Mulej.
Hallelujah.

 

L-EVANĠELJU - Ġw. 20, 1-9
Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.
 

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marjam ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor il-maħbub ta’ Ġesù , u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh.”

Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru, u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel mixħutin hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel mixħutin, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mgeżwer u mixħut għalih.

Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal wkoll, ra, u emmen.

Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li kienet tgħid li kellu jqum mill-imwiet.

Il-Kelma tal-Mulej.

 

Fil-Quddiesa ta’ filgħaxija ta’ llum jista’ jinqara
l-Evanġelju li ġej:

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa. (Lq 24, 13-35)

Dak in-nhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, sittin stadju ’l bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jistaqsu ’l xulxin, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh.

U hu qalilhom: “X’intom titħaddtu bejnietkom intom u mexjin?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuqhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Int waħdek f’Ġerusalemm il-barrani li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”

“X’ġara?” staqsiehom. Qalulu: “Fuq Ġesù ta’ Nażaret, li kien profeta, setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Israel; iżda mbagħad fuq kollox, ġa għaddew tliet ijiem fuq din il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-ġisem tiegħu ma sabuhx, u ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”

Imbagħad qalilhom Ġesù: “Kemm intom bla għaqal u moħħkom tqil biex temmnu dak kollu li qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jgħaddi minn dawn il-ħwejjeġ u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-profeti kollha ifissrilhom kull ma kien hemm fuqu fl-Iskrittura.

Meta qorbu ħdejn ir-raħal fejn kienu sejrin, hu għamel tabirruħu li se jibqa’ sejjer ’il bogħod. Iżda huma riedu jżommuh u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jispiċċa.” Imbagħad daħal joqgħod magħhom.

U waqt li kien fil-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qasmu u tahulhom. Għajnejhom imbagħad infetħulhom u għarfuh, iżda hu kien għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinetx imħeġġa qalbna ġewwa fina waqt li kien qiegħed ikellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”

Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu l-Ħdax u ’l sħabhom miġburin flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”

U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq u kif għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

Il-Kelma tal-Mulej.

 

Matul il-jum tal-Għid, li jkompli fil-Ħdud li ġejjin, aħna ngħixu mill-ġdid l-esperjenza tal-ewwel komunità Nisranija, il-Knisja li titwieled mill-qawmien ta’ Kristu. Filgħodu kmieni, kif kien għadu d-dlam, il-komunità tfittex lil Ġesù ħdejn il-qabar  (-Evanġelju ta’ San Ġwann filgħodu), sa ma tiltaqa’ miegħu fit-triq u tagħrfu ferħana fil-qsim tal-ħobż u fil-qsim tal-ħajja flimkien (l-Evanġelju ta’ San Luqa filgħaxija). Hekk, tirxoxta miegħu  (it-tieni qari mill-Ittra lill-Kolossin); u tagħti xiehda tiegħu fid-dinja (l-ewwel qari mill-Atti). Il-qari jagħtina l-proċess li rridu nagħmlu  biex nimmaturaw fil-fidi.

Is-silta hija katekeżi fuq il-Qawmien ta’ Ġesù mill-komunità ta’ Ġwanni. Għal seba’ darbiet tissemma l-kelma qabar, insistenza li tqanqalna biex nieħdu pożizzjoni. Kif se nħarsu lejn il-qabar vojt ta’ Kristu f’Ħadd il-Għid? Ġesù għadu mejjet jew ħaj? Neħtieġu iktar “sinjali” biex nibdew nemmnu?

 

1. Marija ta’ Magdala - Il-komunità li għadha tfittex lil  Ġesù

Marija Magdala tirrappreżenta l-komunità li għadha ma tistax tassimila l-mewt ta’ Ġesù.  Għadha mifxula, ma tafx fejn taqbad tagħti rasha.  Tmur tfittex ħdejn il-qabar, il-post tal-mejtin. Quddiem il-qabar vojt, titkellem f’isem ġemgħa ta’ nies: Qalgħu l-Mulej mill-qabar u ma nafux fejn qegħduh.  Tirrappreżenta lil dawk kollha li jaħsbu li l-qabar hu l-post fejn il-proġett ta’ Alla tfarrak u falla. Mal-mewt spiċċa kolox.

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni, kif kien għadu d-dlam.  Kien diġà sebaħ il-jum tal-ħolqien il-ġdid, imma għal Marija ta’ Magdala kien għadu d-dlam, għadu bil-lejl.  Il-lejl, id-dlam, jirrappreżentaw lid-“dinja” li ċaħdet il-ħajja, li ma emmnitx f’Ġesù (Ara Ġw 1,5; 3,19; 6,17; 12,35).   Il-komunità tfittex anzjuża biex issib il-ħajja u l-imħabba, imma xi kultant tfittixhom fejn ma tistax issibhom..   

 

2.  Pietru u Ġwanni: Jiġru flimkiem  - Jasal l-ewwel min iħobb l-aktar. 

Iż-żewġ dixxipli wkoll jirrappreżentaw il-komunità. L-Evanġelju jagħti x’jifhem li l-komunità kienet xterrdet (ara 16,32). Marija ta’ Magdala kienet iltaqgħet mat-tnejn waħedhom.  Il-ħsieb ta’ San Ġwann jidher ċar:  il-komunità ma tistax tingħaqad qabel ma ssib lil Kristu Rxoxt..

Iż-żewġ dixxipli, ħarġu jiġru lejn il-qabar.  Imma d-dixxiplu l-ieħor, il-maħbub ta’ Ġesù. . . ħaffef aktar minn Pietru u wasal qablu. Jasal l-ewwel minn iħobb l-aktar. Tbaxxa u ra l-faxex tal-għażel mixħutin  hemm, iżda ma daħalx.  Ra sinjali ta’ ħajja, imma kien għadu ma interpretax sew dak li ġara.  Il-faxex u l-fwejjaħ jistgħu jkunu allużjoni għas-sodda ta’ żwieġ:  Għal Ġwanni, id-dixxiplu l-maħbub, il-qabar m’hux il-post tal-mewt, imma laqgħa tal-Mulej mal-Għarusa tiegħu, il-komunità nisranija, li minnu tieħu ħajjitha.

Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar.  Id-dixxiplu l-maħbub ma jqisx lilu nnifsu ogħla minn Pietru. Għalkemm kien hu li baqa’ ma’  Ġesù sal-aħħar, meta l-oħrajn beżgħu u telqu,  ħalla lil Pietru jidħol qablu, ġest ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ maħfra, fuq l-eżempju ta’ Ġesù.  

Pietru daħal fil-qabar, ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu, dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih.  Dawn id-dettalji juru ċar li ma kienx  hemm vjolazzjoni tal-qabar, lanqas serq tal-katavru  - il-ħallelin ma kinux se joqogħdu jitwu l-maktur.  Ġara xi ħaġa li qatt ma nstemgħet.  Imma kien id-dixxiplu l-maħbub biss li seta’ jifhimha u jagħmilha l-oġġett tal-fidi tiegħu: Imbagħad daħal id-dixxiplu l-maħbub, ra, u emmen. Nikbru fil-fidi skond kemm inkunu intimi ma’ Ġesù: id-dixxiplu l-maħbub kien l-istess iwieħed li kien qrib ta’ Ġesù fl-Aħħar Ikla, fil-ħin tal-kundanna tiegħu  u  sal-mewt fuq is-salib.

Ġesù ħall l-irbit tal-mewt.  Huwa ħaj. Imiss issa lill-komunità li tagħmel dak li Ġesù kien ordna fil-qawmien ta’ LazzruĦollulu l-faxex u ħalluh imur (Ġw 11,44).

 

3. Id-dixxipli ta’ Għemmaws: Tqal biex jifhmu  - Għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

L-Evanġelju ta’ Luqa jġib fit-tmiem dan il-Jum. Iż-żewġ dixxipli juru biċ-ċar kif kienet tinsab l-ewwel komunita’ dak in-nhar, mifxula, imxerrda, mitluqa għal għonq it-triq bla direzzjoni, bla tama u bla messaġġ, titbiegħed dejjem  iżjed minn Ġerusalemm, il-post fejn Ġesù kien ta x-xiehda tiegħu. Ġesù nnifsu jersaq lejhom u jimxi magħhom fit-triq, ifissrilhom l-Iskrittura, iħeġġilhom qalbhom,  jiftħilhom għajnejhom biex jagħrfuh fil-qsim tal-ħobż u fl-għaqda ta’ bejniethom: Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu l-Ħdax u ’l sħabhom miġburin flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew u deher lil Xmun!”

 

L-Evanġelju f’ħajjitna llum  - Mistoqsijiet

Il-qawmien ta’ Ġesù jqanqalna biex nagħmlu mistoqsijiet importanti dwar ħajjitna, kemm personali u wkoll bħala komunità ta’ Kristu fid-dinja ta’ żmienna:

X’inhi s-sitwazzjoni tal-ħajja tal-fidi tagħna? Anzjuża, bħal Marija ta’ Magdala, tfittex lil Ġesù fil-qabar? jew bħal Pietru tara s-sinjali u ma tifhimhomx? jew bħal Ġwanni “tara u temmen”? jew, bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, imxerrdin, “għajnejna tqal biex nifhmu”, bla tama u bla direzzjoni?

Nafu li Ġesù miexi magħna fit-triq, jew għadu “barrani” għalina? Qed jitħeġġu qlubna u jinfetħulna għajnejna fit-tifsir tal-Iskrittura, fil-qsim tal-ħobż u fil-komunjoni ta’ bejnietna?

Fejn huma s-sinjali tal-qawmien ta’ Ġesù fostna? X’inhi x-xiehda tal-qawmien tiegħu li qed nagħtu lid-dinja u lis-soċjetà ta’ żmienna?

It-tweġibiet  għal dawn il-mistoqsijiet jiftħulna t-triq biex inkomplu ngħixu dan il-Jum fil-Ħdud li ġejjin.