IT-TIFKIRA SOLENNI

TAL-PASSJONI TAL-MULEJ

L-EWWEL QARI - Is 52, 13-53, 12
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.

Araw! Il-qaddej tiegħi jsib ir-risq,
jogħla, jintrefa’ u jkun ‘il fuq minn kulħadd.
Bħalma ħafna baqgħu mistgħaġba bih,
għax wiċċu tħassar, donnu ma kienx bniedem,
u s-sura tiegħu ma kontx tqisha ta’ bniedem, --
hekk għad jistagħġbu ħafna ġnus minħabba fih.
Quddiemu s-slaten jagħalqu ħalqhom,
għax għad jaraw ġrajja li qatt ma ssemmiet
u jifhmu dak, li qatt ma semgħu bih.

Min kien jemmen l-aħbar tagħna?
U driegħ il-Mulej lil min intwera?
Bħal xitla kiber quddiemna,
u bħal għerq minn art niexfa.
Ebda sura ma kellu
U ebda ġmiel biex inħarsu lejh
jew xi sura biex nitgħaxxqu bih.
Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin,
bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard,
bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu,
bniedem imżeblaħ, li aħna xejn ma qisnieh.

Dan hu refa’ fuqu l-mard tagħna,
tgħabba bin-niket tagħna.
Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat.
Milqut minn Alla u miġjub fix-xejn.
Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna,
misħuq minħabba fi ħżunitna.
Għas-saħħa tagħna waqqa’ l-kastig fuqu,
u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.
Aħna lkoll bħal ngħaġ mitlufa,
kull wieħed minnha qabad triq għal rasu.
U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen kollu tagħna.

Ħaqruh, u hu qagħad għalihom
bla ma biss fetaħ fommu;
bħal ħaruf meħud għall qatla,
u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżża,
ma fetaħx fommu.
Bil-forza u l-ħaqq neħħewh;
U min qagħad jaħseb fuq xortih?
Iva, qaċċtuh mill-art tal-ħajjin,
minħabba fi dnub il-poplu tiegħi kien midrub.
U tawh qabar mal-ħżiena,
U mal-għonja difnuh,
għalkemm ma għamel ebda ħsara
U ebda qerq ma ħareġ minn fommu.

Iżda l-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard.
Jekk joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ tpattija,
Huwa għad jara nisel bla tmiem,
u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih.
Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl,
jixba’ bit-tagħrif tiegħu.
Il-qaddej il-ġust tiegħi jiġġustifika l-kotra,
u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.
Għalhekk nagħtih il-kotra b’sehmu,
u jkollu sehem fil-priża mal-qawwijin,
għaliex hu offra ruħu għall-mewt
u kien magħdud mal-midinbin
għad li neħħa l-ħtijiet tal-kotra
u daħal għall-midinbin.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 30
Missier, nerħi ruħi f’idejk;

Fik, Mulej, jien nistkenn;
Tħallini qatt ninfixel!
F’idejk jien nerħi ruħi;
Int ħlistni, Mulej, Alla veru.

R/. Missier, nerħi ruħi f’idejk

Għall-egħdewwa tiegħi kollha
jien sirt ħaġa taż-żebliħ,
ta’ twerwir, għall-ġirien tiegħi,
u ta’ biża’ għal min jafni.

R/. Missier, nerħi ruħi f’idejk

Dawk li jarawni barra
jaħarbu minni.
Insewni bħal wieħed mejjet,
irmewni bħal ġarra mkissra.

R/. Missier, nerħi ruħi f’idejk.

Imma jien fik nitma, Mulej,
Jien ngħidlek: “Alla tiegħi int!’’
F’idejk hi xortija,
eħlisni minn id l-egħdewwa
u minn id dawk li jeħduha kontrija.

R/. Missier, nerħi ruħi f’idejk.

Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek;
Fit-tjieba tiegħek eħlisni.
Agħmlu l-ħila u qawwu qalbkom,
intom ilkoll, li tittamaw fil-Mulej.

R/. Missier, nerħi ruħi f’idejk.

 

IT-TIENI QARI - Lhud 4, 14-16; 5, 7-9
Qari mill-Ittra lill-Lhud.

Ħuti: Meta aħna għandna l-qassis il-kbir li hu tassew kbir, qassis li daħal fis-smewwiet, Ġesu’ Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-istqarrija tal-fidi tagħna. Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder in-nuqqas ta’ ħila tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra fid-dnub. Ħa nersqu, mela b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu.
Meta kien igħix fuq l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U ġie mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Minħabba fina Kristu obda sal-mewt,

anzi sal-mewt tas-salib.

għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet

u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem.

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

L-EVANĠELJU - Ġw 18, 1-19, 42
Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu skond San Ġwann


Ċ F’dak iż-żmien: Ġesu’ ħareġ mad-dixxipli tiegħu u qasam il-wied ta’ Kedron għan-naħa l-oħra, fejn kien hemm ġnien li fih daħal mad-dixxipli tiegħu. Ġuda, dak li ttradih, kien jafu tajjeb il-post, għax Ġesu kien sikwit jinġabar hemm mad-dixxipli tiegħu. Ġuda ġieb hemmhekk ġemgħa suldati u xi għases mibgħuta mill-qassisin il-kbar u l-Fariżej, bil-fanali, torċi u armi. Ġesu’, li kien jaf b’kull ma kien ġej fuqu, mar fuqhom u qalilhom:
 “Lil min qegħdin tfittxu?’’
Ċ Huma weġbuh:
S “Lil Ġesu’ ta’ Nażaret.’’
Ċ U hu qalilhom:
“Jiena hu.’’
Ċ Ġuda, dak li ttradih, kien hemm magħhom huwa wkoll. Meta Ġesu’ qalilhom, Jiena hu, huma resqu lura u waqgħu ma’ l-art. U hu reġa’ staqsiehom:
“Lil min qegħdin tfittxu?’’
Ċ U huma qalulu:
S “Lil Ġesu’ ta’ Nażaret.’’
Ċ Ġesu’ weġibhom:
“Għidtilkom li jien hu. Jekk jien hu dak li qegħdin tfittxu, ħallu ‘l dawn jitilqu.’’
Ċ Dan sar biex iseħħ dak li Ġesu’ kien qal, li minn dawk li tajtni, anqas wieħed biss ma tlift.
Xmun Pietru kellu sejf, siltu, u darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir: qatagħlu barra widintu l-leminija. Dan il-qaddej kien jismu Malku. Imma Ġesu’ qal lil Pietru:
“Erġa’ daħħal is-sejf fil-għant tiegħu. Forsi l-kalċi li tani Missieri ma għandix nixorbu?’’
Ċ Imbagħad is-suldati u l-kaptan tagħhom, flimkien mal-għases Lhud, qabdu ‘l Ġesu’ u rabtuh. L-ewwel ħaduh għand Anna, billi dan kien missier il-mara ta’ Kajfa, il-qassis il-kbir f’dik is-sena. Kajfa kien dak li ta’ parir lil-Lhud li jkun jaqbel li bniedem wieħed imut għall-poplu.
Issa Xmun Pietru u d-dixxiplu l-ieħor kienu marru wara Ġesu’. Dak id-dixxiplu kien midħla tal-qassis il-kbir, u għalhekk daħal fil-bitħa tal-qassis il-kbir flimkien ma’ Ġesu’. Imma Pietru, qagħad barra, ħdejn il-bieb. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, billi kien midħla tal-qassis il-kbir, ħareġ ikellem lill-purtinara, u daħħal ‘il Pietru ġewwa. It-tfajla li kienet tagħmilha ta’ purtinara qalet lil Pietru:
S “Int mintix ukoll wieħed mid-dixxipli ta’ dar-raġel?’’
Ċ Hu weġibha:
S “Le, miniex.’’
Ċ Il-qaddejja u l-għases kienu kebbsu n-nar mill-faħam, għax kien il-bard, u qagħdu hemm għas-sħana. U Pietru wkoll qagħad magħhom biex jisħon.
Il-qassis il-kbir staqsa ‘l Ġesu’ fuq id-dixxipli u t-tagħlim tiegħu. Ġesu’ wieġbu:
“Jiena tħaddidt fil-beraħ, quddiem kulħadd. Għallimt dejjem fis-sinagogi u fit-Tempju, fejn jinġabru l-Lhud kollha, u bil-moħbi ma għidt xejn. Għalfejn qiegħed tistaqsi lili? Staqsi lil dawk li semgħuni, x’għidtilhom. Ara, huma jafu x’għidt.’’
Ċ Kif qal hekk, wieħed mill-għases li kien ħdejh ta daqqa ta’ ħarta lil Ġesu’ u qallu:
S “Hekk twieġeb lill-qassis il-kbir?’’
Ċ Ġesu’ qallu:
“Jekk jien għidt xi ħaġa mhix sewwa, urini fejn; imma jekk għidt is-sewwa, għaliex terfa’ idek fuqi?’’
Ċ Imbagħad Anna bagħat ‘il Ġesu’ għand Kajfa, il-qassis il-kbir.
Pietru mela kien qiegħed hemm għas-sħana, u qalulu:
S “Int mintix ukoll wieħed mid-dixxipli tiegħu?’’
Ċ Imma hu ċaħad u qal:
S “Le, miniex.’’
Ċ Wieħed mill-qaddejja tal-qassis il-kbir, li kien jiġi minn dak ir-raġel li Pietru qatagħlu widintu, qal:
S “Mela jiena ma rajtekx miegħu fil-ġnien?’’
Ċ Pietru ċaħad għal darba oħra; u minnufih is-serduk idden.
Imbagħad ħadu ‘l Ġesu’ minn għand Kajfa għall-Pretorju; kien filgħodu kmieni. Huma ma daħlux fil-Pretorju, għax ma ridux jitniġġsu, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-ikla tal-Għid. Pilatu ħareġ barra ħdejhom u qalilhom:
S “X’għandkom xi tgħidu kontra dar-raġel?’’
Ċ U huma weġbuh:
S “Li kieku dan ma kienx raġel ħażin, aħna ma konniex se nagħtuh lilek’’.
Ċ Pilatu qalilhom:
S “Ħuduh intom, u għamlu ħaqq minnu intom skond il-Liġi tagħkom.’’
Ċ Imma l-Lhud qalulu:
S “Aħna ma għandna setgħa noqtlu lil ħadd’’.
Ċ Dan ġara biex iseħħ dak li Ġesu’ kien qal meta wera kif kellu jmut.
Pilatu reġa’ daħal fil-Pretorju, sejjaħ ‘il Ġesu’ u qallu:
S “Inti s-sultan tal-Lhud?’’
Ċ Ġesu’ wieġeb:
“Dan qiegħed tgħidu int, minn rajk? Jew kienu l-oħrajn li qalulek dan fuqi?’’
Ċ Pilatu wieġeb:
S “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?’’
Ċ Ġesu’ wieġeb:
“Is-saltna tiegħi mhix ta’ did-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ did-dinja, il-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhix ta’ hawn.’’
Ċ Pilatu qallu:
S “Mela int sultan?’’
Ċ U Ġesu’ wieġeb:
“Qiegħed tgħid li jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nuri l-verita’. U kull min iħobb il-verita’ jisma leħni.’’
Ċ Pilatu qal:
S “U l-verita’ x’inhi?’’
Ċ Kif qal dan, reġa’ ħareġ quddiem il-Lhud u qalilhom:
S “Jiena ma nsib ebda ħtija fih. Issa intom għandkom id-drawwa li neħilsilkom wieħed fil-Għid. Tridunix neħilsilkom lis-sultan tal-Lhud?’’
Ċ Hawn huma mill-ġdid bdew igħajtu u jgħidu:
S “Mhux lil dan, imma ‘l Barabba.’’
Ċ Dan Barabba kien ħalliel. Imbagħad Pilatu ordna li jieħdu ‘l Ġesu’ u jagħtuh is-swat. Is-suldati nisġu kuruna tax-xewk u qegħduhielu fuq rasu, u libbsuh mantar aħmar skur. U bdew ġejjin quddiemu u jgħidulu:
S “Sliem għalik, ja Sultan tal-Lhud!’’
Ċ U bdew jagħtuh bil-ħarta. Għal darba oħra Pilatu ħareġ barra biex igħidilhom:
S “Araw, qiegħed inġibu quddiemkom hawn barra, biex tkunu tafu li jien ma nsibx ħtija fih.’’
Ċ Ġesu’ ħareġ hemm barra, liebes il-kuruna tax-xewk u l-mantar aħmar, u Pilatu qalilhom:
S “Arawh, hawn hu l-bniedem!’’
Ċ Meta rawh, il-qassisin il-kbar u l-għases bdew igħajtu u jgħidu:
S “Sallbu, sallbu!’’
Ċ Pilatu qalilhom:
S “Ħuduh u sallbuh intom; jiena ma nsib ebda ħtija fih’’.
Ċ Il-Lhud weġbuh:
S “Aħna għandna Liġi, u skond din il-Liġi huwa għandu jmut, għax għamel lilu nnifsu Bin Alla’’.
Ċ Meta sema’ dan, Pilatu aktar beża’. Reġa’ daħal fil-Pretorju u qal ‘il Ġesu’:
S “Int mnejn int?’’
Ċ Imma Ġesu’ ma tah ebda tweġiba. Għalhekk Pilatu qallu:
S “Lili ma tkellimx? Ma tafx li jien għandi s-setgħa neħilsek u għandi s-setgħa nsallbek?’’
Ċ Ġesu’ wieġbu:
“Ma kien ikollok ebda setgħa fuqi kieku ma ġietx mogħtija lilek minn fuq; għalhekk min ta lili f’idejk għandu ħtija akbar.’’
Ċ Minn dak il-ħin ‘il quddiem Pilatu beda jfittex kif jeħilsu; imma l-Lhud komplew igħajtu u jgħidu:
S “Jekk teħles lil dan, tiksirha ma’ Ċesari, għax kull min jagħmel lilu nnifsu sultan ikun qiegħed jeħodha kontra Ċesari.’’
Ċ Meta semagħhom igħidu hekk, Pilatu ġieb ‘il Ġesu’ barra u hu qagħad bilqegħda fejn kien jaqta’ s-sentenzi, fil-post imsejjaħ Litostrotos, bil-Lhud Gabbata. Kien jum it-tħejjija tal-Għid, għall-ħabta ta’ nofs-in-nhar. Pilatu qal lil-Lhud:
S “Arawh is-sultan tagħkom!’’
Ċ Dawk infexxew igħajtu:
S “Neħħih, neħħih! Sallbu!’’
Ċ Pilatu qalilhom:
S “Jien se nsallab lis-sultan tagħkom?’’
Ċ Imma l-qassisin il-kbar weġbuh:
S “Aħna ma għandniex sultan ħlief lil Ċesari!’’
Ċ Fl-aħħar tahulhom biex isallbuh, u huma ħaduh.
Ġesu, mgħobbi hu stess bis-salib, ħareġ lejn il-post imsejjaħ Qorriegħa, bil-Lhudi Golgota. Hemm huma sallbuh ma’ tnejn oħra, wieħed kull naħa, b’Ġesu’ fin-nofs. Pilatu għamel kitba u waħħalha fuq is-salib; fiha kien hemm miktub, “Ġesu’ ta’ Nażaret, Sultan tal-Lhud’’. Dil-kitba qrawha ħafna Lhud, għax fejn sallbu ‘l Ġesu’ kien qrib il-belt, u l-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg. Għalhekk il-qassisin il-kbar tal-Lhud marru jgħidu ‘l Pilatu:
S “Ma kienx imissek tikteb, ‘Is-sultan tal-Lhud,’ imma li ‘dan qal: Jiena sultan tal-Lhud.’’’
Ċ Pilatu wieġeb:
S “Dak li ktibt, issa ktibtu.’’
Ċ Wara li sallbu ‘l Ġesu’, is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuhom f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika: din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. Ftiehmu bejniethom u qalu:
S “Ma nqattgħuhiex, iżda naqtgħu x-xorti għaliha, u ‘l min tmiss jeħodha.’’
Ċ Dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid, “Ħwejġi qasmu bejniethom, u għall-ilbies tiegħi qatgħu x-xorti’’. U dan tabilħaqq għamluh is-suldati.
Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesu’ ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesu’ lemaħ ‘l ommu u lid-dixxiplu l-maħbub wieqaf ħdejha, qal lil ommu:
“Mara, hawn hu ibnek.’’
Ċ Imbagħad qal lid-dixxiplu:
“Hawn hi ommok.’’
Ċ U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Wara dan, Ġesu’, billi kien jaf li issa kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal:
“Għandi l-għatx!’’
Ċ Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, dawruha ma’ qasba ta’ l-issopo, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesu ħa l-ħall, qal:
“Kollox hu mitmum!’’
Ċ Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.
(Hawnhekk kulħadd jinżel għarrkobbtejh u jinżamm is-skiet għal ftit ħin.)
Billi kien jum it-Thejjija tal-Għid, il-Lhud ma ridux li l-iġsma jibqgħu fuq is-salib sas-Sibt, għax dak is-Sibt kien jum solenni għalihom. Talbu mela ‘l Pilatu biex jitkissrulhom riġlejhom, u l-iġsma jitneħħew. Għalhekk ġew is-suldati u kissru r-riġlejn ta’ l-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu. Iżda meta waslu għal Ġesu’, billi raw li kien ġa mejjet, ma kissrulux riġlejh. B’danakollu wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnfih ħareġ demm u ilma. Dan qiegħed jixhdu min ra b’għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha. Hu jaf li qiegħed igħid il-verita’, biex intom ukoll temmnu. Għax dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid, “Ebda waħda minn għadmu ma qasmulu’’. U hemm ukoll Skrittura oħra li tgħid, “Huma għad iħarsu lejn min nifdu’’.

Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta’ Ġesu’ bil-moħbi għax beża’ mil-Lhud, mar talab ‘il Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesu’. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesu’ bil-lejl, u ġieb miegħu taħlita ta’ morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra. Dawn ħadu l-ġisem ta’ Ġesu’ u geżwruh fil-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna. Fejn kienu sallbu ‘l Ġesu kien hemm ġnien, u f’dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih ħadd kien għadu ma tqiegħed. Hemm qiegħdu ‘l Ġesu’; għax kien jum it-Thejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib.

Il-Kelma tal-Mulej

It-Tifħir Lilek Kristu

 

IL-ĠIMGĦA L-KBIRA  

Ġesù,  Qaddej, Sultan u Saċerdot tal-Patt il-Ġdid.

l-Ewwel Qari: Is 52,13-53,12: Il-Qaddej fit-tbatija -  It-Tbatija li tifdi.

It-Tieni Qari: Lhud 4,14-16; 5, 7-9: Ġesù,  salvana bl-ubbidjenza.tiegħu.

L-Evanġelju: Ġw 19, 1-19.42: Ġesù, is-Saċerdot il-Kbir, jixraqlu fiduċja min-naħa ta’ Alla, ħanin f’dak li għandu x’jaqsam mal-bnedmin.

 

 

L-għotja tal-imħabba ta’ Kristu l-Qaddej issib l-ogħla espressjoni tagħha fis-Sagrifiċċju tas-Salib. Fir-Rabta l-Qadima, il-profeti kienu jinsistu u jerġgħu jinsistu dwar t-tifsira tas-sagrifiċċji li l-Lhud kienu joffru lil Alla: Għaliex jiena tjieba rrid mhux sagrifiċċċju, li tagħrfu ’l Alla rrid u mhux vittmi maħruqa (Hos 6. 6). Is-sagrifiċċju li jogħġob lil Alla hu l-qalb niedma, qalb maqsuma u sogħbiena (Salm 51,19), qalb li tibni mill-ġdid dak li d-dnub kien ġarraf:

Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti, imma widnejja inti ftaħtli; ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija. Imbagħad jien għedt:  Hawn jien , ġej. Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi li nagħmel ir-rieda tiegħek, Alla tiegħi, dan jogħġobni. (Salm 40, 7-9).

Dan il-kliem l-Ittra lil-Lhud (10, 5-7) tqiegħdu f’fomm Ġesù mad-dħul tiegħu fid-dinja. Ma kienx il-Missier li ordna l-mewt ta’ Ibnu, imma l-bnedmin li ħasewwhom mhedda mit-tħabbira tas-Saltna Ġdida li ħabbar Gesù. Il-mewt ta’ Gesù hija r-riżultat tal-ubbidjenża fidila tiegħu għal missjoni li l-Missier  kien afdalu f’idejh, akkost li jieħu l-mewt u l-mewt tas-salib. Tassew, Ġesù hu l-Qaddej li, bl-ubbidjenza tiegħu, bena mill-ġdid dak li kienet ġarrfet id-diżubbidjenza tal-bniedem. (L-Ewwel u t-Tieni Qari. Ara wkoll Fil 2, 8)

Iċ-ċelebrazzjoni tallum tgħaqqadna ma’ din l-ubbidjenza ta’ Ġesù, u bix-xiehda li nagħtu f’ħajjitnaa u f’għemilna, nagħtu sehmna, akkost ta’ kollox, ħa sseħħ fina u fostna wkoll is-Saltna ta’ Alla.

 

1.  Is-siegħa ta’ Ġesu', is-Sultan li b’mewtu jagħtina ħajja ġdid 

Waslet is-siegħa. . .  jiena għalhekk ġejt għal din is-siegħa (Ġw 12, 20-27).  L-evanġelju ta’ San Ġwann hu  l-Evanġelju  tas-sinjali. Fl-aħħar “sinjal”, fil-mewt,   Ġesù, Bin il-Bniedem, itemm il-missjoni tiegħu favur il-bnedmin kollha: Kollox hu mitmum. Ir-rakkont jibda u jispiċċa fi ġnien.  Ifakkarna fill-ġnien tal-Eden.  Fi ġnien, fejn il-bniedem ma għarafx jgħix sura ta’ ħajja tassew ta’ bniedem, u  telaq il-ħajja biex għażel il-Mewt, Ġesù jgħallima kif niksbu l-ħajja vera  -  bl-imħabba sa l-aħħar, billi nagħtu lilna nfusna lil Alla u lil ħutna l-bnedmin..

Quddiem Pilatu Bin il-Bniedem jiddikjara li hu Sultan, iżda s-saltna tiegħu ma tiddependix mill-intriċċi tas-setgħana ta’ din id-dinja, mill-forza u l-vjolenza.  Is-saltna ta’ Ġesù tikkonsisti filli jagħti xiehda tal-verità  -  il-fedeltà tiegħu lejn  Alla u  għall-proġett tas-salvazzjoni tad-dinja: Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-Waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilfx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem (Ġw 3,16). 

Fil-passjoni tiegħu, Ġesù hu s-Sultan.  Għalhekk San Ġwann ma jsemmix iż-żebliħ li bata.  Meta jgħidilna li Ġesù ġie mwaqqa’ għaċ-ċajt mis-suldati li inkurunawh bix-xewk u libbsuh mantar aħmar. dan jagħmlu biex jironizza u jneħħi l-maskri tas-setgħana tad-dinja. Jurina biċ-ċar id-differenza bejn is-Saltna ta’ Ġesù u s-saltniet tas-setgħana ta’ l-art.  Fi kliem ieħor, għal Ġesù, is-setgħa qiegħda mhux biex trażżan imma biex tagħti l-ħajja.  Fuq is-salib seħħet għal kollox sal-aħħar is-Saltna ta’ Ġesù, u minnha bbenefikaw il-ġnus, is-suldati Rumani li qasmu ħwejġu benjiethom.

San Ġwann lanqas ma jqiegħed f’fomm Ġesù l-kliem Alla tiegħi, Alla tiegħI għaliex tlaqtni? kif jagħmlu l-evanġelisti l-oħra (Mt 17,46; Mk 15, 34). Is-skiet ta’ Alla fil-passjoni ta’ Ibnu, f’dan l-Evanġelju,  huwa skiet ta’ solidarjetà u  tisħib  fi tbatijietu u fil-ġlieda tiegħu mal-ħażen. Il-preżenza ta’ omm Ġesù, “wieqfa, siekta u mbikkija” taħt is-salib, tassigurah li l-Missier, mhux biss ma telqux, imma qiegħed hemm, jaf  x’qed iwettaq Ibnu,  ħaġa waħda miegħu fi tbatijietu.

Kollox hu mitmum.” Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.  Hekk, fil-mewt tas-salib, fl-għotja ta’ Ġesù sa l-aħħar, hemm diġà l-Qawmien,  il-ħolqien tal-Bniedem il-Ġdid. Minn issa ’l quddiem, il-missjoni tiegħu titkompla permezz ta’ dawk li jilqgħu l-Ispirtu tiegħu.

Is-siegħa ta’ Ġesù timponi għażla għalina.  Hu l-mument li fih jidhru ċari l-għażliet li l-bnedmin jagħmlu favur jew kontra tiegħu. Quddiem Ġesù l-bnedmin iridu jagħmlu għażla: jew jagħrfuh u jsegwuh, jew  iħaddnu sura ta’ ħajja u sistemi inġusti li jikkundannawh  u joqtluh, u hekk l-okkażjoni li jkollhom il-ħajja vera.

 

2. Ġesù, il-Ħaruf li jneħħi d-dnub tad-dinja, is-Saċerdot ewlieni tar-Rabta l-Ġdida.

San Ġwann jagħmel li l-mewt ta’ Ġesù tiġri fl-istess waqt li fit-Tempju kienu qegħdin jissagrifikaw il-ħrief  għall-Għid tal-Lhud (19.31).  B’din il-koinċidenza jrid juri li l-Ħaruf tal-Għid veru hu dak li ġie ssagrifikat fuq is-Salib. Bid-demm tiegħu ħeles l-umanità kollha u taha ħajja ġdida. Hu l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħI d-Dnub tad-dinja. Huwa  l-Ħobż li niżel mis-sema biex jagħti l-ħajja lid-dinja.  Il-mewt tiegħu kienet tassew u orribbli imma, bħall-mewt tal-Ħaruf tal-Għid, kienet ukoll mogħdija għal ħajja rxuxtata u ta’ dejjem.

L-imħabba ta’ Alla, li hi Ħajja, għandha qawwa aktar mid-dnub tal-bniedem, li hu Mewt. Alla ma jinjorax il-ħażen tad-dinja, lanqas jeliminah b’xi ġest maġiku, bħalma nistennewh jagħmel xi daqqiet. Imma jissorprendina kif jikkumbattih u jirbaħlu, billi jittrasformah bil-qawwa ta’ mħabbtu . L-imħabba sa l-aħħar ta’ Ibnu fuq is-salib biddlet ir-rotta tal-ħażen tal-bniedem lejn il-Mewt f’mogħdija ta’ mħabba lejn il-Ħajja u l-Ħelsien:

San Ġwann itemm ir-rakkont tiegħu b’sinjal ieħor tar-regalità ta’ Ġesù: il-kwantità ta’ fwejjaħ li użaw għad-difna tiegħu, xi mitt libbra (iktar minn tnejn u tletin kilogramma). Daqshekk kienu jużaw fid-dfin tas-slaten.  B’din id-dilka tal-ġisem ta’ Ġesù, Nikodemu fil-fatt kien qiegħed iħejji l-Messija, is-Sultan u l-Għarus, għall-festa tat-tieġ ma’ l-umanità.

 

L-Evanġelju f’ħajjitna llum

1. Il-mewt ħarxa ta’ Ġesù tqanqal fina sentimenti ta’ mogħdrija u ħniena. Iżda wkoll tinvolvina mill-qrib. Ġesù ma vvintax is-salib. Ġesù jrid il-ħajja u l-ferħ mhux it-tbatija u l-mewt.  Is-salib ġie fuqu bħalma, xi darba jew oħra, jiġi fuq kull wieħed minna. Ġesù għadda jagħmel il-ġid lil kulħadd u safrattant ma ġiex mifhum, ma ġiex milqugħ, u ġie kkundannat.  Bħal ma jista’ jiġri lilna wkoll.

Hemm raġuni ħafna aktar profonda u universali, għaliex Ġesù miet kif miet. L-Evanġelju ta’ San Ġwann u l-qari kollu tallum jinsistu li miet minn rajh (Ġw 10, 17-18) għas-salvazzjoni tad-dinja.  Hu, l-Iben ta’ Alla, ma waqafx li jħobb lill-bnedmin minkejja li kien jaf li kienu qed iħejjulu t-tradiment u s-salib.

Ġesù ma dawwarx wiċċu  u lanqas għalaq għajnejh quddiem il-ħażen tad-dinja, quddiem l-inġustizzji, il-vjolenzi, it-torturi u t-tradimenti tal-bnedmin Imma iffaċċjahom u rebaħhom bil-forza tal-imħabba tiegħu sal-aħħar. Is-salib, minn simbolu ta’ tortura u ta’ disperazzjoni, Ġesù biddlu f’simbolu ta’ mħabba li ma tafx limiti  - l-ogħla rivelazzjoni tal-imħabba ta’ Alla lejn il-bniedem: Hekk Alla ħabb lid-dinja. . .  Fl-istess waqt, is-salib ta’ Ġesù sar is-simbolu  tal-bniedem fl-aqwa tiegħu: kull l-bniedem juri xi jsarraf meta jkun kapaċi jaffronta t-tbatija biex jingħata għal kollox għal Alla u  għal ħutu l-bnedmin.

2. Minn fuq is-salib Ġesù jsejħilna nistaqsu lilna nfusna x’inhu li qed imexxina fir-rabtiet tagħna mal-oħrajn, fis-servizz li nagħtu lejn  ħutna l-bnedmin, fl-impenn tagħna favur it-tajjeb, il-ġustizzja, il-liberta’, l-imħabba.  Qatt waqafna, siekta, ma’  ġenb xi wieħed jew waħda minn ħutna fi tbatijiethom?

Quddiem it-tbatija tagħna jew tal-oħrajn, kemm-il darba għalaqna għajnejna jew ħsilna idejna bħal Pilatu, flok qbadna s-salib u mxejna bih bħal Ġesù?  Meta l-ħajja talbet minna ċ-ċaħda tagħna nfusna, kemm-il darba ħrabna, bħall-appostli, jew għażilna l-kompromess, bħal Pilatu, bħal Pietru u bħal Ġuda?  fil-familja? ma ħbiebna? fuq ix-xogħol jew professjoni tagħna? fil-ħajja  soċjali u politika? fil-Knisja? . .

Is-Salib ta’ Ġesù jsejħilna għall-għażla u l-konverżjoni. Ninxteħtu għarkubbtejna quddiemu nitolbuh maħfra u kuraġġ biex naffrontaw ħajjitna u ninbidlu.

 

MISTOQSIJIET

1.  X’kien ifisser għal Ġesù s-salib? B’liema mod is-salib kien preżenti fil-ħajja kollha tiegħu?

2.  Għaliex għal San Ġwann is-salib hu t-trijonf ta’ Ġesù?

3.      Xi jfisser is-skiet ta’ Alla fil-ġrajja tal-passjoni u l-mewt ta’ Ibnu?