IS-SAHRA FIL-LEJL QADDIS TAL-QAWMIEN
TAL-MULEJ MILL-IMWIET

Sena C - SIBT IL-GĦID
 

L-EWWEL QARI - Ġen 1, 1-2, 2
Is-silta bejn il-parentesi tista’ ma tinqarax.
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.

Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art.
(L-art kienet imħarbta u battala, u kien hemm id-dlam fuq il-baħar, u l-Ispirtu ta’ Alla kien jittajjar fuq wiċċ l-ilma. Alla qal: “Ikun hemm id-dawl’’. U d-dawl sar. U d-dawl Alla rah sabiħ u għażlu mid-dlam. U Alla d-dawl semmieh jum u d-dlam semmieh lejl. U dalam u sebaħ, l-ewwel jum.
Alla qal: “Tinfirex medda biex tifred l-ilmijiet minn xulxin.’’ U Alla għamel medda biex jifred l-ilmijiet ta’ taħtha minn ta’ fuqha; u hekk kien. U lil din il-medda Alla semmieha sema. U dalam u sebaħ, it-tieni jum.
Alla qal: jinġemgħu naħa waħda l-ilmijiet ta’ taħt is-sema, biex jidher in-niexef.’’ U hekk kien. U fejn kien niexef Alla semmieh art, u l-ġemgħa ta’ l-ilma semmieha baħar. U Alla ra li kollox kien sewwa. U Alla żied igħid: “Tnibbet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa tas-siġar li jagħtu l-frott skond il-għamla tagħhom, frott li jkun fih iż-żerriegħa tiegħu nnifsu fuq l-art. U hekk kien. U l-art għamlet il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa skond il-għamla tiegħu, u siġar li jagħtu l-frott, li fih iż-żerriegħa ġo fih skond il-għamla tiegħu. U Alla ra li kollox kien sew. U dalam u sebaħ, it-tielet jum.
Alla qal: “Ikun hemm imsiebaħ fil-medda tas-sema biex jifirdu l-jum mil-lejl u biex jagħmluha ta’ sinjali għat-tqassim tax-xhur, tal-ġranet u tas-snin, u jkun hemm imnajjar fil-medda tas-sema biex idawlu l-art.’’ U hekk kien. Għalhekk Alla għamel iż-żewġ imnajjar il-kbar, l-imnara l-kbira li trieġi l-jum, l-imnara ż-żgħira li trieġi l-lejl, u l-kwiekeb. U Alla qegħidhom fil-medda tas-sema biex jiddu fuq l-art, u biex irieġu l-jum u l-lejl u jifirdu d-dawl mid-dlam. U Alla ra li kollox kien sewwa. U dalam u sebaħ, ir-raba’ jum.
Alla qal: “Jimtela l-ilma b’dewwedija ta’ ħlejjaq, u jittajjar it-tajr fuq l-art lejn il-medda tas-sema.’’ U Alla ħalaq il-ħut il-kbir, l-annimali kollha li jitkaxkru, dawk li l-ilma miżgħud bihom, skond ir-razez tagħhom, u t-tajr skond ir-razez tiegħu. U Alla ra li kollox kien sewwa. U berikhom Alla waqt li qalilhom: “Ferrgħu u tkattru u imlew l-ilma ta’ l-ibħra, u jitkattar it-tajr fuq l-art.’’ U dalam u sebaħ, il-ħames jum.
Alla qal: “Tnissel l-art annimali, kull wieħed skond ir-razza tiegħu, bhejjem tad-dar, hlejjaq li jitkaxkru, u annimali selvaġġi, kull wieħed skond ir-razza tiegħu.’’ U hekk kien. U Alla ħalaq l-annimali selvaġġi, skond ir-razez tagħhom, u l-bhejjem tad-dar, skond ir-razez tagħhom, u kull ma jitkaxkar ma’ l-art, skond ir-razez tagħhom. U Alla ra li kollox kien sewwa.)
Imbagħad Alla qal: “Nagħmlu l-bniedem skond ix-xbieha tagħna, bħalna, biex jaħkem fuq il-ħut tal-baħar, fuq it-tajr ta’ l-arju, fuq il-bhejjem tad-dar, fuq l-annimali selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru ma’ l-art.’’ U ħalaq il-bniedem skond ix-xbieha tiegħu, iva, skond ix-xbieha ta’ Alla ħalaqhom, u għamilhom raġel u mara. U berikhom Alla, u qalilhom: “Nisslu u tkattru u imlew l-art, u aħkmu fuqha, u saltnu fuq il-ħut tal-baħar, fuq it-tajr ta’ l-arju, u fuq il-ħlejjaq kollha li jitkaxkru ma’ l-art.’’
U Alla qal: “Ara, tajtkom il-ħaxix kollu li jagħmel iż-żerriegħa; fuq wiċċ l-art kollha, u s-siġar kollha li jagħmlu il-frott biż-żerriegħa; dan kollu tajtulkom biex tieklu minnu. U lill-annimali kollha ta’ l-art, lit-tjur kollha tas-sema, u ‘l kull ma jitkaxkar ma’ l-art li fih nifs il-ħajja, lilhom tajthom il-ħaxix aħdar kollu biex jieklu minnu’’. U hekk kien. U Alla ħares lejn kull ma għamel, u ra li kollox kien sewwa ħafna.
(U dalam u sebaħ, is-sitt jum. U tlestew is-sema u l-art bit-tiżjin tagħhom. U fis-seba’ jum Alla temm il-biċċa xogħol li għamel, u waqaf mill-ħidma tiegħu.)

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.

Jingħad Salm wieħed mit-tnejn li ġejjin.

SALM RESPONSORJALI - Salm 103
Ġedded il-wiċċ ta’ l-art, Mulej.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, int kbir bil-bosta!
Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,
bid-dawl inti mkebbeb bħal b’mantell.

R/. Ġedded il-wiċċ ta’ l-art, Mulej.

Int waqqaft l-art fuq is-sisien tagħha,
b’mod li qatt ma tista’ titħarrek;
bl-ibħra, bħal b’libsa, inti ksejtha;
l-ilmijiet twaqqfu fuq il-għoljiet.

R/. Ġedded il-wiċċ ta’ l-art, Mulej

Inti tmexxi lejn il-widien l-egħjun,
u huma jiġru bejn il-għoljiet.
Matulhom igħammru l-agħsafar ta’ l-arju,
minn qalb il-friegħi jsemmgħu leħenhom.

R/. Ġedded il-wiċċ ta’ l-art, Mulej.

Issaqqi l-muntanji mill-għoli tiegħek;
Bil-frott ta’ għamilek tixba’ l-art.
Int tnibbet il-ħxejjex għall-bhejjem,
u x-xitel li bih jinqeda l-bniedem
biex joħroġ il-ħobż mill-art.

R/. Ġedded il-wiċċ ta’ l-art, Mulej.

Kemm huma kotrana l-egħmejjel tiegħek, Mulej!
Kollha bil-għerf għamilthom;
mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.
Bierek, ruħ, tiegħi, ‘il-Mulej.

R/. Ġedded il-wiċċ ta’ l-art, Mulej.

Jew:

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 32


It-tjieba tal-Mulej imliet l-art.


Sewwa hi l-Kelma tal-Mulej,
kull ma għamel kollu fedelta’,
iħobb is-sewwa u l-ġustizzja,
u t-tjieba tal-Mulej imliet l-art.

R/. It-tjieba tal-Mulej imliet l-art.

Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet,
u b’nifs fommu t-tiżjin tagħhom;
ġabar l-ilmijiet bħal f’żaqq,
u f’maħżen l-ibħra l-kbar.

R/. It-tjieba tal-Mulej imliet l-art.

Imbierek il-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,
il-poplu li hu għażel b’wirtu!
Mis-sema jħares il-Mulej,
ulied il-bnedmin ilkoll jarahom.

R/. It-tjieba tal-Mulej imliet l-art.

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun it-tjieba tiegħek fuqna, Mulej,
kif fik hi t-tama tagħna.

R/. It-tjieba tal-Mulej imliet l-art.

 

IT-TIENI QARI - Ġen 22, 1-18
Is-silta bejn il-parentesi tista’ ma tinqarax.
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien: Alla ried iġarrab lil Abraham, u qallu: “Abraham!’’ Wieġbu: Hawn jien’’. U qallu Alla: “Aqbad ‘l ibnek il-waħdieni li tħobb, lil Iżakk, u erħilha lejn l-art ta’ Morija, u offrih hemm sagrifiċċju fuq waħda mill-muntanji li nurik’’.
(Filgħodu kmieni Abraham rama’ l-ħmar tiegħu u ħa ż-żewġ qaddejja tiegħu miegħu u ‘l Iżakk, ibnu, u qatta’ l-ħatab għas-sagrifiċċju u qam u mar lejn il-post li qallu bih Alla. Kien it-tielet jum meta Abraham refa’ għajnejh u ra l-post mill-bogħod. U Abraham qal lill-qaddejja tiegħu: “Oqogħdu hawn bil-ħmar waqt li jien u ż-żagħżugħ immorru sa hemm biex naduraw u nerġgħu lura lejkom.’’
U Abraham qabad il-ħatab tas-sagrifiċċju u għabbieh lil ibnu Iżakk, u ħa f’idu n-nar u s-sikkina, u telqu t-tnejn flimkien. Iżakk qal lil Abraham, Missieru: “Missier’’. Wieġbu Abraham: “Hawn jien, ibni,’’ Qallu Iżakk: “Hawn in-nar u l-ħatab, imma fejn hi n-nagħġa għas-sagrifiċċju?’’ Qal Abraham: “Alla jieħu ħsieb hu tan-nagħġa għas-sagrifiċċju, ibni.’’ U baqgħu sejrin flimkien.)
U waslu fil-post li qallu Alla; u hemm Abraham bena altar u qiegħed il-ħatab fuqu.
(Rabat lil Iżakk, ibnu, u qiegħdu fuq l-altar, fuq il-ħatab.)
U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu. Iżda għajjatlu l-anġlu tal-Mulej mis-sema u qallu: “Abraham, Abraham!’’ Wieġeb: “Hawn jien. ’’ U qallu l-anġlu: “La tmiddx idek fuq Iż-żagħżugħ, u ara li ma tagħmillu xejn għax issa rajt li għandek il-biża’ ta’ Alla u ma cħadtlix lil ibnek, il-waħdieni tiegħek.’’
U Abraham refa’ għajnejh iħares, u ra muntun warajh, maqbud minn qrunu fil-friegħi. U mar Abraham u qabad il-muntun, u offrieh sagrifiċċju flok ibnu.
(Abraham semma, dak il-post ‘Il-Mulej jipprovdi’; għalhekk illum igħidu: ‘Fuq il-muntanja tal-Mulej hemm il-providenza’.)
U għajjat l-anġlu tal-Mulej lil Abraham għat-tieni darba mis-sema, u qallu: “Naħlef fuq ruħi -- din kelma tal-Mulej -- li ladarba inti għamilt din il-ħaġa u ma bżajtx għal ibnek, il-waħdieni tiegħek, jiena nbierkek u nkattarlek nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel ta’ xatt il-baħar, u nislek jiret bwieb l-egħdewwa tiegħu. U bis-saħħa ta’ nislek jitbierku l-ġnus kollha ta’ l-art, talli smajt minni.’’

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu hajr lil Alla

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 15
Ħarisni, Mulej, għax għandek nistkenn.


Mulej, inti s-sehem ta’ wirti u ta’ xortija,
inti żżomm f’idejk xortija.
Dejjem quddiemi żammejt ‘il-Mulej,
għax bih f’leminti ma nitħarrek qatt.

R/. Ħarisni, Mulej għax għandek nistkenn

Tifraħ għalhekk qalbi, u tithenna ruħi,
u ġismi jistrieħ bil-kwiet.
Għax inti ma tħallix lil ruħi fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara t-taħsir.

R/. Ħarisni, Mulej, għax għandek nistkenn.

Int turini t-triq tal-ħajja:
Hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm għaxqa għal dejjem f’lemintek.

R/. Ħarisni, Mulej, għax għandek nistkenn.

 

IT-TIELET QARI - Eż 14, 15-15, 1
Qari mill-Ktieb ta’ l-Eżodu.

F’dak iż-żmien: Il-Mulej qal lil Mose’: “Għaliex tgħajjat lili? Għid lil ulied Israel jerfgħu t-tined tagħhom u jitilqu. U int għolli l-ħatar tiegħek u midd idek fuq il-baħar u oforqu. Ulied Israel, imbagħad, jaqsmu fl-inxief f’nofs il-baħar. U ara, jiena nwebbes il-qalb ta’ l-Eġizzjani biex igħaddu warajkom, u nuri s-sebħ tiegħi permezz tal-Fargħun u l-qtajja’ kollha tiegħu, bil-karrijiet u r-rikkieba kollha tiegħu. Imbagħad ikunu jafu l-Eġizzjani li jiena l-Mulej, meta nuri s-sebħ tiegħi permezz tal-Fargħun, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu.’’
Imbagħad l-anġlu ta’ Alla, li kien miexi quddiem it-tined ta’ Israel, telaq u mar warajhom, u l-kolonna ta’ sħaba minn quddiemhom marret toqgħod warajhom u ġiet bejn it-tined ta’ l-Eġizzjani u t-tined ta’ Israel. Kien hemm is-sħaba u d-dlam, u għadda lejl bla ħadd minnhom ma seta’ jersaq wieħed lejn l-ieħor.

Imbagħad Mose’ medd idu fuq il-baħar, u l-Mulej reġġa’ lura l-baħar b’riħ qawwi mil-Lvant matul il-lejl kollu; il-baħar ixxotta u l-ilmijiet inferqu. Imbagħad ulied Israel daħlu fl-inxief f’nofs il-baħar; l-ilmijiet kienu għalihom qishom ħitan fuq il-lemin u fuq ix-xellug. L-Eġizzjani marru warajhom u daħlu f’nofs il-baħar biż-żwiemel kollha tal-Fargħun u l-karrijiet u r-rikkieba tiegħu.
Fis-sahra ta’ filgħodu il-Mulej, minn ġol kolonna tan nar u sħaba, xeħet ħarsa fuq it-tined ta’ l-Eġizzjani u ħarbathom, u xekkel ir-roti tagħhom li bit-tbatija setgħu jmexxuhom. Imbagħad l-Eġizzjani bdew igħajtu: “Ħa naħarbu minn quddiem Israel, għax il-Mulej qiegħed jiġġieled għalihom kontra l-Eġizzjani!’’
Il-Mulej qal lil Mose’: “Midd idek fuq il-baħar, u l-ilma jerġa’ lura fuq l-Eġizzjani bil-karrijiet u r-rikkieba tagħhom.’’
U Mose’ medd idu fuq il-baħar. U ma’ sbiħ il-jum il-baħar reġa’ lura fejn kien qabel, u l-Eġizzjani huma u jaħarbu sabu ruħhom fih. Hekk il-Mulej gerbibhom f’nofs l-ilma. L-ilmijiet reġgħu lura u għarrqu l-karrijiet u r-rikkieba ta’ l-eżerċtu kollu tal-Fargħun li kienu ġejjin warajhom fil-baħar: anqas wieħed ma baqa’ minnhom. U wlied Israel għaddew fl-inxief f’nofs il-baħar, u l-ilmijiet kienu għalihom bħal ħitan fuq il-lemin u fuq ix-xellug tagħhom.
Dal in-nhar il-Mulej salva lil Israel minn id l-Eġizzjani, u Israel ra ‘l-Eġizzjani mejta fuq xatt il-baħar. Ra Israel kull ma għamel il-Mulej lill-Eġizzjani b’idu l-qawwija. U beża’ l-poplu mill-Mulej u emmen fil-Mulej u f’Mose’ l-qaddej tiegħu.
Imbagħad Mose’ flimkien ma’ wlied Israel, għanna lill-Mulej, din il-għanja, u qalu:

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu hajr lil Alla

 

SALM RESPONSORJALI - Eż 15, 1-6. 17-18
Ngħanni lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ.

Ngħanni lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ;
żwiemel u rikkieba waddabhom fil-baħar.
Qawwieti u għanijieti l-Mulej:
Għalija sar is-salvazzjoni.
Dan hu Alla tiegħi, u lilu nfaħħar;
Alla ta’ missieri, u lilu ngħolli!

R/. Ngħanni lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ

Il-Mulej gwerrier,
Jaħweh ismu!
Il-karrijiet tal-Fargħun u qawwietu
tefagħhom fil-baħar;
l-aħjar fost il-gwerriera tiegħu
f’Baħar il-Qasab għarraqhom!

R/. Ngħanni lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ

Belagħhom l-irdum,
bħal ġebla niżlu fil-qiegħ.
Lemintek, Mulej, issebbħet fil-qawwa,
lemintek, Mulej, tfarrak il-għadu.

R/. Ngħanni lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ

Lill-poplu tiegħek int twasslu u tħawlu
fuq il-muntanja, wirt tiegħek,
Il-post Mulej, li int għamiltu għamara tiegħek,
il-maqdes, ja Sidi, li hejjew idejh.
Il-Mulej isaltan
Għal dejjem ta’ dejjem.

R/. Ngħanni lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ.

 

IR-RABA’ QARI - Is 54, 5-14
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.

Dan igħid il-Mulej:
Il-għarus tiegħek il-Ħallieq tiegħek,
Il-Mulej ta’ l-eżerċti jismu;
Il-Feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Israel,
‘Alla ta’ l-art kollha jissejjaħ.
Iva, bħal mara mitluqa u mdejqa f’qalbha
Sejjaħlek il-Mulej,
“Jista’ wieħed jitlaq il-mara ta’ żgħożitu?’’
igħid il-Mulej Alla tiegħek.
Għal ftit jien tlaqtek;
Imma b’imħabba bla qjies jien nerġa’ niġbrok.
Fis-saħna tal-korla ħbejt wiċċi għal ftit minnek.
B’imħabba ta’ dejjem ħennejt għalik,
igħid il-Mulej, il-Feddej tiegħek.

Dan għalija bħal fi żmien Noe’,
meta ħlift li l-ilma ma jerġax igħarraq l-art.
Hekk naħlef issa li ma nisħonx aktar għalik
U anqas ma nċanfrek.
Jistgħu jitħarrku l-muntanji,
jitheżżu l-għoljiet,
imma mħabbti minn miegħek ma titħarrekx,
u s-sliem tal-patt tiegħi ma jitheżżiżx:
Il-kelma tal-Mulej li jħenn għalik.

Ja msejkna, imħabbta mir-rwiefen,
bla faraġ ta’ xejn,
ara, se nibnilek il-ġebel tiegħek fuq il-ħaġar prezzjuż,
fuq pedamenti taż-żaffiri;
It-turretti tiegħek nagħmilhom tar-rubini,
il-bwieb tiegħek ta’ l-iżmerald,
u d-dawra tas-swar tiegħek tal-ħaġar prezzjuż.

Uliedek kollha jkunu dixxipli tal-Mulej,
u s-sliem tagħhom ikun bla qjies.
Fuq il-ġustizzja għad tkun mibnija.
Warrab ‘il bogħod minnek id-dwejjaq
għax ma jkollokx mniex tibża’,
u t-twerwir għax ma jersaqx lejk.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu hajr lil Alla.

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 29
Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.


Ngħolli, Mulej, għax erfajtni,
U ma ferraħtx l-egħdewwa tiegħi bija.
Mulej, tellajtli ‘l ruħi mill-imwiet,
ħlistni minn dawk li jinżlu fil-ħofra.

R/. Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.

Għannu lill-Mulej, O ħbieb tiegħu,
U faħħru t-tifkira mqaddsa tiegħu.
Għax is-saħna tiegħu ftit iddum,
iżda tjubitu għomor sħiħ.
Filgħaxija jidħol il-biki,
filgħodu jfeġġ il-hena.

R/. Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.

Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija,
Mulej, kun il-għajnuna tiegħi!
Int bdiltli fi żfin il-għali tiegħi;
Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem.

R/. Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.

 

IL-ĦAMES QARI - Is 55, 1-11
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.

Dan igħid il-Mulej:
Intom li għandkom il-għatx, ejjew għall-ilma;
intom ukoll li ma għandkomx flus.
Ejjew ixtru u kulu b’xejn,
inbid u ħalib bla ħlas.
Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhux ħobż
u ġidkom f’dak li ma jxebbax?
Isimgħu minni u tieklu tajjeb,
u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.

Agħtuni widen u ersqu lejja,
isimgħu u tieħdu r-ruħ.
Nagħmel patt magħkom għal dejjem,
skond il-wegħdi li mħabbti għamlet lil David.
Ara, jien qegħidtek xhud fost il-ġnus,
prinċep u leġislatur fuq il-popli.
Int ġens li ma tafx għad issejjaħ,
ġnus li ma jafukx għad jiġu għandek
minħabba fil-Mulej, Alla tiegħek,
u l-Qaddis ta’ Israel,
għax lilek hu żejjen bil-ġieh.

Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,
sejħulu sakemm hu qrib!
Ħa jħalli triqtu l-midneb,
u l-bniedem il-ħażin fehmietu;
ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih,
għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.
“Il-fehmiet tiegħi m’humiex fehmietkom

U t-triqat tieghi mhumiex triqatkom
--din hi kelma tal-Mulej --

“Għax daqskemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,
daqshekk ieħor huma triqati ‘l fuq minn triqatkom
u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.
Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet
u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art,
imma jġegħluha tnissel u tnibbet
U tagħti ż-żerriegħa ‘l min jiżra’ u l-ħobż ‘il min jiekol,
hekk jiġri minn kelmti:
Hija toħroġ minn fommi
u ma terġax lura vojta,
Imma tagħmel dak li jogħġob lili
u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel’’

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddi hajr lil Alla

 

SALM RESPONSORJALI - Is 12, 2-3. 4b-6
Kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-egħjun
tas-salvazzjoni


Alla hu s-salvazzjoni tiegħi;
Jiena nittama u ma nibżax,
għax il-qawwa u l-għana tiegħi hu l-Mulej,
hu s-salvazzjoni tiegħi.
kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-egħjun tas-salvazzjoni.

R/. Kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-egħjun
tas-salvazzjoni.

Għannu lill-Mulej, sejħu lil ismu,
għarrfu lill-ġnus l-egħġubijiet tiegħu,
xandru li ismu huwa fil-għoli.

R/. Kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-egħjun
tas-salvazzjoni.

Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar,
ħa jkun dan magħruf min-nies kollha ta’ l-art.
Aqbeż bil-ferħ, għanni,
int li tgħammar f’Sijon,
għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Israel.

R/. Kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-egħjun
tas-salvazzjoni.

 

IS-SITT QARI - Bar 3, 9-15. 32-4,4
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Baruk.

Isma’, Israel, il-kmandamenti tal-ħajja,
Agħtu widen, tgħallmu l-għerf!
Għaliex, Israel, għaliex tinsab f’art l-egħdewwa tieghek?
Għaliex qiegħed tixjieħ f’art barranija?
Int imniġġes mal-mejtin,
magħdud fost dawk li jinżlu f’art il-mejtin;
Int twarrabt mill-għajn tal-għerf.
Li kieku mxejt fit-triq ta’ Alla,
kont tkun tgħix fis-sliem għal dejjem!

Tgħallem fejn hemm il-għaqal,
fejn hemm il-qawwa, fejn hemm id-dehen,
biex f’ħin wieħed tagħraf
fejn hemm it-tul tal-għomor u l-ħajja,
fejn hemm id-dawl għall-għajnejn u s-sliem.
Imma min kixef fejn jinsab il-għerf?
U min daħal fil-imħażen tiegħu?

Imma dak li jaf kollox jaf fejn hu l-għerf,
għax sabu hu bid-dehen tiegħu,
Hu, li hejja l-art għal dejjem,
li mlieha bl-annimali li jimxu fl-art;
Hu li jibgħat id-dawl, u dan imur,
isejjaħlu, u jisma’ minnu mriegħed;
Jiddu l-kwiekeb f’posthom u jifirħu,
Hu jsejħilhom, u huma jwieġbu: “Hawn aħna’’;
jiddu ferħana għal dak li għamilhom.

Dan hu Alla tagħna:
ħadd ma joqgħod ħdejh!
Hu sab it-triqat kollha tal-għerf
u tah ‘il Ġakob il-qaddej tiegħu
u lil Israel il-maħbub tiegħu.
Imbagħad dan il-għerf deher fid-dinja
u għammar fost il-bnedmin.
Hu l-ktieb tal-kmandamenti ta’ Alla,
Hu l-liġi li tibqa’ għal dejjem;
Kull min iħarsu sewwa jgħix,
dawk li jħalluh imutu.

Erġa’ lura, Ġakob, u ilqa’ l-għerf,
imxi, lejn id-dinja tad-dawl tiegħu;
titlaqx il-glorja tiegħek ‘il ħaddieħor,
anqas ġieħek lil ġens barrrani.
Ħienja aħna, Israel,
għax dak li jogħġob ‘l Alla kien mgħarraf lilna.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu hajr lil Alla

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 18
Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.


Il-liġi tal-Mulej sħiħa,
tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej sewwa,
tgħallem lil min ma jafx.

R/. Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem

Il-preċetti tal-Mulej tajbin,
iferrħu l-qalb;
Il-kmandament tal-Mulej safi,
idawwal il-għajnejn.

R/. Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

Il-biża’ tal-Mulej nadif,
jibqa’ għal dejjem;
l-ordnijiet tal-Mulej sewwa,
imseddqa għal kollox.

R/. Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

Huma egħżeż mid-deheb,
mid-deheb l-aktar fin,
u mill-qtar tax-xehda.

R/. Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

 

IS-SEBA’ QARI - Eżek 36, 16-28
Qari mill Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Il-Mulej kellimni u qalli:
“Bin il-bniedem,
meta d-dar ta’ Israel kienu għadhom f’arthom,
huma tebbgħuha bl-imġiba tagħhom u b’egħmilhom.
U jien xerridt il-qilla tiegħi fuqhom
Minħabba fid-demm li xerrdu fl-art,
u minħabba fl-idoli li bihom ċappsu l-art.
Xerridthom fost il-ġnus,
u huma xterrdu ma’ l-artijiet;
Għamilt ħaqq minnhom skond l-imġiba tagħhom
u skond triqathom.

Meta marru fost il-ġnus,
kull fejn marru, kasbru ismi l-qaddis,
hekk li n-nies bdew igħidu għalihom:
‘Dan hu l-poplu tal-Mulej
li kellhom joħorġu minn arthom!
Imma jien bżajt għal ismi l-qaddis
li wlied Israel kasbru fost il-ġnus fejn marru.
Għalhekk għidilha lid-dar ta’ Israel:
Dan ighid Sidi l-Mulej:
‘Mhux minħabba fikom sejjer nagħmel dan,
ja dar ta’ Israel,
iżda minħabba f’ismi l-qaddis
li intom kasbartu fost il-ġnus fejn mortu:
Jien nqaddes ismi l-kbir,
imkasbar minnkom fost il-ġnus li f’nofshom kasbartuh,
u l-ġnus kollha jkunu jafu li jiena l-Mulej
-- igħid Sidi l-Mulej --
meta nitqaddes bihom quddiem għajnejkom.
għax neħodkom minn fost il-ġnus
u niġmagħkom mill-artijiet kollha,
u nerġa’ ndaħħalkom f’artkom.

U rroxx fuqkom ilma safi,
u tissaffew mit-tniġġis kollu tagħkom,
mill-idoli kollha tagħkom insaffikom,
u nagħtikom qalb ġdida,
u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida,
u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel
u nagħtikom qalb tal-laħam.
U nqiegħed ruħi ġo fikom,
U nagħmel li timxu skond il-kmandamenti tiegħi
U li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom.
U tgħammru fl-art li tajt ‘il missirijietkom,
u intom tkunu l-poplu tiegħi
u jiena nkun Alla tagħkom.’’

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu haj lil Alla

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 41
Ruħi mxennqa għalik, O Alla tiegħi!

Ruħi għatxana għal Alla,
għal Alla ħaj;
Meta niġi u nara l-wiċċ ta’ Alla?

R/. Ruħi mxennqa għalik, O Alla tiegħi!

Kont nimxi lejn it-tabernaklu tas-sebħ
sad-dar ta’ Alla,
Fost l-agħjat ta’ ferħ u ta’ radd il-ħajr,
qalb folla ferħana.

R/. Ruħi mxennqa għalik, O Alla tiegħi!

Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwqa tiegħek:
Huma jmexxuni,
Iwassluni sal-għolja mqaddsa tiegħek,
u fl-egħrejjex tiegħek.

R/. Ruħi mxennqa għalik, O Alla tiegħi!

U nidħol ħdejn l-altar ta’ Alla,
ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.
U rroddlok ħajr biċ-ċetra,
Mulej Alla tiegħi.

R/. Ruħi mxennqa għalik, O Alla tiegħi!

 

L-EPISTOLA - Rum 6, 3-11
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti: Ma tafux intom li aħna, li tgħammidna fi Kristu Ġesu’, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Aħna ndifinna miegħu permezz tal-magħmudija fil-mewt, biex kif Kristu qam mill-imwiet bil-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk ukoll aħna ngħixu ħajja ġdida.
Għax jekk aħna sirna ħaġa waħda miegħu f’mewt tixbaħ lil tiegħu, hekk ukoll insiru fil-qawmien għall-ħajja. Aħna nafu dan: li l-bniedem il-qadim tagħna kien imsallab miegħu biex jinqered il-ġisem midneb u ma nibqgħux iktar ilsiera tad-dnub. Għax min imut ikun meħlus mid-dnub.
Jekk mitna ma’ Kristu, nemmnu li wkoll ngħixu miegħu. Aħna nafu li Kristu qam mill-imwiet biex ma jmutx aktar: il-mewt ma ssaltanx iktar fuqu. Hu miet, miet għal darba għad-dnub; imma issa qiegħed igħix għal Alla.
Hekk intom, qisu ruħkom mejta għad-dnub, imma ħajjin għal Alla, marbutin ma’ Kristu Ġesu’.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 117
Ħallelujah, hallelujah, hallelujah

Faħħru ‘l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax it-tjieba tiegħu għal dejjem.
Ħa jgħid Israel:
It-tjieba tiegħu għal dejjem.

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Il-leminija tal-Mulej marret minn fuq,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!
Ma mmutx, imma ngħix,
u nħabbar l-egħmejjel tal-Mulej.

R/. Ħallelujah, hallelujah, hallelujah.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

L-EVANĠELJU - Lq. 24, 1-12
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.
 

Kmieni mas-sebħ ta’ l-ewwel jum tal-ġimgħa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew. Huma sabu l-ġebla mgerbba minn quddiem il-qabar, imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesu` ma sabuhx hemm. U kif kienu mħassbin fuq dan, f’daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żweġt irġiel libsni ilbies jiddi. In-nisa, mimlijin bil-biża’,  baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: “ L-għala qedgħin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? M’huwiex hawn, imma qam. Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Gallelija, meta qal li jeħtieg li Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-midinbin, ikun msallab, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet.’’ U huma ftakru kliemu. Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha. Kienu Marija ta’ Magdala u Ġwanna u Marija ta’ Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b’dan lill-appostli. Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajjluh thewdin, u ma emmnuhomx. Madankollu Pietru qam u mar b’ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħaras, imma ma rax ħlief faxex, u raġa’ lura d-dar mgħaġġeb b’li kien ġara.


Il-Kelma tal-Mulej.
It-Tifħir Lilek Kristu.

 

 

 

IL-LEJL TAL-GĦID: Il-Mewt ma Toħnoqx aktar il-Ħajja.

Fiċ-ċelebrazzjoni tal-lum kollox jitkellem; l-elementi tan-natura, il-passaġġ tal-ħin, id-dlam u d-dawl, il-kant ta’  ferħ  -  kollox joħloq stennija għal ġrajja kbira li ssir preżenti fostna. Hija stennija frott tax-xewqat l-aktar profondi u universali tal-bniedem: ix-xewqa għall-ħajja u s-sens fil-ħajja,  ix-xewqa ta’ ħelsien mill-biżà u l-mewt, ix-xewqa ta’ bidu mill-ġdid, Rebbiegħa wara l-kesħa u l-bard tax-xitwa, dinja ġdida, soċjetà ġdida, Saltna ta’ Alla. Fuq kollox, tagħti tama li dan kollu jsir possibbli bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-mewt.

Hekk tibda titwieled il-Knisja, komunità ta’ nies ġodda, “ulied il-qawmien”, il-Ġisem Ġdid ta’ Kristu, bil-Magħmudija tat-trabi, bit-tiġdid tal-Magħmudija tal-Insara mgħammdin u fl-aħħar, bl-Ewkaristija tal-Għid.

Is-Simboli tal-Għid

 1. In-nar

In-nar fil-qedem kien jqisuh bħala wieħed mill-erba’ elemeneti tad-dinja.  Minħabba l-qawwa u s-seħer tiegħu u l-emozzjonijiet li jġib fina, l-użu tan-nar insibuh fir-reliġjonijiet kollha u dejjem marbut mad-divinità. Ir-riti tal-purifikazzjoni kważi dejjem jibdew billi jinħaraq il-qadim. F’sens metaforiku, in-nar ifisser l-imħabba, il-passjonijiet preżenti fil-qalb tal-bniedem.  Fil-Bibbja n-nar hu sinjal tal-preżenza u tal-azzjoni ta’ Alla fid-dinja. Alla jidher taħt sura ta’ nar fil-waqtiet il-kbar tal-Istorja tas-Salvazzjon: fuq il-Horeb (Eż 3)  u fuq is-Sinaj (Eż 19) u fis-sejħat ta’ xi wħud mill-profeti (Is 6,6; Eżek 1,4; 2Slat 2,11). Fil-liturġija tal-lum in-nar li jinbet fil-qalba tad-dlam jirrappreżenta d-dehra kbira ta’ Alla, il-ħolqien ġdid,  bil-qawmien ta’  Ġesù mill-mewt.

2. Id-dawl

Filwaqt li d-dlam huwa simbolu tal-mewt, anki dik ta’ ġo fina, id-dawl huwa simbolu tal-ħajja. Id-dawl li jitwieled fid-dlam huwa l-ħajja li titwieled fil-mewt. Fil-Bibbja, Alla hu dawl (Salm .27, 1; Is 9, 1). Ġesù hu d-dawl tad-dinja (Ġw.8, 12; 9,5).  Min jemmen isir dawl (Mt 5, 14), jirrifletti d-dawl ta’ Kristu (2Kor 4,6). Il-ħajja tal-fidi hija  “mixja fid-dawl” (1 Ġw 2, 8-11).  Id-dawl fit-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù, l-Iben ta’ Alla, iħabbrilna minn qabel id-dija tal-Għid li ddawwal lil kull min jemmen.

3. Ix-Xemgħa tal-Għid

Fid-dalma tal-lejl jinxtegħel il-Blandun, ix-Xemgħa tal-Għid, u jgħaddi min-nofs il-ġemgħa għat-tislima Dawl ta’ Kristu - Ħajr lil Alla.  Jirrappreżenta lil Kristu Rxoxt, rebbieħ fuq id-dlam tal-mewt (il-biċċiet tal-inċens, ifakkruna fil-pjagi), Sid l-istorja tal-bnedmin (in-numru tas-sena), Bidu u Tmiem ta’ kollox (l-Alfa u I-Omega), miexi f’nofs il-ġemgħa tal-poplu tiegħu. Il-kant tal-Exultet ifissrilna s-simboli u jħabbrilna l-ħelsien u t-twelid ġdid li se jseħħ fostna.

4.  L-ilma

L-ilma huwa s-simbolu qawwi tal-ħajja, ħajja li titwieled bil-qawmien ta’ Kristu fil-magħmudija.  Fejn il-magħmudija ssir bl-immersjoni, kif kienet issir fil-bidu, tirapreżenta  l-inżul ma’ Kristu fil-qiegħ ta’ l-art u t-twelid għal ħajja ġdida.  Meta jitniżżel il-Blandun fil-vaska tal-ilma, jirrappreżenta l-għaqda bejn id-divin u l-uman fil-magħmudija, il-qawwa ta’ Kristu li tidħol f’dan l-ilma biex dawk jitgħammdu  fih isiru wlied Alla..

 

Il-Qari

Il-qari jagħti dehra tal-Istorja tas-Salvazzjoni mill-ewwel ħolqien sal-ħolqien ġdid li seħħ fil-mewt u l-qawmien ta’  Ġesù.  Jeħodna lura fiż-żmien biex iħabbrilna dak li qed iseħħ illum. L-ewwel erba’ siltiet mir-Rabta l-Qadima jfakkru t-tliet iljieli jew sahriet kbar tal-Istorja tas-Salvazzjoni fir-Rabta l-Qadima: il-lejl tal-ħolqien, il-lejl tas-sagrifiċċju ta’ Abraham u l-lejl tal-Eżodu tal-poplu ta’ Alla. Kull darba mid-dlam tal-lejl, simbolu tal-mewt, toħroġ il-ħajja:  

- L-ewwel qari mill-Ġenesi (1,1-2,2), fil-bidu tal-ħolqien, l-Ispirtu ta’ Alla kien jittajjar fuq il-baħar;  Alla ħareġ id-dawl u l-ħajja mit-taħwid u d-dlam; u  ra li kollox kien sewwa ħafna

- It-tieni qari: Fis-sagrifiċċju ta’ Iżakk, fil-lejl tal-fidi ta’ Abraham (Ġen 22, 1-18), Alla ried iġarrab lil Abraham, jiġifieri ried jippurifikalu l-fidi tiegħu. Naraw minn qabel is-sagrifiċċju ta’ Ġesù u l-fidi tal-Insara fil-proġett ta’ Alla li seħħ fih: Kien it-tielet jum meta Abraham refa’ għajnejh u ra l-post mill-bogħod.  

- it-tielet qari: Il-ħelsien ta’ Israel mill-jasar fis-sahra ta’ filgħodu (Eż 14,15-15,1) iħabbar il-ħelsien definittiv fi Kristu u l-passaġġ tal-Insara mill-mewt għall-ħajja.

Imbagħad jiġu  erba’ profeziji jew wegħdiet kbar tar-Rabta l-Qadima: Fil-kriżijiet ta’ Israel, Alla jwiegħed l-imħabba dejjiema tiegħu għall-poplu tiegħu, l-Għarusa tiegħu (ir-Raba’ Qari);  iħeġġu biex jersaq lejh, Ejjew għall-ilma (il-Ħames Qari);.u jħeġġu biex jikkonverti (is-Sitt Qari).  Meta spiċċaw il-possibbiltajiet kollha li l-poplu jsalva, Alla ħabbarlu Rabta Ġdida (is-Seba’ Qari): Irroxx fuqkom ilma safi, u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom, mill-idoli kollha tagħkom insaffikom. U nagħtikom qalb ġdida. . . u nqiegħed ruħi ġo fikom. . . u intom tkunu l-poplu tiegħi u jiena nkun Alla tagħkom (Eżek 36, 16-26).

Wara dan il-qari, il-ġemgħa tesplodi bil-kant tal-Glorja u bl-Ħallelujah ta’ qabel l-Evanġelju. Dawn il-wegħdiet saru realtà bil-mewt u l-qawmien ta’  Kristu, l-Għid li minnu twieldet il-Knisja. Illum jiġġeddu fostna bil-magħmudija tat-trabi u bit-tiġdid tal-wegħdiet tal-magħmudija tagħna (l-Epistola);  u fl-aħħar, bil-qsim tal-ħobż fl-Ikla tal-Għid tal-Mulej. 

 

L-Evanġelju

L-Evanġelju ta’ San Luqa, l-Evanġelju ta’ din is-sena, jimxi ħafna fuq dak ta’ San Mark (ara n-Nota ta’ ħawn taħt); imma jagħti l-aċċent fuq dawk l-aspetti tipiċi ta’ San Luqa:

- Minflok “iż-żagħżugħ” għandna “żewġt irġiel libsin ilbies jiddi” (qabbel mal-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni).

- Il-messaġġ tal-irġiel huwa aktar miftuħ - jiġbor fih in-nukleu tal-Evanġelju u tal-fidi Nisranija, kif insibuh fl-ewwel predikazzjoni tal-appostli fil-ktieb tal- Atti tal-Appostli. Din kienet il-predikazzjoni li rċieva San Luqa nnifsu minn dawk li ġew qablu, sa mill-ewwel xhieda. Il-ħsieb tiegħu kien li  jiġbor “bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħu fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-kelma” (Lq 1,1):

L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? M’huwiex hawn, imma qam. Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija, meta qal li jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-midinbin, ikun msallab, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet.”

- San Mattew jgħidilna li meta semgħu l-messaġġ, in-nisa tfixklu, ħarġu jiġru barra mill-qabar, “imbeżżgħin” u “mbellhin u ma qalu xejn lil ħadd, għax beżgħu”. San Luqa, min-naħa tiegħu, jgħidilna li “huma ftakru kliemu. Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta’ dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha.” San Luqa jagħti importanza kbira lin-nisa. Huma kienu l-ewwel xandara tal-Bxara t-Tajba, saħansitra lill-Ħdax. Minn “evanġelizzati”, saru ministri tal-kelma. Proprju hawn irid iwassalna l-Evanġelju ta’ San Luqa.

 

NOTA DWAR KIF “NAQRAW” U NFISSRU L-ĠRAJJIET TAL-QAWMIEN

Nagħtu ftit suġġerimenti, fi traduzzjoni libera mill-ktieb ta’ Xavier Leon Dufour SJ, Résurrection de Jésus et Message Pascal, Seuil, Paris (1971). L-awtur hu eseġeta magħruf; m’għandux pretensjoni li jgħid kollox; jitkellem biss fuq tliet aspetti li rridu nevitaw u tliet linji ta’ ħsieb li rridu nżommu quddiem għajnejna, għall-meditazzjoni tagħna (lectio divina) u wkoll fl-omeliji tal-Għid.

X’għandna nevitaw

1. Għandna nevitaw li nippreżentaw “il-qabar vojt” (Lq 24,3), daqslikieku kien “prova” tal-qawmien ta’ Ġesù jew ukoll bħala “prova” għall-fidi tagħna fih. Fl-Evanġelji, is-sejbien tal-qabar vojt iġib biss “stagħġib”; qatt ma jasal biex isir “prova”  tal-fidi. L-Appostli nfushom ma pproklamawx “il-qabar vojt” ta’ Ġesù, imma l-fidi fil-Qawmien tiegħu.

L-ewwel Insara ma rabtux il-fidi fil-qawmien mal-qabar vojt jew  ma’ dettalji oħra. L-ewwel emmnu, imbagħad fakkru li sabu l-qabar vojt. Il-qabar vojt ta’ Ġesù m’huwiex ir-raġuni vera tal-fidi fil-qawmien.

2. Meta nikkonċentraw fuq dettalji sekondarji bħal, ngħidu aħna, il-qabar vojt jew il-maktur mitwi (Ġw 20,7), inkunu qed noħorġu barra mill-messaġġ fundamentali u nieqfu fuq dettalji sekondarji. L-aħjar li nfittxu s-sens veru li dawn id-dettalji jridu jwasslulna. L-istess, meta noqogħdu niddiskutu dettalji sekondarji oħra, dwar il-ħin tal-qawmien jew min setgħu  kienu jew għalfejn marru n-nisa ħdejn il-qabar... Inkunu qegħdin nieqfu fuq kurżitajiet bla importanza u nqajmu mistoqsijiet li l-Evanġelju ma għandux il-ħsieb li jweġibhom.

3. Għandna nevitaw ukoll li nsebbħu r-rakkont biex nagħmluh aktar realistiku, jew nivvintaw dettalji immaġinarji, bħall-“għodwa sabiħa tar-Rebbiegħa”, it-triq li għaddew minnha n-nisa, x’setgħu qalu bejniethom...Meta ninsistu fuq dawn id-dettalji, nirriskjaw li jsiru aktar importanti mit-totalità tar-rakkont, u nitilfu aspetti importanti bħalma huma t-tifsira tad-dilka bil-fwejjaħ u x-xewqa tan-nisa u tal-appostli li “jaraw” (Mt 28,1; Ġw 20,1-10).

Linji tal-ħsieb

Tajjeb li nagħżlu linja waħda tal-ħsieb u niżviluppawha b’mod koerenti, mingħajr il-ħtieġa li ngħidu kollox f’daqqa u nħalltu d-diversi perspettivi tal-istess test.

1. “In-nisa t-twajba”: L-imġiba tagħhom tista’ tkun tema interessanti li madwarha tintiseġ omelija jew meditazzjoni (lectio divina). Fil-perspettiva ta’ San Mark (16,3-8), biex nieħdu eżempju, il-qarrej jiġi mistieden biex jidentifika ruħu magħhom fl-istess mixja ta’ fidi. Huma telqu għax kienu fidili lejn Ġesù, imma din il-fedeltà kienet għadha fedeltà lejn bniedem mejjet. Fit-triq bdew jistaqsu kif se jċaqalqu l-blata li kienet tagħlaq il-qabar. Iżda meta waslu, daħlu dritt fil-qabar u ma tawx kas li l-ġebla kienet ġa mneħħija.

Meta raw “iż-żagħżugħ liebes libsa bajda” u wriehom li Ġesù m’għadux hemm,  tfixklu u ħarġu jiġru barra mill-qabar, “imbeżżgħin” u “mbellhin”“u ma qalu xejn lil ħadd, għax beżgħu”. San Mark jippreżenta quddiem il-qarrej il-misteru li kien qiegħed jitwettaq, mingħajr ma jorbtu jew ixebbhu ma’ xi ħaġa oħra. Fl-ebda mument tar-rakkont ma nsibu li n-nisa qagħdu  jeżaminaw il-qabar biex jaċċertaw ruħhom li l-qabar kien tassew vojt. Hija t-tħabbira tal-qawmien ta’ Ġesù, li tnissel iċ-ċertezza tal-fidi.

Ġesù “mhux hawn”, kif qal iż-żagħżugħ. Hekk il-qarrej jiġi mistieden li jagħmel dan l-istess itinerarju ta’ fidi li minnu għaddew in-nisa. L-Evanġelju jistedinna nħarsu lura lejn dawn il-ġrajjiet tal-imgħoddi, li jindirizzawna biex nagħrfu aħjar il-futur, lejn il-Mulej li ġej.

2. Il-messaġġ tal-“anġli”: It-tħabbira li għadna kif semmejna hija punt importanti f’dawn ir-rakkonti u tagħtina spunt li fuqu nsawru l-meditazzjoni u l-predikazzjoni tagħna. L-għaqda li hemm bejn “l-imsallab” u “l-irxoxt” turi lilna wkoll ir-rabta li hemm bejn il-mument preżenti u l-imgħoddi. “Mhux hawn” tista’ tkun il-frażi li madwarha nsawru diskors jew meditazzjoni siekta. Fejn hu Ġesu’? Nistgħu nistqarru mal-ewwel fejn qiegħed? Jew ikun aħjar li nistqarru li ma nafux u li rridu nfittxuh? Għandna nfittxu lil Ġesù fl-imgħoddi tal-qabar? Aħna lesti li nħossu u li nimxu lejn il-futur, fejn Ġesù qiegħed jixtieq jiltaqa’ magħna?

3. “Il-blata mneħħija mill-qabar” (Mt 28,1-7): Din għandha post importanti fir-rakkonti tal-qawmien ta’ Ġesù. Fl-Evanġelju ta’ San Mattew (f’kultura Lhudija) hija simbolu importanti fit-tħabbira tal-qawmien. Għal San Mattew, u għall- ġens Lhudi kollu, il-qabar kien ifisser “għamara għal dejjem”, ix-Xeol, “qiegħ l-art” jew “l-inħawi l-aktar isfel ta’ l-art”. Ifisser ukoll “post il-mejtin”, post fejn issaltan is-setgħa tal-mewt, ħalq miftuħ, dejjem lest biex jibla’ l-bnedmin.

Il-qabar magħluq b’ġebla kbira fuqu juri li l-Mewt rebħet il-Ħajja. Iżda l-qabar miftuħ, bil-ġebla li kienet tagħlqu mwarrba, huwa s-simbolu mill-aqwa tat-telfa li ġarrbet il-Mewt - ir-rebħa ta’ Alla fuq il-Mewt. Fil-mument tal-mewt ta’ Ġesù, “l-art theżżet” quddiem il-preżenza tal-Mulej. San Mattew jgħidilna li l-istess ġara fil-qawmien ta’ Ġesù.  

Nifhmu aħjar, b’dan il-mod, ix-xena li “raw” in-nisa, wisq probabbli meta kien għadu l-lejl. B’kuntrast mad-dlam, “l-Anġlu tal-Mulej” kellu “lbiesu abjad bħas-silġ“ u “resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha”. Il-ġebla li qiegħdu “l-għassiesa” (Mt 27,66) tneħħiet mhux biex in-nisa jidħlu fil-qabar; iżda hija s-simbolu tal-ġlieda bejn il-bniedem u Alla. Il-ġest tal-Anġlu tal-Mulej, li gerbibha u qagħad bilqegħda fuqha jfisser it-trijonf ta’ Alla fuq il-Mewt. “L-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom mejtin”: l-għedewwa ġew mirbuħa, il-Bxara t-Tajba tista’ issa titwassal lin-nisa - “Tibżgħu xejn intom”. Il-bniedem jista’ issa jiffaċċja b’fiduċja l-mewt, għalkemm jibqa’ jħabbat wiċċu magħha sa l-aħħar.

 

MISTOQSIJIET

1. X’kien il-ħsieb ta’ San Luqa meta qiegħed lin-nisa bħala l-ewwel xandara tal-Bxara t-Tajba tal-Qawmien ta’ Ġesù?

2. Aħna kif se nwasslu din l-Aħbar lin-nies ta’ żmienna, l-aktar lil dawk li  qegħdin ifittxu lil Ġesù “fost il-mejtin”?

3.  Kif nistgħu nagħtu xiehda ħajja tal-Qawmien ta’ Ġesù anki bħala Komunità Nisranija?