ĦADD IL-PALM

Sena C - ĦADD IL-PALM

 

Ġesù Qaddej li jbati u Xhud fidil sa l-aħħar.

Fit-Tberik tal-Palm: Lq 19,28-40: It-tmiem tal-vjaġġ ta’ Ġesù u d-dħul f’Ġerusalemm.

L-Ewwel Qari: Is 50,4-7: Il-missjoni tal-Qaddej li jbati.

It-Tieni Qari: Fil 2,6-11: Il-qalba tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

L-Evanġelju:  Lq 22, 14-23, 56: Il-Passjoni ta’ Ġesù skond San Luqa: Ġesù, il-Qaddej li jibqa’ fidil sal-aħħar.

 

 

Ir-rakkont tal-Passjoni, f’kull wieħed mill-erba’ Evanġelji, huwa l-iktar parti densa tat-teoloġija ta’ kull Evanġelista. Fl-Evanġelju ta’ San Luqa, ir-rakkont jimmarka t-tmiem tal-vjaġġ missjunarju ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm li beda f’9,51: “Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed  mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm.” 

L-għan ta’ dan il-vjaġġ ta’ Ġesù kien li li jwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin, il-ħelsien lill-imjassrin, id-dawl lill-għomja u jniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej (l-Evanġelju tat-Tielet Ħadd tas-Sena); u hekk juri li hu x-Xhud u l-Qaddej fidil ta’ Alla biex isalva l-bnedmin (ara l-Evanġelju tat-Trasfigurazzjoni). Biex jagħmel dan, Ġesù kellu jeħodha kontra l-istruttura mimlija qerq li kienet taħkem fil-belt ta’ Ġerusalemm. Għalhekk il-missjoni tiegħu, bħal dik tal-profeti kollha li ġew qablu, kellha tgħaddi mit-tbatija u mill-mewt (l-Ewwel Qari tal-lum).

F’Ġerusalemm Ġesù jtemm il-missjoni li tah il-Missier; minn Ġerusalemm imbagħad kellha tibda l-mixja tal-Bxara t-Tajba mad-dinja kollha. L-istess xorti tax-Xhud u l-Qaddej fidil se tmiss ukoll lix-xhieda tiegħu fid-dinja, kif jirrakkuntaha San Luqa fit-tieni ktieb tiegħu, l-Atti tal-Appostli. 

Ir-rakkont tal-passjoni fl-Evanġelju ta’ San Luqa jilħaq il-qofol tiegħu biċ-ċenturjun ifaħħar lil Alla u jgħid: “Tassew li dan bniedem ġust” (Lq 23,47). It-triq ta’ Ġesù hija t-triq ta’ kull bniedem li jrid ikun “ġust”, mhux bil-ġustizzja tal-bnedmin, imma bil-ġustizzja li tiġi minn Alla, “għani fil-ħniena u t-tjieba”.

San Luqa jżid jgħidilna: “In-nies kollha li kienu nġabru hemm biex jaraw, meta raw dawn il-ġrajja, reġgħu lura jħabbtu fuq sidirhon. Dawk kollha li kienu jafuh qagħdu jaraw kollox mill-bogħod; hekk ukoll xi nisa li kienu ġew warajh sa minn meta kien għadu l-Galilija” (Lq 23,48-49). Il-kliem bil-Grieg li juża l-Evanġelju jirreferu għall-ispettaklu f’amfiteatru Grieg. Id-dramm ta’ traġedja Griega ma kienx biss mezz ta’ kultura, imma mod kif il-poplu jiġi involut f’dak li jkun qiegħed jiġri quddiemu.  Qudddiem “id-dramm” tal-passjoni ta’ Ġesù kull wieħed minna jrid jieħu l-pożizzjoni u jikkonverti.

Aħna fejn se noqogħdu? Taħt is-salib bħaċ-ċenturjun? Nagħmlu bħal dawk li reġgħu lura jħabbtu fuq sidirhom? Jew nagħmlu bħal dawk li qagħdu jaraw kollox mill-bogħod?

Fir-riflessjonijiet tagħna, se nimxu mar-rakkont tal-Passjoni skond San Luqa. Iżda se nżommu quddiem għajnejna l-ħin kollu s-siltiet li qrajna fl-Ewwel u fit-Tieni Qari. Permezz ta’ Iżaija se nagħrfu lil Ġesù bħala l-Qaddej li jagħti ħajtu biex itemm sa l-aħħar il-missjoni li tah il-Missier – is-salvazzjoni tad-dinja. Fl-Ittra lill-Filippin għandna ġabra tal-Evanġelju kollu u ġabra tat-triq tagħna wara Ġesù. Fil-vers ta’ qabel is-silta tal-lum, San Pawl iħeġġiġna: “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù” (Fil 2,5).

  

1.     L-Ikla tal-Aħħar (Lq 22,14-38)

L-Ewkaristija hija l-ikbar ġest ta’ Ġesù,  il-Qaddej u x-Xhud fidil ta’ Alla. Ġesù mhuwiex biss l-Imgħallem li jagħtina “xi kelma” li tgħin lil min hu għajjien (l-Ewwel Qari), imma jagħtina ħajtu stess u hekk jissiġilla l-għaqda li ma tistax tinħall bejn Alla u l-bnedmin: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom...Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi li jixxerred għalikom”.

Biex aħna nqiegħdu fil-prattika “l-istess ħsibijiet” tiegħu, Ġesù jibdel mill-qiegħ il-kunċett tal-awtorità. Hu jsalvana permezz tal-qadi mhux bil-ħakma tas-setgħa. Ġesù kien warrab mal-ewwel din it-tentazzjoni tax-xitan (ara Lq 4,5-8), u għamel l-għażla tal-Qaddej. Hekk jistenna li jagħmlu wkoll id-dixxipli tiegħu: “Ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma tneżża’ minn kollox, billi ħa n-natura ta’ lsir” (It-Tieni Qari) - “Fost il-pagani s-s-slaten jaħkmu fuq in-nies. Intom mhux hekk, imma l-akbar fostkom għandu jġib ruħu ta’ l-iżgħar; u min hu fuq l-oħrajn iġib ruħu ta’ qaddej...Jien qiegħed fostkom nagħmilha ta’ qaddej”.

Jekk in-Nisrani ma jeħux fuqu dan il-proġett ta’ Alla kif deher f’Ġesù, jitfixkel bħalma tfixkel Ġuda u tfixkel Pietru, minkejja l-intenzjonijiet sbieħ. Għalhekk fl-aħħar tal-ikla jinsisti li min iħaddem il-proġett tiegħu jrid jiffaċċja t-tfixkil: “Ix-xitan riedkom f’idejh biex jgħaddikom mill-għarbiel bħall-qamħ.”  U jrid ikun armat tajjeb: “Min m’għandux sejf, ibigħ il-libsa ta’ fuqu u jixtri wieħed”.

Id-dixxipli fehmu t-tixbiha ħażin u ħaduh fuq il-kelma, iżda Ġesù kien pront waqqafhom bl-istess deċiżjoni li kien waqqaf lix-xitan: “Biżżejjed”.

 

2.     It-Triq tas-Salib (Lq 22,39-23.12)

Ġesù jibda t-triq tiegħu bit-talb f’intimità mal-Missier. Żgur mhux talb sentimentali u lanqas ta’ tlablib, imma ta’ għaqda u qbil mal-proġett tal-Missier. Dan huwa ta’ importanza fundamentali meta aħna niġu biex norjentaw il-ħajja kollha tagħna:

“Tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi” - “Ta’ kull filgħodu jqajjimli widinti , biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem; Sidi l-Mulej fetaħli widinti u jien ma webbistx rasi, ma rġajtx lura.”

Fidil sa l-aħħar għall-għażla tiegħu ta’ Qaddej, anki fil-mument tat-tradiment ta’ Ġuda u quddiem il-vjolenza tal-għedewwa tiegħu, Ġesù jirrifjuta għal darba oħra l-vjolenza u jwaqqaf lid-dixxipli meta jippruvaw jiddefenduh bis-sejf: “Ieqfu! Biżżejjed!”

Pietru, min-naħa tiegħu, ma kienx daqshekk qawwi. Baqa’ miexi wara Ġesù, iżda “mill-bogħod”; “mar u qagħad bilqiegħda... maġenb in-nar”; u ċaħad lil Ġesù tliet darbiet.  Ħadd ma hu meħlus mit-tentazzjoni li jċedi fil-mixja ta’ dixxipulat.  Lanqas Pietru, li tant drabi stqarr il-fedeltà tiegħu. Ilkoll għandna bżonn nitolbu “La ddaħħalniex fit-tiġrib”.

Ġesù jiġi mżebblaħ u jingħata s-swat:

“Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,

ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti,

ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq” (It-Tieni Qari).

Imbagħad Ġesù ttieħed quddiem is-Sinedrju, il-qorti suprema tal-Qassisin il-Kbar. Hawn iseħħ l-impatt qawwi bejn is-sistema li xxekkel u tjassar lill-bniedem u l-offerta ta’ ħajja li jagħmlilna Ġesu. Ix-xiehda ta’ Ġesù hija ċara. Imma wkoll huma ċari l-intenzjonijiet ta’ dawk li jinqdew bis-sistema li xxekkel lill-bnedmin; u ħadu lill-innoċenti għand Pilatu biex jikkundannah għall-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.

Iżda anki s-sistemi kollha li jxekklu lill-bnedmin, kellhom jirrikonoxxu lil Ġesù bħala l-Mulej, li  l-“ħakma” tiegħu  teħles u twennes lil dawk li huma fil-ħabs u fid-dell tal-mewt: “Ġibtuli quddiemi lil dan il-bniedem bħala wieħed li qed ixewwex lill-poplu. Ara jiena stħarriġtu quddiemkom fuq l-akkużi li qegħdin iġġibu kontra tiegħu, u ma sibt ebda ħtija fih. U anqas Erodi ma sab...Qegħdin taraw mela, li ma għamel xejn li ħaqqu l-mewt” – “Telqilhom lil min talbu, jiġifieri lil dak li kien mitfugħ il-ħabs... U lil Ġesù tahulhom bħalma xtaqu.”

 

3.     Il-Mewt ta’ Ġesù, il-Qaddej fidil (Lq 23,26-56)

Hekk seħħ sa l-aħħar dak li qalilna Iżaija dwar il-Qaddej ta’ Alla fl-Ewwel Qari; u dak li qalilna San Pawl fit-Tieni Qari: “Obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.” 

“Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla.” Fiż-żebliħ ta’ dawk li riedu jwaqqgħuh għaż-żuffjett tidher il-vera missjoni ta’ Ġesù, il-Qaddej u x-Xhud fidil, li ġie biex isalva. Saħansitra, il-missjoni ta’ salvazzjoni wasslitu biex jitlob il-maħfra għal dawk li kienu qegħdin isallbuh: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”

Minn fuq is-salib joħroġ l-ewwel sinjal ta’ salvazzjoni,   il-frott tal-missjoni ta’ Ġesù, biżżejjed li dak li jkun jintelaq fiduċjuż f’idejh:

“Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek” – “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi.” 

Il-fedeltà ta’ Ġesù li baqa’ jobdi sal-mewt tas-salib tiftaħ il-bibien biex l-umanità jkollha d-dħul għal għand Alla:

Il-velu tas-santwarju ċċarrat min-nofs. Imbagħad, Ġesùgħajjat għajta kbira u qal: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi.” U kif qal hekk, ħarġet ruħu.

Iċ-ċenturjun, meta ra x’ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: “Tassew li dan bniedem ġust!” Il-fedeltà ta’ Ġesù twassal għall-istqarrijja li huwa tassew ix-xhud fidil ta’ Alla:

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet

u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesu,

fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art,

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkobbtejhom

u kull ilsien jistqarr:

“Ġesu Kristu hu l-Mulej għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

Mal-mewt ta’ Ġesù, ix-xhud fidil, tibda l-azzjoni tal-insara, irrappreżentati minn Ġużeppi ta’ Arimatija u min-nisa li kienu ġew mill-Galilija ma’ Ġesù.

 

MISTOQSIJIET

1. F’dan ir-rakkont tal-passjoni skond San Luqa,  b’liema mod Ġesù wera ruħu bħala l-Qaddej li “rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna... bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna”? (ara Is 53,3-5, f’p.14 hawn fuq, u fl-Ewwel Qari tal-Ġimgħa l-Kbira)?

2. Kif nistgħu aħna wkoll insiru “qaddejja li jerfgħu fuqhom il-mard, jitgħabbew bin-niket u jġibu l-fejqan” ta’ ħutna  l-bnedmin? (Ara wkoll pp.42-45 hawn fuq.)

3. Kif nistgħu ngħixu dan l-ideal fil-komunitajiet tagħna? Fis-soċjetà taż-żmienna?