Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

JARAW LIL-BIN IL-BNIEDEM ĠEJ

Sena B -

IT-TLIETA U TLETIN ĦADD TAS-SENA

Il-Miġja ta’ Bin il-Bniedem u S-Salvazzjoni tal-Magħżulin.

L-Ewwel Qari: Dan 12, 1-3: Ir-rebħa tal-ġustizzja.

It-Tieni Qari: Lhud 10, 11-14.18: Bis-sagrifiċċju tiegħu Ġesù is-salvazzjoni definittiva.

L-Evanġelju: Mk 13, 24-32: Il-miġja ta’ Bin il-Bniedem, salvazzjoni għall-magħżulin.

L-1 QARI - Dan 12, 1-3
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel.

F’dawk il-jiem, jien, Danjel, bdejt nibki, u smajt lill-Mulej jgħidli: “F’dak iż-żmien iqum Mikiel, il-prinċep il-kbir, dak li qiegħed fuq ulied il-poplu tiegħek. Imbagħad jiġi żmien ta’ għawġ li qatt ma jkun deher ieħor bħalu minn mindu ġens kien ġens sa dak iż-żmien. Imma jkun żmien li fih il-poplu tiegħek jinħeles, dawk kollha li jkunu nstabu miktuba fil-ktieb. U ħafna minn dawk li huma rieqda fit-trab ta’ l-art jistenbħu, min għall-ħajja ta’ dejjem, u min għall-għajb u l-istmerrija għal dejjem.
Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ’l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.”

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI - Salm 15
Ħarisni, Mulej, għax għandek nistkenn.


Mulej, inti s-sehem ta’ wirti u ta’ xortija,
inti żżomm f’idejk xortija.
Dejjem quddiemi żammejt ’il Mulej,
għax bih f’leminti ma nitħarrek qatt. R/.

Tifraħ għalhekk qalbi u tithenna ruħi,
u ġismi jistrieħ bil-kwiet.
Għax inti ma tħallix lil ruħi fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara t-taħsir. R/.

Inti turini t-triq tal-ħajja,
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.

IT-2 QARI - Lhud 10, 11-14.18
Qari mill-Ittra lil-Lhud.

Kull qassis ieħor imur kuljum biex jaqdi l-ministeru tiegħu u joffri u jerġa’ joffri l-istess sagrifiċċji li ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet. Imma Kristu, wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin ta’ Alla, fejn qiegħed jistenna sa ma l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu mirfes taħt riġlejh. Għax hu, b’offerta waħda, għamel perfetti għal dejjem ’il dawk li hu jqaddes. Issa, fejn hemm il-maħfra tad-dnubiet m’hemmx għalfejn issir aktar l-offerta għad-dnubiet.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT

Hallelujah. Hallelujah.
Ibqa’ fidil sal-mewt, jgħid il-Mulej,
u jiena nagħtik il-kuruna tal-ħajja.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU - Mk 13, 24-32
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. Imbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien ’il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf sa tarf is-sema.
Tgħallmu din il-parabbola mis-siġra tat-tin. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier.”

Il-Kelma tal-Mulej.


 

MISTOQSIJIET

1. X’għandha tkun l-imġiba tagħna quddiem dawk li jippruvaw jimpressjonawna li wasalna fl-aħħar tad-dinja ?

2. X’inhi l-missjoni tagħna fiż-żmien li Alla jagħtina, u kif għandu nuruh li napprezzaw iż-żmien ta’ ħajjitna?

3. X’għandna nagħmlu matul iż-żmien li fih  nistennew il-miġja ta’ Bin il-Bniedem?

 

 

Id-Diskors dwar il-miġja ta’ Bin il-Bniedem huwa l-itwal diskors ta’ Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Mark. Il-Liturġija għażlet parti qasira mid-diskors, il-katekeżi dwar it-tmiem taż-żminijiet, il-mixja tal-istorja u l-miġja ta’ Bin il-Bniedem.

Ġesù kien telaq mit-Tempju u mill-belt ta’ Ġerusalemm. Meta jerġa’ jidħol fil-belt, jidħol biex iwettaq ħolqien ġdid bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. L-Evanġelju ta’ San Mark iqiegħed lil Ġesù bilqiegħda fuq l-Għolja taż-Żebbuġ (Mk13,3-4), minn fejn kont tista’ tara u tammira t-Tempju fis-sbuħija kollha tiegħu.

Il-profeta Eżekjel kien ħabbar li fuq l-Għolja taż-Żebbuġ kellha tmur toqgħod “il-glorja tal-Mulej” meta Jaħweh jabbanduna lil Ġerusalemm għall-ħażen tagħha. Ġesù ma kellux dubju li “l-glorja tal-Mulej” kienet abbandunat it-Tempju. Iżda, fil-passjoni tiegħu, il-glorja ta’ Alla, se terġa’ tidħol fil-Belt il-Qaddisa biex hemm twelled dinja ġdida, is-Saltna ta’ Alla.

Fiż-żmien li nkiteb l-Evanġelju, il-Komunità Nisranija kienet għaddejja minn persekuzzjoni. L-Evanġelju ta’ San Mark kien il-ktieb ta’ katekeżi għall-katekumeni ta’ dawk iż-żminijiet ta’ tbatija u ta’ mewt. F’dawn iż-żmien il-Komunità kienu jiġuha ħafna mistoqsijiet: “Fejn hu l-Mulej? Tgħid telaqna għal riħna? Meta se jiġi biex jeħlisna minn dan it-tiġrib kollu?”

Din il-parti tal-Evanġelju turina x’kienu l-preokupazzjonijiet, il-biżgħat u l-mistoqsijiet tal-Insara f’dawk iż-żminijiet u x’kien it-tagħlim li jingħatalhom biex jagħmlilhom kuraġġ u jgħallimhom  kif iġibu ruħhom.

L-Evanġelju jinqeda b’lingwaġġ “apokalittiku” , stil li kien jintuża sewwa sew fi żminijiet diffiċli, anki fir-Rabta l-Qadima. L-awtur jitkellem bil-lingwaġġ tas-simboli, b’mod li jkun jista’ jinftiehem mill-Komunità, imma jibqa’ moħbi għal dawk li jkunu qed jippersegwitawhom. Fil-fatt, ħafna mis-simboli jittieħdu mit-Testment il-Qadim u jissoponi li l-qarrejja kienu midħla sew tiegħu. Jidher li jkun qed jitkellem dwar il-futur; iżda fil-fatt ikun qed jitkellem ħafna dwar il-preżent, dak li tkun għaddejja minnu l-Komunità. Xi ġrajjiet ikunu ġa ġraw u l-awtur jippreżentahom bħallikieku għad iridu  jseħħu. 

Skond dan l-istil, l-awtur “jikxef sigriet” importanti lill-grupp żgħir ta’ nies biex iżommuh għal meta jiġu bżonnu. Fis-silta tal-lum Ġesù jidher jitkellem ma’ l-erba’ mexxejja futuri tal-Komunità tiegħu, dwar il-futur tal-Komunità Nisranija matul iż-żminijiet. Id-dixxipli ta’ Ġesù kienu staqsew lil Ġesù dwar ‘il-meta” u “x’se jkunu s-sinjali” li jħabbru l-miġja ta’ Bin il-Bniedem (Mk 13,24). Ġesù jħeġġiġhom jgħassu: “Oqogħdu attenti” (Mk13,9).

L-iskop ta’ din il-katekeżi hu li turi l-ħtieġa ta’ “dixxerniment”: Ġesù jħejji lid-dixxipli biex “jagħrfu jaqraw” il-ġrajjiet li kienu ġejjin fuqhom fil-passjoni tiegħu. L-Evanġelista jħejji lill-Komunità Nisranija biex tagħraf “taqra” l-ġrajjiet tal-istorja matul iż-żmiinijiet. Jgħallimhom ukoll x’għandu jkun l-atteġjament tal-Insara, mhux biss quddiem il-qerda tat-Tempju ta’ Ġerusalemm (Mk 13,1-8), imma wkoll quddiem il-ġrajjiet tad-dinja matul iż-żminijiet (Mk13,9-37).

1. “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.”

Fl-istil apokalittiku tat-Testment il-Qadim, it-taqlib fin-natura ifisser il-ġudizzju ta’ Alla fuq il-ġnus u xiehda tal-preżenza ta’ Alla, li kapaċi jaġixxi fuq in-natura u fl-istorja, favur il-ħbieb tiegħu.

Fis-silta tal-Evanġelju tal-lum, it-taqlib kożmiku juri minn banda waħda l-istennija ħerqana tal-Insara ta’ dak iż-żmien għat-tiġdid tad-dinja, u min-naħa l-oħra, jassigurahom li Alla se jġib it-tiġdid . Il-qerda ta’ Ġerusalemm u tat-Tempju ma jfissrux li Alla telaq id-dinja f’idejn il-ħżiena. M’humiex sinjali ta’ falliment imma ta’ salvazzjoni. Bil-maqlub, “il-jiem tad-dwejjaq kbar” se jkunu “s-sinjali” li l-miġja ta’ Bin il-Bniedem hi fil-qrib. Dinja qadima (“xemx, qamar, kwiekeb”) se tispiċċa u dinja ġdida se tibda tissawwar.  

Hekk, iktar milli biex ibeżża’, il-lingwaġġ apokalittiku irid iqawwi l-qalb, inissel it-tama, u jqawwi ir-reżistenza kontra l-ħażen. Dan se joħroġ ċar lejnl-aħħar tal-ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann:

“U rajt sema ġdid u art ġdida, għax is-sema ta’ qabel u l-art ta’ qabel għabu,u ma kienx hemm iżjed baħar. U l-Belt il-qaddisa, Ġerusalemm ġdida, rajtha nieżla mis-sema mingħand Alla. . . Ara se nġedded kollox. .  U l-Belt ma teħtieġ la xemx u lanqas qamar biex idawwalha, għax biex iddawwalha għandha l-glorja ta’ Alla, u l-musbieħ tagħha hu l-Ħaruf” (Apok 21, 1-23).

2. “Imbagħad jaraw lil Bin il-Bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja.”

L-Evanġelju hawnhekk juża s-sinjali li jinsabu fil-ktieb ta’ Danjel fis-silta li se naqraw fl-Ewwel Qari tal-Ħadd li ġej (Dan 7,13-14). Bin il-Bniedem se jidher imlibbes bil-qawwa ta’ Alla nnifsu. Is-sħab li jdawru huma xbieha tas-setgħa u tal-glorja divina li bihom huwa mżejjen l-Iben.

“Imbagħad jibgħat  l-anġli biex jiġbru  flimkien ’il-maħturin mill-erbat irjieħ.” Il-miġja ta’ Bin il-Bniedem se tfisser ġudizzju u salvazzjoni: ġudizzju  ġudizzju fuq dawk li jopponuh, kemm lilu u kemm lid-dixxipli tiegħu, li lilhom ġie fdat il-proġett tas-Saltna ta’ Alla; u ħelsien għal dawk li jkunu laqgħuh u baqgħu fidili, il-“maħturin mill-erbat irjieħ.”.  U dan kollu se jkun għemil ta’  Alla nnifsu, li jibgħat “l-anġli” tiegħu:

. Il-missjoni tad-dixxipli ta’ Ġesù se titkompla minkejja l-konflitti u l-katastrofi tal-istorja. Iżda qabel dan, għad jiġu “ħafna messijiet foloz u profeti foloz” (Mk 13,22). Għalhekk l-Insara għad baqgħalhom ħafna u ħafna x’jagħmlu u x’jikkumbattu.

3. Mis-siġra tat-tin nitgħallmu niddixxernu.

“Tgħallmu din il-parabbola mis-siġra tat-tin”. Meta s-siġra tat-tin tibda toħroġ il-weraq sinjal li wasal is-Sajf u żmien il-frott. Bl-istess mod, “meta taraw dan jiġri kunu afu li hu fil-qrib”. It-taqlib fil-ġrajjiet tal-istorja, il-konflitti li jdejqu u jinkwetaw lill-Komunità Nisranija, għalkemm jistgħu jġibu dwejja u tbatija, huma sinjali li s-Saltna diġà qiegħda tissawwar, li l-umanità qed timmatura. Għax huwa fil-ġrajjiet ta’ l-istorja li Alla jmexxi l-proġett tiegħu u l-istorja tal-bnedmin lejn direzzjoni ġdida.

“Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.” Epoka tmur u oħra tiġi. Imma l-Kelma ta’ Alla tibqa’ għal dejjem. Il-Kelma ta’ Alla taċċertana u tagħtina t-tama li Alla se jsalva l-magħżulin u se jiġġudika ’l dawk li opponew il-proġett ta’ Alla għall-ħelsien u l-ħajja tal-bniedem. 

“Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier.” L-esperjenza tal-waqgħa ta’ Ġerusalemm kienet ġrajja li xxukkjat u ħawdet lil bosta fil-Komunità. Quddiem ġrajjiet bħal dawn minn dejjem kien hemm fanatiċi li jipprovaw ibeżżgħu bl-aħħar tad-dinja u jippersegwitaw lil dawk ma jaqblux magħhom.

Il-biża’ jipparalizza lill-bniedem u ma jħallihx jaħdem, kif rajna fil-miraklu tal-paralitiku fil-bidu tal-Evanġelju.  San Mark irid iwissi lill-katekumeni - u lilna - dwar dawk li jiġġruvaw ibeżżgħuhom. Il-proġett tas-Saltna jibqa’ miexi anki jekk ikollu jgħaddi minn tlugħ u nżul. Ix-xbieha tas-siġra tat-tin turi, minn naħa waħda, li s-Saltna ta’ Alla  diġà tinsab preżenti  fil-ħajja tal-Komunità Nisranija. Min-naħa l-oħra, turina  l-ħtieġa li l-Komunità Nisranija tibqa’ tiddixxerni din il-preżenza “fis-sinjali taż-żminijiet”. Dan jitlob minnha li tagħżel dak li jġib ’il quddiem il-proġett ta’ Alla minn dak li jfixklu,  tagħraf xi jridha tagħmel Alla f’kull żmien,. u timpenja ruħha fil-prattika biex fid-dinja ġġib ’il quddiem is-Saltna ta’ Alla.

 

L-Evanġelju għal ħajjitna llum.

1. L-Evanġelju tal-lum kultant insibuh bħala “l-Evanġelju tal-Aħħar tad-Dinja”. Iżda jekk nagħmluh “ta’ l-aħħar tad-dinja” x’aħbar tajba hu? Dejjem se nsibu madwarna fanatiċi li jippruvaw ibeżżgħuna bl-aħħar tad-dinja. Xi wħud jinqdew ukoll b’din is-silta tal-Evanġelju biex jipperswaduna. Ma jonqsux lanqas fil-Komunità Nisranija nies li jpinġu kollox ikrah u li jaqtgħulna qalbna għax “sejrin dejjem lura u se nispiċċaw fix-xejn”. Il-Papa Ġwanni XXIII stqarr li hu nnifsu sab ruħu imdawwar bi “profeti ta’ l-iżvintura, li jħabbru dejjem id-diżastir, qisna wasalna fl-aħħar tad-dinja”

2. Biex ikun tassew aħbar tajba, l-Evanġelju rridu nagħmluh “għal ħajjitna llum”. Aħna lkoll ġieli ngħaddu minn “jiem ta’ dwejjaq kbar” - tensjonijiet, depressjoni, telfiet? F’ħajjitna wkoll “x-xemx tiddallam” u nibdew naraw kollox iswed. Il-ħwejjeġ sbieħ jiġrilhom bħal qamar, jitlfu dijiethom. “Il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema” - nies li konna nittamaw fihom jifalluna u nħossu d-dinja qed taqa’ fuq rasna.  U  saħansitra “l-qawwiet tas-sema”, qaddisin tas-sema, jew ta’ l-art, nitolbuhom u ma jismgħuniex. Nibdew naħsbu li Alla nsiena. Iżda Ġesùqalilna: Meta taraw dan jiġri kunu afu li hu fil-qrib”.

3. L-Evanġelju jaċċertama li Alla ma tilifx il-kontroll fuq id-dinja. Ġesù ġie fid-dinja sewwa sew biex jurina li Alla tagħna hu l-Immanuel, Alla magħna, u l-imħabba tiegħu ma tfallix. Il-ħajja ta’ Ġesù Kristu kienet il-preżenza ta’ Alla fl-istorja tal-bnedmin. Ġesù għamel għalih u għalina mit-triq tas-salib il-mogħdija għall-qawmien. Bl-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu, Alla jkompli jaħdem il-proġett tiegħu fil-ġrajjiet ta’ l-istorja tad-dinja u fl-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna, sa l-aħħar taż-żmien.

Għall-ewwel Insara, is-silta tal-Evanġelju tal-lum kienet aħbar ta’ ferħ u ta’ kuraġġ. Kienet il-Kelma li tagħthom il-qawwa fil-martirju. Hija l-Kelma li għal elfejn sena żammet sodi eluf u eluf ta’ Nsara li għaddew mit-tbatija u l-persekuzzjoni. U żżomm lilna wkoll fil-ġranet ta’ għeja u ta’ qtigiħ il-qalb: “Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.”