HOME         EMAIL    

 

L-EWWEL QARI

Eż 19: 2-6a

F’dak iż-żmien: Ulied Israel waslu fid-deżert tas-Sinaj u waqqfu t-tined fid-deżert.  Israel waqqaf it-tined hemm, biswit il-muntanja. Mosè tela’ ħdejn Alla, u l-Mulej sejjaħlu mill-muntanja u qallu: “Dan tgħid lil dar Ġakob u tgħarraf lil ulied Israel: ‘Intom rajtu x’għamilt lill-Eġizzjani. Jiena rfajtkom fuq ġwienaħ l-ajkli u ressaqtkom lejja.  Issa, jekk tisimgħu sewwa leħni u tħarsu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-ġnus kollha.  Għaliex l-art kollha kemm hi hija tiegħi. Tkunu għalija saltna ta’ qassisin, ġens qaddis.’ ”

SALM RESPONSORJALI

Salm 99

Aħna l-poplu ta’ Alla.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

aqdu lill-Mulej bil-ferħ,

idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.

 

Kunu afu li l-Mulej hu Alla,

hu ħalaqna w aħna tiegħu,

aħna l-poplu tiegħu u n-ngħaġ tal-merħla tiegħu. R/.

 

Għax twajjeb il-Mulej,

għal dejjem it-tjieba tiegħu,

u minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.

 

IT-TIENI QARI

Rumani 5:6-11

Ħuti: Meta kien il-waqt, u aħna konna għadna bla saħħa, Kristu miet għal dawk li kienu bla Alla. Wieħed bilkemm imut għal bniedem ġust, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed tajjeb. Iżda Alla wera mħabbtu lejna, meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.

Mela kemm aktar issa li aħna ġġustifikati b’demmu nsalvaw permezz tiegħu mill-korla ta’ Alla! Jekk meta konna għadna għedewwa ta’ Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm aktar issa, li aħna ħbieb miegħu, insalvaw permezz tal-ħajja tiegħu! Mhux hekk biss, imma niftaħru wkoll f’Alla b’Sidna Ġesù Kristu, li permezz tiegħu issa ksibna l-ħbiberija ma’ Alla.

MID-DOKUMENT TAS-SINODU

 LITURĠIJA U SAGRAMENTI

Għall-insara, il-quddiesa ma tispiċċax fil-bieb tal-Knisja iżda huma msejħin biex jagħtu xhieda ta’ l-Evanġelju u jxandruh fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u biex fl-attivitajiet tal-komunità parrokkjali jwasslu l-ferħ tal-laqgħa tal-Mulej.

paragrafu 15 - ara d-Dokument kollu

Hallelujah. Halleluljah.

Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu

permezz ta’ Kristu,

u fdalna l-messaġġ ta’ din il-ħbiberija.

Hallelujah.

L-EVANĠELJU

Mattew 9:36-10:8

F’dak iż-żmien: Ġesù, xħin ra l-folol, ġietu ħasra minnhom, għax kienu qishom ngħaġ li ma għandhomx ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad kbir tassew, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu!”

U sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispriti mniġġsa biex ikeċċuhom u biex ifejqu kull xorta ta’ mard u nuqqas ta’ saħħa. L-ismijiet tat-tnax-il appostlu huma dawn: l-ewwel, Xmun, li jgħidulu Pietru, u ħuh Indri, Ġakbu ta’ Úebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-publikan, Ġakbu ta’ Alfew u Taddew, Xmun il-Qanagħan, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad biegħu.

Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma aktar morru fittxu n-ngħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Israel. Intom u sejrin xandru li s-Saltna tas-Smewwiet hija fil-qrib. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-imġiddmin, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.”

    ĦSIBIJIET MILL-EVANĠELJU

Is-silta tal-Evanġelju tal-lum tinsab bejn id-diskors ta’ Ġesù dwar is-sinjali tas-Saltna (Mt 8 u 9) u fil-bidu tal-missjoni tad-dixxipli(Mt 10).

1.  Ġietu ħasra minnhom, għax kien qishom nagħaġ li ma għandhomx ragħaj.

Fi żmien Ġesù, kif rajna l-Ħadd l-ieħor, il-poplu kien għajjien u mifluġ, imdejqa u u mitluqa bħal magħaġ bla ragħaj, espressjoni meħuda mill-Ktieb tan-Numri  (27,17). Quddiem il-miżerja tal-poplu, Ġesù ma baqax passiv. L-Evanġelju jgħidilna li ġietu ħasra minnhom.

L-espressjoni tfakkarna f’waħda mill-kwalitajiet il-kbar tal-ħniena ta’ Alla. Turina sentimenti li nsibuhom fl-omm quddiem it-tbatijiet ta’ wliedha: tjieba, ħlewwa, sabar u mogħdrija, tisħib fl-istess tbatijiet tal-poplu. Hija l-istess sentiment tal-Missier quddiem il-miżerja tal-Iben il-Ħali (Lq 15,20), u ta’ Ġesù nnifsu qabel il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż (Mt 14,14).

Il-ħniena ta’ Ġesù ma waqfitx fis-sentiment, iżda ssarrfet f’sens ta’ missjoni u servizz, li fl-Evanġelju ta’ San Mattew huwa l-għemil tal-ġustizzja tas-Saltna ta’ Alla: “Hekk jixraq nagħmlu biex intemmu s-sewwa kollu” (Mt 3,15).

Iżda Ġesù jagħraf li din il-missjoni  ma jistax jagħmilha waħdu. Il-missjoni hija tassew kbira u trid tibqa’ sejra sal-aħħar tad-dinja. Teħtieġ, għalhekk,  il-ħidma ta’ dawk li jimxu warajh: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat  ħaddiema għall-ħsad tiegħu.” Din hija sajħa biex id-dixxipli tiegħu jkollhom l-istess sentimenti  u  jħaddnu l-istess missjoni tiegħu. Is-sejħa għall-missjoni tinbet dejjem  mill-għarfien tat-tbatijiet u tal-ħtiġiet tal-poplu  u  mir-rieda li wieħed iqiegħed lilu nnifsu għall-qadi tal-oħrajn.

2. Sejjaħ lejh it-tnax u tahom is-setgħa.

Il-missjoni ta’ Ġesù, skond l-Evanġelju ta’ San Mattew, kienet  li ntemmu s-sewwa kollu (Mt 3,15) tas-Saltna ta’ Alla, jiġifieri  li teħles lill-bnedmin minn kull ma jaljenahom jiżvijahom mill-ħajja vera li jrid jagħtihom Alla. Hija din il-missjoni li Ġesù jgħaddi lid-dixxipli tiegħu: U  sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti mniġġsa biex ikeċċuhom u biex ifejqu kull xorta ta’ mard u nuqqas ta’ saħħa. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-imġiddmin, keċċu x-xjaten. Il-missjoni tad-dixxipli hija li jkomplu dak li kien jagħmel Ġesù.

L-Evanġelju jagħtina l-ismijiet tat-tnax-il appostlu. M’humiex grupp magħluq li jeskludi lill-oħrajn. Għall-kuntrarju, in-numru tnax ifakkar it-tnax-il tribù ta’ Iżrael, simbolu tat-totalità. Kollha u kulħadd hu msejjaħ li jinħeles, u kollha u kulħadd hu mibgħut li jeħles minn kull tbatija li   taħkem  lill-bnedmin  fil-bżonn. Il-proġett tas-Saltna jrid iseħħ bis-sehem tal-ħidma ta’ kullħadd flimkien. Ġesù għażel nies b’xogħlijiet u mentalitajiet differenti. Fosthom kien hemm sajjieda, kollettur tat-taxxi, żelota politiku.

Saħansitra, wieħed minnhom, Ġuda, kien ħalliel u ttradixxa lil  Ġesù. Dan juri li kulħadd huwa msejjaħ, mingħajr eċċezzjoni. Iżda l-każ ta’ Ġuda juri li mhux biżżejjed l-entużjażmu. Ġuda spiċċa biex minflok jgħin lil Ġesù, biegħu lill-għedewwa tiegħu. Ġesù jrid  li l-missjoni sseħħ pass wara l-ieħor; u juri wkoll x’għandhom ikunu l-prijoritajiet: “Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma aktar morru fittxu n-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael.” Il-prijorità hija n-nagħġa l-mitlufa, jiġifieri l-qadi tal-bnedmin imweġġgħa fid-dinjità tagħhom u fid-drittijiet tagħhom, minn soċjetà egoista u magħluqa fiha nfisha.

3. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.

Id-dixxipli huma l-ħabbara tas-Saltna ta’ Alla fil-qrib, preżenti fil-persuna ta’  Ġesù: Intom u sejrin xandru li s-Saltna tas-Smewwiet hija fil-qrib. Hija Saltna li ssir preżenti permezz ta’ relazzjonijiet ta’ fraternità, ta’ djalogu, ta’ solidarjetà u ġustizzja bejn il-bnedmin, kif uriena Ġesù. Id-dixxipli ta’  Ġesù rċevew is-Saltna b’xejn u hekk għandhom jgħadduha lill-oħrajn. Tħabbar is-Saltna tfisser tgħix din il-gratuwità b’ħajja mġedda li tibni soċjetà u dinja li jaqblu mal-proġett ta’ Alla.

ara wkoll - L-Evanġelju għal ħajjitna llum