IL-FESTA TAL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

HOME

EMAIL

 

 

L-EWWEL QARI - Is 42, 1-7
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Dan igħid il-Mulej:
“Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen,
il-maħtur tiegħi, li fih qalbi strieħet!
Qegħidt ir-ruħ tiegħi fuqu,
biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus.
Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu,
ma jsemmax leħnu fil-pjazez,
qasba mġelġla ma jiksirhiex,
musbieħ inemnem ma jitfihx.
Iġib il-ġustizzja lill-ġnus,
ma jegħjiex, ma jitfarrakx,
sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art,
għax il-gżejjer imbiegħda jistennew il-liġi tiegħu.’’
Dan igħid Alla, il-Mulej,
li ħalaq u firex is-smewwiet
u l-medda ta’ l-art bil-frott u l-ħdura tagħha,
u jagħti l-ħajja lill-popli li hemm fiha
u r-ruħ lil dawk li jgħixu fiha:
“Jien, il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa,
qbadtek minn idek,
sawwartek u għamilt minnek patt tal-poplu,
dawl għall-ġnus,
biex int tiftaħ għajnejn il-għomja,
toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs u ’l dawk li hemm fid-dlam minn dar l-egħluq.”

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu hajr lil Alla.

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 28

R/. Il-Mulej ibierek lill-poplu tiegħu fis-sliem.

Agħtu lill-Mulej, ulied Alla,
Agħtu lill-Mulej il-glorja ta’ Ismu,
inxteħtu quddiem il-Mulej bi lbies qaddis.
R/.

Leħen il-Mulej fuq l-ibħra,
il-Mulej fuq l-ibħra setgħana.
Leħen il-Mulej hu qawwi,
leħen il-Mulej setgħan.
R/.

Alla tal-glorja jriegħed,
u fit-tempju tiegħu kulħadd igħid: Glorja!
Il-Mulej għeleb id-dilluvju;
isaltan il-Mulej għal dejjem.
R/.

 

IT-TIENI QARI - Atti 10, 34-38

Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli

F’dak iż-żmien: Pietru qabad jitkellem u qal: “Issa qiegħed nifhem li tassew Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ, iżda kull min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema nazzjon ikun, hu milqugħ minnu.
Intom tafu li hu bagħat il-kelma tiegħu lil ulied Israel biex ixandrilhom il-Bxara t-Tajba tas-sliem b’Ġesù Kristu, li hu s-Sid ta’ kollox; u tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni xandar il-magħmudija: kif Alla kkonsagra ’l Ġesù ta’ Nażaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq ’il dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu hajr lil Alla.

 

HALLELUJAH

Hallelujah Hallelujah
Is-smewwiet infetħu, u leħen il-Missier instama’:
Dan hu Ibni l-Għażiż, isimgħu lilu.
Hallelujah

 

L-EVANĠELJU - Lq 3, 15-16,21-22

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa


F’dak iż-żmien: Il-poplu kien qiegħed jistenna u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu f’qalbu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal ’il kulħadd: “Jien, ngħid, għalija, ngħammidkom bl-ilma; imma ġej min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix inħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom fl-Ispirtu s-Santu u n-nar.”
Issa ġara li, wara li kien tgħammed il-poplu kollu, fil-ħin li Ġesù tgħammed ukoll u kien qiegħed jitlob, is-sema nfetaħ u niżel l-Ispirtu s-Santu fuqu, f’sura li tidher bħal ħamiema, u ġie leħen mis-sema: “Inti Ibni l-għażiż; fik il-għaxqa tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu.

 


 

Tema: Il-Magħmudija, Sejħa u Missjoni.

KKK: 535-537,565,628.

Objettiv:  Ara pp.1-2 hawn fuq.

 

1. Talba tal-Bidu: Wara l-eżerċizzju tal-Preżenza ta’ Alla u Kant tal-Bidu, it-Talba lill-Ispirtu s-Santu, jew talba oħra spontanja mill-Animatur.

 

2. L-Esperjenza -  Il-Kelma ta’ Alla fil-Ktieb tal-Ħajja (fil-gruppi ż-żgħar)

 

Wara ħin ta’ skiet ngħaddu biex nirrifletu x’qiegħed jgħidilna Alla fl-esperjenza ta’ ħajjitna:

Tara xi differenza bejn min hu mgħammed u min mhux? X’effett għandha tħalli l-Magħmudija f’dak li jkun? Għadek tara dan l-effett fik? 

 

3. Il-Kelma ta’ Alla fl-Evanġelju (fi-grupp il-kbir)

Wara li nisimgħu l-esperjenzi, naqraw bil-mod is-silta tal-Evanġelju:

Lq 3,15-16. 21-22: “Inti Ibni l-għażiż. Fik il-għaxqa tiegħi.

Fis- skiet, nistaqsu: X’qed jgħidilna l-Mulej, dwar l-esperjenzi tagħna?

 

Nieħdu r-reazzjonijiet, imbagħad niċċarawhom b’riflessjonijiet mill-librett tal-Mixja tal-Fidi ma’ l-Assemblea tal-Ewwel Ħadd. Fil-Handouts insibu ġabra f’punti fil-qosor.

 

San Luqa jippreżenta lil Ġesù jitgħammed “wara li kien tgħammed il-poplu kollu”. Dan id-dettal hu importanti għax juri mill-ewwel li Ġesù għaraf sew il-missjoni tiegħu u għamel l-għażla fundamentali tiegħu - li jġib is-salvazzjoni permezz tal-qadi u s-solidarjetà tiegħu mal-bnedmin.

 

1. L-Ispirtu s-Santu niżel fuqu, waqt li kien qiegħed jitlob. San Luqa, “l-Evanġelju tal-Ispirtu s-Santu” sikwit jippreżenta lil Ġesù f’waqtiet ta’ talb intens lil Missieru. Hekk jurina li d-don tal-Ispirtu s-Santu hu t-tweġiba ta’ Alla għat-talb tal-umanità.

 

2. “Is-sema nfetaħ”. Din ukoll hija t-tweġiba ta’ Alla għat-talb tal-poplu tat-Testment il-Qadim: “Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel minn hemm!” (Is 63,19). Din id-darba t-tweġiba ta’ Alla kienet tant qawwija li l-Ispirtu niżel fuq Ġesu’ “taħt sura li tidher bħal ħamiema”. Il-ħamiema” hija biss simbolu. L-Ispirtu s-Santu kien jinħass tul il-ħajja kollha ta’ Ġesù. Il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja ta’ Ġesù terġa’ tidher fil-“magħmudija” tad-dixxipli “bl-Ispirtu s-Santu u n-nar” fil-Pentekoste, u tibqa’ timxi mal-Komunità ta’ Ġesù matul iż-żminijiet.

 

3. “Ġie leħen mis-sema: Inti Ibni l-għażiż; fik il-għaxqa tiegħi”. Fil-Magħmudija tiegħu Ġesù jieħu l-missjoni li jkun Qaddej tal-umanità, mogħni bl-Ispirtu s-Santu (Iżaija fl-Ewwel Qari tal-lum). Ġesù l-Messija ġie, imma mhux kif stennieh il-poplu. Il-missjoni tiegħu ta’ ħelsien se jwettaqha mhux billi jaħkem bis-setgħa fuq il-poplu, iżda billi jaqdi u jagħti lilu nnifsu sa l-aħħar.

 

4. Aħna grati lejn il-ġenituri għax għammduna żgħar u hekk laqqgħuna ma’ l-Ispirtu Qaddis li tana l-enerġija u l-ħajja ta’ Alla sa miċ-ċokon. Iżda hemm il-periklu li ma nsiru qatt adulti fil-fidi. Qatt ma nagħmlu l-għażla ta’ ħajjitna favur Ġesù u favur l-għażliet li għamel Ġesù. Il-Magħmudija tesiġi bħala kundizzjoni indispensabbli l-fidi - rabta libera u personali, għażla li tissarraf fi stil ta’ ħajja. Jekk din l-għażla tintesa u ma tiġix imġedda kontinwament, l-opra li beda Alla fina fil-Magħmudija tieqaf ukoll.

 

5. Fejn qed jibgħatna u lejn min iridna nersqu l-Ispirtu ta’ Ġesù, li tgħammidna bih fil-magħmudija u l-Griżma? Inħarsu lejn il-Magħmudija bħala sejħa u missjoni?

 

Timxi wara Ġesù jfisser li bħal Ġesù ssir qaddej u solidali man-nies li jbatu, mal-midinbin, ma’ dawk li s-soċjetà twarrabhom u tisfruttahom; u tgħaddi  ħajtek tagħmel il-ġid, u tfejjaq u taħdem għall-ħelsien ta’ dawk li huma maħkuma mix-“xjaten” ta’ żminijietna. Nafu x’inhuma dawn “ix-xjaten”? U qegħdin nieħdu sehem ma’ Ġesù fil-liberazzjoni mill-ħakma tagħhom?

 

 4. Azzjoni: Wara din ir-riflessjoni, irridu nirranġaw jew inżidu xi ħaġa ma’ dak li ħsibna qabel? X’qed jgħidilna nagħmlu issa?  Ara l-mistoqsijiet fil-Librett 10.

 

Għeluq: Nagħlqu b’talb spontanju, il-Missierna u l-Għotja tal-Paċi.