|
IT-TIFKIRA SOLENNI TA' L-IKLA TAL-MULEJ |
|
|
Sena C - ĦAMIS IX-XIRKA L-Ewkaristija, komunità ta’ aħwa u ta’ qadi, Oħt u Qaddejja.
L-Ewwel Qari: Eż 12, 1-8.11-14: L-Għid tal-Lhud: Mogħdija mill-mewt għall-ħajja, mill-jasar għall-ħelsien. It-Tieni Qari: 1Kor 11, 23-26: Ewkaristija mingħajr imħabba tal-aħwa ġġib fuqna l-kundanna. L-Evanġelju: Ġw13, 1-15 L-imħabba turi ruħha l-aktar fil-qadi.
SALM RESPONSORJALI - Salm 115
Għażiża f’għajnejn il-Mulej
Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
IT-TIENI QARI -
1
Kor 11, 23-26
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
L-EVANĠELJU - Ġw 13,
1-15
|
Bil-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka filgħaxija, nibdew it-Tridu tal-Għid tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu. Il-punt għoli tat-Tridu nilħquh f’Sibt il-Għid bis-Sahra Qaddisa tal-Għid, sahra li twassalna għall-ferħ tal-Ħadd tal-Qawmien. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid tkompli fil-Ħdud ta’ wara, għall-ħamsin ġurnata taż-żmien tal-Għid, il-Pentekoste. Bil-quddiesa ta’ filgħaxija, il-Quddiesa ta’ L-Ikla tal-Mulej, tibda ċ-ċelebrazzjoni tal-Għid tal-Komunità Nisranija. Bl-Ikla tal-Għid, il-Lhud kienu jiċċelebraw it-tifkira tal-mogħdija tagħhom mill-Baħar tal-Qasab, mill-jasar għall-ħelsien. Bil-Lhudi, il-kelma għall-“mogħdija” hija Pesah, minn fejn ġejja l-kelma f’bosta lingwi Ewropej għall-festa tal-Għid, Pasch bl-Ingliż, Pasqua bit-Taljan. Fil-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka, u f’kull quddiesa, aħna l-Insara niċċelebraw it-tifkira tal-mogħdija ta’ Ġesù Kristu mill-mewt għall-ħajja, it-triq ġdida tal-imħabba sa l-aħħar, li hu fertaħ għal għand il-Missier.; u l-mogħdija tal-Komunità Nisranija nfisha mill-mewt għall-ħajja ġdida. San Ġwann jgħidilna: Nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma jħobbx jinsab fil-mewt. . . B’dan naslu biex nagħrfu x’inhi l-imħabba: li Ġesù Kristu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa (1 Ġw 3, 14-16). “Ġesù, huwa u jiċċelebra l-Aħħar Ikla ma’ l-appostli tiegħu waqt l-ikla ta’ l-Għid, ta tifsir sħiħ u definittiv ta’ l-Għid tal-Lhud. Dan għaliex il-mogħdija ta’ Ġesù għal għand il-Missier permezz tal-Mewt u l-Qawmien tiegħu, imħabbra minn qabel fl-Aħħar Ikla u ċċelebrata fl-Ewkaristija, ittemm l-Għid tal-Lhud u tħabbar minn qabel l-Għid definnittiv tal-Knisja fil-glorja tas-Saltna.” Kristu beda l-Għid il-Ġdid bl-Ikla tal-Ħobż li jinqasam u d-Demm li jixxerred, l-imħabba tiegħu sa l-aħħar, isSagrifiċċju tal-Patt il-Ġdid u ta’ dejjem, u bil-Kmandament tal-Imħabba. Dan kollu nsibuh fil-Quddiesa tal-Ikla tal-Mulej: Agħmlu dan b’tifkira tiegħi. Il-purċissjoni u t-trasport tal-Ħobż ikkonsagrati fl-“Artal tar-Ripożizzjoni” (li konna nsejħulu sepulkru) għat-tqarbin tal-għada, bil-”viżti” u l-adorazzjoni li jsiru wara, għandhom tifsira biss f’għaqda mal-Misteru li qed niċċelebraw,: bħala ringrazzjament għall-imħabba ta’ Kristu u riflessjoni fit-talb dwar dak li għamel għalina l-Mulej fil-Misteru tal-Għid.
1. L-Għid ta’ Ġesù - l-Imħabba sa l-aħħar. L-Għid tal-Lhud, sa minn qabel l-Eżodu (ara l-Ewwel Qari), kien jiġi ċċelebrat bħala festa tar-Rebbiegħa. Wara l-Eżodu, beda jiġi ċċelebrat ukoll bħala tifkira tal-ħruġ tagħhom mill-jasar tal-Eġittu u l-mogħdija tagħhom lejn l-Art Imwiegħda (L-Ewwel Qari). Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Għid tal-Lhud ġa nsibu l-elementi bażiċi ta’ dak li aħna niċċelebraw fl-Għid tagħna: “it-tifkira” tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù, il-ħelsien mill-jasar tal-mewt, bidu ta’ ħajja ġdida fl-imħabba ta’ bejnietna, solidarjetà u qsim bejnietna tal-ħajja u l-ġid (It-Tieni Qari). L-Evanġelju ta’ San Ġwann, b’differenza mill-vanġeli l-oħra, iqiegħed l-Aħħar Ikla qabel il-festa tal-Għid tal-Lhud: Ġesù ma jiċċelebrax l-Għid tal-Lhud. Il-veru Għid kien dak li Hu kien se jiċċelebra permezz tal-mewt tiegħu fuq is-Salib. San Ġwann lanqas isemmi lil Ġerusalemm: Ġesù kien qata’ kull relazzjoni mas-sistema korrotta u inġusta ta’ dik il-belt, biex jibda żmien ġdid ta’ qadi u qsim. Alla nnifsu, permezz ta’ Ġesù, jieħu sehem f’dan il-qsim għax Hu nnifsu jrid ikun il-Qaddej il-Kbir tal-umanità. Flok l-istituzzjoni tal-Ewkaristija, li llum insibuh fl-Ittra ta’ San Pawl fit-Tieni Qari, Ġwanni jagħtina l-ġest miraviljuż tal-Ħasil tar-Riġlejn. B’dan il-ġest, Ġwanni jurina b’mod qawwi l-proġett ta’ Alla li deher fil-ħajja kollha ta’ Ġesù, il-Qaddej li jagħti ħajtu għall-kotra. Biex tkun nisranija, il-Komunità li tiċċelebra l-Ewkaristija trid tħaddan dan il-proġett u tagħmlu realtà fl-imħabba-qadi għall-ġid tal-oħrajn. F’dan tikkonsisti l-vera konverżjoni lejn Kristu Ma nistgħux nieħdu sehem fl-Ewkaristija b’ambigwità f’qalbna u b’firda bejnietna. Billi kien jaf Ġesù li kienet waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar. Ġesù kien jaf sewwa x’kien qed jiġri f’dak il-Għid. Ġwanni juża l-verb Grieg ‘oida’, li jfisser “kuxjenza sħiħa ta’ dak li jiġri.” Din il-kuxjenza Ġwanni rabatha mas-siegħa ta’ Ġesù. Dak li se jitwettaq, mhux se jwettqu għax imġiegħel miċ-ċirkustanzi, imma għax dan kien il-proġett ta’ ħajtu: li jiftaħ triq ġdida lejn il-Missier, “mogħdija” jew “Għid” tiegħu, permezz tal-imħabba tiegħu sal-aħħar. Il-bqija tas-silta tgħidilna x’jiġifieri “tħobb sal-aħħar”.
2. Il-ħasil tar-riġlejn. Ikla flimkien hija diġà sinjal ta’ qsim u ta’ ħbiberija. Ġesù jgħix dan il-mument ta’ familja, imma jmur iżjed ’il bogħod. Ġwanni jgħidilna li l-ikla kienet digà bdiet. Ġesù jieħu l-post tal-unur, imma juri wkoll xi jfisser għalih dan l-unur, mhix l-istess tifsira li kienu jistennew l-appostli. Ġesù jinża’ l-mantar, is-sinjal tad-dinjità tiegħu ta’ Mgħallem, u jieħu l-fardal, is-sinjal tal-qaddej. L-Imgħallem isir Qaddej. Tinża’ l-mantar u tilbes il-fardal ifisser tagħti lilek innifsek biex taqdi. Dan kien il-proġett tal-Missier fil-ħajja kollha ta’ Ġesù, li jagħti lilu nnifsu minn rajh fl-imħabba sal-aħħar, Sagrifiċċju, għas-salvazzjoni tad-dinja. Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. . . Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja (Ġw 3,16; 10, 17-18). Ġesù jagħmel kollox waħdu, iferra’ l-ilma, jaħsel, jixxotta. Wara, meta jerġa’ jilbes il-mantar, il-fardal ma jneħħihx: il-qadi se jkompli sal-mewt fuq is-salib, meta jgħid Kollox mitmum. Il-qadi li wettaq bil-ħasil tar-riġlejn jibqa’ sejjer sa fuq is-salib u hemm jilħaq l-ogħla grad tiegħu, meta jitlaq kollox f’idejn il-Missier.
3. Pietru jirreżisti l-proċess tal-konverżjoni li Ġesù jitlob minn kull nisrani. Fi żmien Ġesù kienu l-ilsiera jew in-nisa jew l-ulied bniet li jaħslu r-riġlejn. Minn hawn ġie l-iskandlu ta’ Pietru. Ġwanni ma jgħidx li Pietru kien l-ewwel wieħed li resaq lejh Ġesù; jgħidilna biss li Pietru pprotesta. Dan biex juri li kollha kienu maħbubin minn Ġesù ndaqs, mingħajr għażliet; imma lkoll tfixklu bil-ġest ta’ Kristu. Għal Pietru u sħabu kienet ħaġa normali li l-komunità u s-soċjetà jkollhom min hu fuq u min hu taħt, wieħed fuq l-ieħor. Bħala sudditi, ma setgħux jimmaġinaw kif sid isir qaddej. Għalihom meħtieġ li mhux kulħadd ikun indaqs fil-komunità u fis-soċjetà. Mhux huma kienu jitmasħnu bejniethom dwar minn minnhom kien l-ewwel? Pietru ma setax jaċċetta li l-Imgħallem isir qaddej. Pietru u sħabu kienu “sudditi”, imma b’ambizzjoni ta’ “sidien”. Għalhekk Ġesù jwiddeb lil Pietru: Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel; tifhmu aktar ’il quddiem. It-tweġiba ta’ Ġesù hi radikali: “Jekk tibqa’ taħsibha hekk, ma jkollok sehem miegħi.” Il-proġett ta’ Alla ma jseħħx b’dan it-tip ta’ mentalità. Pietru, u miegħu l-komunità kollha, jenħtieg li jikkonvertu u jħaddnu l-mod u l-istil ta’ Ġesù Qaddej. Għax kien iħobb lil Ġesù, Pietru għamel l-ewwel pass: Mulej mhux saqajja biss, imma idejja u rasi wkoll. Iżda kien għadu mhux konvint. Pietru fehem il-ħasil tar-riġlejn daqslikieku kien xi rit ta’ purifikazzjoni, bħal dawk li kien imdorri bihom, safa ritwali. Ġesù jurih li anki meta jkun ritwalment pur, jista’ jkun għadu impur, bħall-każ ta’ Ġuda: Ġesù ħasillu riġlejh mal-oħrajn, imma Ġuda xorta baqa’ impur, għax għażel li jibqa’ max-xitan, l-ispirtu tal-egoiżmu u l-ambizzjoni li jwasslu għar-regħba u għall-inġustizzja kien ħakimlu qalbu. Bl-istess mod ir-riti u ċ-ċelebrazzjonijiet tagħna, l-istess quddies li nisimgħu, jistgħu jħalluna kif inkunu, jew agħar, jekk ma jimpenjawniex fl-imħabba, fil-maħfra u l-qadi ta’ xulxin. Bil-ħasil tar-riġlejn Ġesù wera xi tfisser tassew tkun Nisrani: li tkun qaddej tal-oħrajn, li ma tqigħedx lilek innifsek ’il fuq mill-oħrajn, imma taqdihom bħal Ġesù u tħobbhom sal-aħħar. Hawn tinsab il-vera konverżjoni.
4. Il-Kmandament il-Ġdid. Wara l-Ħasil tar-Riġlejn, Ġesù jerġa’ jilbes il-mantar u jieħu postu fil-mejda, il-pożizzjoni li tixraqlu, għax il-qaddejja u l-ilsiera ma kinux joqogħdu fuq il-mejda. Imma jibqa’ jżomm id-dispożizzjoni li jaqdi: ma jneħħix il-fardal. Ix-xena hi simbolika għall-aħħar - Hu jibqa’ sal-aħħar dak li jaqdi. Fil-fatt lil Ġesù l-fardal ineżżgħuhulu biss fuq is-Salib, meta jtemm il-qadi tiegħu. Dak li Ġesù qal lid-dixxipli wara għandu valur ta’ kmand-testment: Intom issejħuli l-Imgħallem u l-Mulej Ġesù jinsisti fuq dawn it-titli, iżda juri d-differenza bejn dak li jfissru għalih u dak li kienu għadhom jifhmu d-dixxipli. Minn issa ’l quddiem, dawk li jsejħulu Mgħallem iridu jitgħallmu minnu; dawk li jsejħulu Mulej jridu jsiru bħalu, f’imħabba li ma titlob xejn lura, fil-qadi ta’ kulħadd, ukoll ta’ dawk li jittraduh u jibagħtuh għall-mewt. Alla tagħna ried isir Qaddej tagħna biex jagħmilna lkoll sidien. Imma sidien kif kien Sid hu għalina.
L-Evanġelju f’ħajjitna llum M’hemm l-ebda dubju li l-Ewkaristija timpenjana bis-sħiħ. Aħna li nieħdu sehem fil-Ġisem ta’ Kristu jrid ikollna l-istess sentimenti ta’ Kristu (Fil 2,1-4). Timpenjana: - l-ewwelnett li nħaddnu l-proġett u l-istil ta’ ħajja ta’ Kristu: “Int tisma’ Il-Ġisem ta’ Kristu. Kun mela membru ta’ Kristu biex l-Amen tiegħek ikun veru.” (S. Wistin); - li nneħħu minn fostna kull arroganza u kull inġustizzja li jfixklu l-proġett ta’ Alla f’ħajjitna u fid-dinja - kull imġiba ta’ diskriminazzjoni, sfruttament, regħba, nuqqas ta’ maħfra, ta’ libertà u ta’ tolleranza. “L-Ewkaristija tgħarbel kull spirtu u kull imġiba ta’ firda u għeluq egoistiku.” (L-Isqfijiet Taljani fil-Pjan Evanġelizzazzjoni u Xiehda tal-Imħabba); - li naħdmu favur il-fqar: “Biex nirċievu fil-verità l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, li ngħata għalina, jeħtiġilna naraw lil Kristu fil-foqra ħutna: ‘Int xrobt mid-demm tal-Mulej u lanqas tagħraf lil ħuk. Int tnaqqas il-ġieħ ta’ din l-istess mejda meta tqis li ma jistħoqqlux jissieħeb miegħek fl-ikel dak li ġie meqjus li jitħoqqlu jiekol minn din il-mejda. Alla ħelsek minn dnubietek kollha. U int, l-istess bħal qabel, ma sirtx aktar ħanin’” (S. Ġwann Griżostmu); - li nħabirku għal soċjetà ġdida fejn isaltnu l-ġustizzja, is-solidarjetà u l-imħabba: “Il-Knisja li titwieled mis-sagrifiċċju ta’ Kristu titwieled bħala Poplu-Qaddej, Djakonija, komunità ta’ servizz, imsejħa biex tingħata għall-fidwa tad-dinja. Il-ġemgħa li tieħu sehem fl-Ewkaristija, issir hija stess Ewkaristija, sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr u glorja għall-fidwa tad-dinja” (Il-KNISJA min hi, Segretarjat għall-Katekeżi, 1999, 211) MISTOQSIJIET1. X’relazzjoni hemm bejn il-Ħasil tar-Riġlejn u l-Ewkaristija?2. Tista’ tirċievi l-Ġisem ta’ Kristu fl-Ewkaristija u l-mewt bla ma tirċievi wkoll il-proġett li kellu f’ħajtu Kristu?3. L-attendenza għall-quddies tal-Ħadd naqset sew. X’jista’ jsir fil-komunità parrokkjali tiegħek biex il-quddiesa ssir “tfisser” iżjed għal dawk li jattendu? Kif nistgħu ngħinu f’dan?
|