Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

INĦABBRILKOM FERĦ KBIR

 

Sena C -

IL-QUDDIESA TA’ NOFS IL-LEJL

L-EWWEL QARI - Is 9, 2-7

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.

Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir, in-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl kbir idda fuqhom. Int kattart il-hena, kabbart il-ferħ; huma ferħu quddiemek, bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad,
bħalma jifirħu fi qsim il-priża. Għax il-madmad li kien itaqqlu, u l-ħatar ta’ fuq spallejh, u l-bastun ta’ argużin, int kissirthom bħal f’jum Midjan. Għax kull qorq li jħabbat fit-taqtigħa, kull mantell imgħargħar fid-demm jispiċċa għall-ħruq, biex jieklu n-nar.
Għax tweldilna tifel, ingħatalna iben; is-saltan tkun fuq spallejh, u jsemmuh “Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem.’’ Kbira tkun saltnatu, u s-sliem bla qjies fuq it-tron ta’ David u s-saltna tiegħu. Hu jwettaqha u jsaħħaħha bil-ħaqq u s-sewwa minn issa u għal dejjem. Il-ħeġġa tal-Mulej ta’ l-eżerċti tagħmel dan.

Il-Kelma tal-Mulej.

Inroddu ħajr lil Alla.

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 95


R/. Illum tweldilna Salvatur, li hu Kristu l-Mulej.

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Għannu lill-Mulej! Bierku ismu. R/.

Ħabbru minn jum għal jum is-salvazzjoni tiegħu,
xandru fost il-ġnus il-glorja tiegħu,
fost il-popli l-egħġubijiet tiegħu. R/.
 

Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art,
ħa jħabbat il-baħar u kull ma fih,
ħa jifraħ ir-raba’ u kull ma fih.
Imbagħad, igħajtu bil-ferħ
is-siġar kollha tal-bosk. R/.

Quddiem il-Mulej, għax ġej,
Għax ġej jagħmel ħaqq mill-art.
Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,
U mill-popli bis-sewwa tiegħu. R/.

IT-TIENI QARI - Tit 2, 11-14
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Titu.

Għażiż: Dehret il-grazzja ta’ Alla li tagħti s-salvazzjoni lill-bnedmin kollha; hi trawwimna niċħdu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja biex ngħixu bir-rażan u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-żmien, u nistennew it-tama hienja u d-dehra tas-sebħ tal-kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesu’ Kristu, li ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddaf poplu u jiksbu għalih, poplu mħeġġeġ għall-egħmil it-tajjeb.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

 

HALLELUJAH


Hallelujah, Hallelujah

Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir:
illum twildilna Salvatur, Kristu l-Mulej!
Hallelujah

 

L-EVANĠELJU - Lq 2, 1-14

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.

Ġara li f’dak iż-żmien Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir iċ-ċensiment tad-dinja kollha. Dan iċ-ċensiment, l-ewwel wieħed, sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd mar jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu.
Ġużeppi mar ukoll mill-Galilija, mill-belt ta’ Nażaret, u tela’ fil-Lhudija, fil-belt ta’ David, jisimha Betlehem, -- għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David -- biex jinkiteb ma’ Marija l-għarusa tiegħu, lil kienet tqila. U meta kienu hemm, għalqilha ż-żmien biex teħles. U tat lid-dinja l-ewwel iben tagħha, fisqietu, u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.
F’dawk l-inħawi kien hemm xi ragħajja fir-raba’, igħassu bil-lejl il-merħla tagħhom. U dehrilhom anġlu tal-Mulej, u s-sebħ tal-Mulej idda madwarhom; u qabadhom biża’ kbir. Imma l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux; għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, li jkun ferħ għall-poplu kollu: illum, fil-Belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu Kristu l-Mulej. U dan ikun għalikom bħala sinjal: issibu tarbija mfisqija u minduda f’maxtura’’. U f’daqqa waħda ngħaqdu ma’ l-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru ‘l Alla u jgħidu: “Glorja ‘l Alla fil-ogħla tas-smewwiet u sliem fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba!’’

Il-Kelma tal-Mulej
It-tifħir lilek Kristu.

 

 

 

1. Il-Preżenza ta’ Alla: “Ejja Spirtu s-Santu”.

 

2. L-Esperjenza -  Il-Kelma ta’ Alla fil-Ktieb tal-Ħajja:

X’għandu jfisser għalina li tiċċelebra l-Milied illum?

 

3. Il-Kelma ta’ Alla fl-Evanġelju: Aqra bil-mod is-silta mill-Evanġelju:

Lq 2, 1-21: “Illum, twildilna Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej.”

Wara ħin ta’ skiet, aħseb u staqsi: X’qed tgħidili, Mulej, fuq l-esperjenzi tiegħi?

 

·          Mill-Milied sa l-Ewwel tas-Sena, l-Evanġelju tat-twelid u t-tfulija ta’ Ġesù jilħaq il-qofol tiegħu bit-tħabbira tal-bidu tas-salvazzjoni. B’sengħa mill-isbaħ, San Luqa jirnexxilu jagħtina l-qofol tal-misteru ta’ Ġesù: Min hu Ġesù u x’kienet il-missjoni tiegħu. Imma dan jagħmlu mhux b’mod atratt, intellettwali, iżda  permezz tar-rakkont ta’ storja sempliċi, l-istorja tal-Milied.

 

·          Fl-Evanġelju tiegħu, San Luqa jħobb juża l-kelma “llum”.  Din hi l-ewwel darba; b’kollox jużaha seba’ darbiet oħra, l-aħħar darba jqegħedha fuq fomm Ġesù fuq is-salib: “Illum, tkun fil-Ġenna miegħi” (Lq  23,43). “Illum”, meta  fil-Liturġija jitħabbrilna  t-twelid ta’ Ġesù, aħna ngħixu mill-ġdid din il-ġrajja fis-sitwazzjoni tagħna u fis-sitwazzjoni tad-dinja ta’ żmienna.

 

·          F’Betlehem, “Marija tat lid-dinja l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura.”  B’dan il-kliem San Luqa jfisser it-twelid ta’ Ġesù fid-dawl tal-ġrajja ewlenija tal-fidi tagħna, il-ġrajja tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù – it-twelid hu tħabbira minn qabel tal-Għid. Lejn it-tmiem tal-Evanġelju, Luqa jgħidilna li “Ġużeppi ta’ Arimatija . . keffen il-ġisem ta’ Ġesu’ f’liżar u qiegħdu f’qabar” (Lq 23,53).

 

Dan hu Alla tagħna: “Alla Magħna”. Alla sar bniedem biex il-bniedem isir iben Alla: Fi twelidu, imfisqi fiċ-ċraret u mqiegħed f’maxtura; f’mewtu, imfisqi f’liżar u mqiegħed fil-qabar; fl-Ewkaristija, magħmul ħobż u mogħti għall-qadi u l-ikel ta’ dawk li jħobb.

 

·          San Luqa joħloq żewġ kuntrasti importanti. L-ewwel  kuntrast bejn Ġesù, li għadu kif twieled, u l-imperatur Ruman. Dan għamel ċensiment biex jikkontrolla l-popli ta’ taħtu u jikkalkula d-dħul mit-taxxi. Ġesù, “il-Messija u l-Mulej”, min-naħa tiegħu, daħal fl-istorja tal-bnedmin, bħala  tfajjel tarbija, bin “emigranti”, imwarrbin u minsija. Imma Ġesù huwa l-veru Messija u Mulej, mhux Ċesari Awgustu.

 

It-tieni kuntrast, bejn it-twelid ta’ Ġesù u dak ta’ Ġwanni l-Battista (Lq 1,57-66). Ġwanni jitwieled id-dar, Eliżabetta tirċievi żjarat mill-qraba, u l-poplu jbassar il-missjoni li kellu jwettaq. Min-naħa l-oħra, Ġesù jitwieled matul vjaġġ, barra mid-dar, abbandunat u minsi. Iżda l-anġlu ta’ Alla jħabbar l-missjoni tiegħu: dan il-fqir hu s-Salvatur, hu l-Mulej, it-titlu mogħti lil Ġesù wara l-Qawmien mill-mewt!

 

·          L-anġli jagħtu l-aħbar; iżda t-tħabbira ma ssirx lis-setgħana u lill-għonja, imma lir-rgħajja, kategorija ta’ nies fit-tarf tas-soċjetà. Is-Salvatur twieled fost il-fqar, u twieled ta’ fqir, ma’ l-aħħar fost il-bnedmin. Jekk trid is-salvazzjoni tfittixx fost is-setgħana u l-għonja, imma ħares lejn il-fqar. Kristu l-Mulej mhux biss kien magħhom, imma kien ukoll wieħed minnhom – Alla solidali għal kollox mal-aktar imwarbin tad-dinja.

 

Ir-rgħajja għarfuh u emmnu fih; u minn rgħajja tal-merħliet saru ħabbara tas-salvazzjoni ta’ Alla. Reġgħu lura lejn xogħolhom mogħnija b’sens ġdid f’ħajjithom, “isebbħu lil Alla għal dak kollu li kienu raw u semgħu”. L-isess għandu jiġri lilna fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-lejl.

 

·          Iċ-ċirkonċiżjoni kienet sinjal li t-tarbija saret tagħmel parti mill-poplu. Hekk ried ikun Kristu l-Mulej, parti mill-għaġna tal-poplu. Permezz ta’ Ġesù, Alla għamel tiegħu l-valuri kollha tal-poplu tiegħu; iżda tahom tifsira u direzzjoni ġdida billi fetaħhom għall-popli kollha tad-dinja: Ġesù - “Alla jsalva”.  Dak kollu li Alla ried iwettaq se jitwettaq permezz ta’ Ġesù.  Aktar ‘il quddiem, Ġesù nnifsu jiddikjara bil-kliem ta’ Isaija: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi. . .  Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin”  (Lq 4, 18-19).

 

·          Fiċ-ċentru tar-reliġjon tagħna għandna Persuna, mhux idea astratta jew liġi li rridu nagħmlu. Ir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesù jagħtina programm u stil ta’ ħajja. Il-programm...għandu ċ-ċentru tiegħu fi Kristu, li jenħtieġ nagħrfu, inħobbu u nimitaw, biex fih nistgħu ikollna l-ħajja tar-Trinità, u bih inbiddlu l-istorja sakemm din issib il-milja tagħha f’Ġerusalemm tas-sema.”

 

4. Konverżazzjoni/Azzjoni:  Xi tridni nagħmel, Mulej? Xi tridni nbiddel?     

1. X’qiegħed iħabbrilna u xi jrid minna l-Mulej fis-sitwazzjoni tad-dinja u ta’ żmienna llum?

2. X’azzjonijiet konkreti nistgħu nieħdu, biex nagħtu glorja lil Alla u nġibu l-paċi li ħabbru l-anġli llum?

 

5. Għeluq: Agħmel talba spontanja u itlob “Il-Missierna”.