|
Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija. IL-FAMILJA MQADDSA TA’ ĠESÙ, MARIJA U ĠUZEPPI |
|
|
Sena C -
IT-TIENI QARI -
Kol
3,12-21
HALLELUJAH
L-EVANĠELJU - Lq 2,41-52
Qari mill-Evanġelju
ta’ San Luqa.
|
1. Il-Preżenza ta’ Alla: “Ejja Spirtu s-Santu”.
2. L-Esperjenza - Il-Kelma ta’ Alla fil-Ktieb tal-Ħajja: Kif iċċelebrajt il-Milied fil-familja tiegħek? X’se tagħmel biex Ġesù jibqa’ jikber fil-fil-ħajja tiegħek u fil-familja tiegħek?
3. Il-Kelma ta’ Alla fl-Evanġelju: Aqra bil-mod is-silta mill-Evanġelju: Lq 2, 41-52: Ġesù jikber fil-familji tagħna u f’ħajjitna. Wara ħin ta’ skiet, aħseb u staqsi: X’qed tgħidili, Mulej, fuq l-esperjenzi tiegħi? Fil-Festa tal-Familja Mqaddsa naqraw is-silta li biha San Luqa jikkonkludi t-rakkonti tat-Tfulija ta’ Ġesù. Meta Ġesù kellu tnax-il sena, il-ġenituri ħaduh f’Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Ta’ tnax, tlettax-il sena, it-tifel kien jibda jagħmel parti mill-komunità Lhudija bid-dmirijiet li kienet iġġib magħha. Iżda huma u sejrin lura, il-ġenituri intebħu li t-tifel ma kienx magħhom. Ġesù, kien fit-Tempju “bilqiegħda f’nofs l-għorrief jismagħhom u jistaqsihom”’. Din hi l-unika darba li San Luqa jsejjaħ lill-Kittieba tat-tempju “għorrief”, jew aħjar “għalliema”; sa dak iż-żmien huma kienu l-għalliema uffiċjali tal-poplu ta’ Iżrael. Il-bidu tal-ministeru ta’ Ġesù ġab fi tmiemu l-monopolju tat-tagħlim li kellhom f’idejhom il-Kittieba u l-Fariżej. “Ara, missierek u jien konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” Hemm ton ta’ niket u ta’ ċanfira fil-kliem ta’ Marija: Fit-tradizzzjoni Lhudija, il-missier kellu d-dritt legali fuq l-iben. Iżda Ġesù kellu Missier ieħor, u lilu kien “jeħtieġlu” jisma’. Iżda r-rieda tal-Missier ma kenitx preżenti la fit-Tempju ta’ Ġerusalemm u lanqas fit-tagħlim tal-Kittieba, iżda fil-Iskrittura. Huwa fil-Kelma ta’ Alla fl-Iskrittura li Ġesù għaraf ir-rieda u l-pjan Missieru u wettqu sa l-aħħar, sal-passjoni u l-mewt tiegħu (Lq 22,42), biex “wara tlett ijiem” iqum mill-mewt. Il-ġenituri sabuh fit-Tempju, imma ma ħallewhx hemm. Ħaduh fid-dar ta’ Nazaret, fejn “Ġesù baqa’ jikber fil-għerf, fit-tul u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.” Dan il-kliem jagħtina ġabra fil-qosor taż-żmien tat-trobbija ta’ Ġesù f’Nazaret. San Luqa jirrepetih darbtejn (Lq 2,40; 2,52). Din l-istqarrija tfakkarna fil-kliem tat-Testment il-Qadim dwar it-tfulija u t-trobbija ta’ Samwel (1 Sam 2,26). Samwel kien ta direzzjoni ġdida lill-istorja ta’ Iżrael; Ġesù fetaħ era ġdida fl-Istorja tas-Salvazzjoni. “Ommu kienet iżżomm dan kollu f’qalbha.” Marija ftakret kif Alla kien preżenti u ndaħal fil-ġrajjiet il-kbar tal-Istorja tas-Salvazzjoni. Marija għarfet ukoll li Alla jinsab preżenti fil-ġrajjiet tal-ħajja, anki fejn ma nifmuhomx. Marija tistedinna lkoll biex ma ninsew qatt li fil-ġrajjiet tal-ħajja, kemm dawk ta’ ferħ u kemm dawk ta’ hemm u ta’ niket, Alla dejjem jinsab preżenti, qrib il-poplu tiegħu, biex isalvah. Hekk, mill-ġrajjiet straordinarji tat-twelid ta’ Ġesù, l-Evanġelju wassalna fl-“ordinarju” ta’ Nazaret fil-Galilija, fejn Ġesù kiber fl-esperjenza u fl-għotja tiegħu nnifsu lil Alla. Ġie żmien ukoll meta Ġesù ħareġ barra mil-familja biex ixandar is-Saltna u jġib is-salvazzjoni lid-dinja kollha. F’kull familja hemm żminijiet u waqtiet differenti tal-ħajja. Fihom u permezz tagħhom il-membri tal-familja, kbar u żgħar, iridu jħawlu u jiżviluppaw il-valuri tas-Saltna ta’ Alla. Is-Saltna ta’ Alla ma nistgħux nagħlquha la fit-tempju u lanqas fl-erba’ ħitan tad-dar tagħna. Il-familja Nisranija trid tgħix is-sejħa tagħha bħala familja “bl-aktar mod sħiħ ‘hawn u issa’, jiġifieri b’mod konkret fiż-żmien li fih tkun u fil-post li fih tinsab. U dawn il-‘hawn’ u l-‘issa’ huma... l-post u l-ħin fejn Alla jesprimi s-sejħa tiegħu lill-miżżewġin u l-familja għall-qdusija.” Kemm is-sabiħ u kemm l-ikrah tal-ħajja, it-tajjeb u l-ħażin, il-mard u s-saħħa, il-ftehim u l-konflitti - kollox jagħmel parti sħiħa mill-iżvilupp sħiħ ta’ kull wieħed u waħda minna. U s-sabiħ u l-ikrah, il-ferħ u n-niket, għandhom jagħmlu parti sħiħa wkoll mill-proċess tal-maturità tagħna fi Kristu. Iżda, biex isir dan, jeħtiġilna li, bħal Marija, nirriflettu dwar “dan kollu” u, fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, infittxu dejjem r-rieda tal-Missier u nwieġbu għaliha. Hekk, minn jum għal eħor, aħna wkoll “nikbru” fix-xbieha li jrid f’kull wieħed u waħda minna Alla l-Missier: “Ommu kienet iżżomm dan kollu f’qalbha.”
4. Konverżazzjoni/Azzjoni: Xi tridni nagħmel, Mulej? Xi tridni nbiddel? Qabel ma jintemmu l-Festi, inġibu quddiem għajnejna mill-ġdid, wieħed wieħed, ir-rakkonti ta’ San Luqa fl-ewwel żewġ kapitli tal-Evanġelju tiegħu. 1. X’nifhmu meta ngħidu li f’dawn l-ewwel kapitli ma nsibux sempliċiment fatti storiċi, imma “interpretazzjoni” tal-“bidu tal-ħajja” ta’ Ġesù fid-dawl tat-“tmiem”- il-Misteru tal-Għid tal-mewt u l-qawmien tiegħu? 2. Liema punti mportanti San Luqa ried iwasslilna f’dawn ir-rakkonti? 3. X’importanza għandhom dawn il-punti għall-ħajja personali tagħna, u għal dik tal-komunità u tas-soċjetà tagħna llum?
5. Għeluq: Agħmel talba spontanja u itlob “Il-Missierna”. |