IL-QUDDIESA TAL-GRIŻMA

F’Ħamis ix-Xirka filgħodu, waqt quddiesa li l-Arċisqof jikkonċelebra mas-Saċerdoti l-oħra tad-djoċesi, huwa jikkonsagra ż-żjut tal-Griżma – dawk li jintużaw fis-Sagramenti tal-Magħmudija, tal-Konfimazzjoni u tad-Dilka tal-Morda.


L-EWWEL QARI - Is 61, 1-3a. 6a.8b.9
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.

L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,
għax il-Mulej ikkonsagrani
biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
bagħatni ndewwi l-qalb miksura,
biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs,
biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej,
u jum il-vendetta ta’ Alla tagħna,
biex infarraġ lill-imnikktin,
biex inferraħ lil dawk li jibku lil Sijon,
nagħtihom kuruna flok l-irmied,
żejt tal-ferħ flok l-ilbies tal-vistu,
il-għana tal-foħrija flok ruħ mitluqa.
Lilkom insejħulkom il-Qassisin tal-Mulej,
qaddejja ta’ Alla tagħna jsemmukom.
U jien bis-sewwa nħallashom,
u nagħmel magħhom patt għa dejjem.
Nisilhom ikun magħruf fost il-ġnus,
u wliedhom qalb il-popli.
Kull min jarahom jagħrafhom
li huma nisel imbierek mill-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 88


It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni.

Sibt lil David, qaddej tiegħi,
biż-żejt imqaddes tiegħi dliktu;
u tkun idi dejjem miegħu,
u driegħi wkoll isaħħu.

R/. It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni.

Il-fedelta’ u t-tjieba tiegħi jkunu miegħu.
b’ismi titqawwa s-setgħa tiegħu.
Hu jsejjaħli: “Missieri int,
Alla tiegħi u blata tas-salvazzjoni tiegħi.

R/. It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni.

 

IT-TIENI QARI - Apok 1, 5-8
Qari mill-Ktieb ta’ l-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu.

Grazzja lilkom u sliem minn Ġesu’ Kristu, ix-xhud ta’ min joqgħod fuqu, il-Kbir fost il-mejtin, il-Prinċep tas-slaten tad-dinja.
Lil Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu, u li għamilna saltna, qassisin għal Alla Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
Ara, huwa ġej fis-sħab, u l-għajnejn kollha jarawh, ukoll dawk li kienu nifduh; u r-razez kollha ta’ l-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba fih. Iva. Amen!
Il-Bidu u t-Tmiem huwa jien, li kien u li hu, li għad irid jiġi, igħid il-Mulej Alla, dak li jista’ kollox.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

L-Ispirtu tal-Mulej fuqi;

Bagħatni nwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin.

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

L-EVANĠELJU - Lq 4, 16-21
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.

F’dak iż-żmien: Ġesu’ ġie f’Nażaret fejn kien trabba, u, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, daħal fis-sinagoga tagħhom, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Isaija l-profeta, u, waqt li beda jħoll il-ktieb, sab fejn kien hemm miktub dan:
“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani biex inwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irrodd il-ħelsien lill-maħqurin, u nniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej.’’
Imbagħad kebbeb il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammrin fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.’’

Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir Lilek Kristu.