|
L-EWWEL QARI
Żakk 9: 9-10 |
Dan
jgħid il-Mulej: Imtela bil-hena, bint Sijon; agħjat bil-ferħ, bint
Ġerusalemm! Ara, s-sultan tiegħek ġej għandek; huwa ġust u rebbieħ,
umli u riekeb fuq ħmar, fuq felu ta’ ħmara.
Hu
jeqred il-karru minn Efrajm u ż-żiemel minn Ġerusalemm; jinqered
il-qaws tal-gwerra. Hu jxandar il-paci lill-ġnus, il-ħakma tiegħu
tkun minn baħar sa baħar, u mix-xmara sat-trufijiet ta’ l-art.
|
SALM RESPONSORJALI
Salm 144
|
Inbierek ismek għal dejjem, Mulej.
Ngħollik, Alla
tiegħi, sultan,
u nbierek ismek
għal dejjem ta’ dejjem.
Kull jum
inbierkek u
nfaħħar ismek
għal dejjem ta’ dejjem. R/.
Il-Mulej tajjeb u ħanin,
idum
biex jagħdab u kollu tjieba.
Twajjeb
il-Mulej ma’ kulħadd,
u
ħnientu akbar minn kull ma għamel.
R/
Kull
ma għamilt iroddlok ħajr, Mulej,
u
ħbiebek iberkuk:
is-sebħ
tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq
is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.
Fidil
il-Mulej f’kull kelma tiegħu,
twajjeb
fl-għemil tiegħu kollu.
Iwieżen
il-Mulej kull min se jaqa’,
u
jqajjem ’l kull min imil. R/.
|
IT-TIENI QARI
Rum 8: 9. 11-13
|
Ħuti: Intom ma tgħixux skond il-ġisem, imma skond l-Ispirtu,
ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd
ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu. Jekk
l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar
fikom, dak stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem
għall-ħajja wkoll il-ġisem tagħkom li jmut, bis-saħħa ta’ l-Ispirtu
tiegħu li jgħammar fikom.
Hekk
mela, ħuti, aħna midjunin, imma mhux mal-ġisem biex ngħixu skond
il-ġisem. Għax jekk tgħixu skond il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewtu
bl-Ispirtu l-għemil tal-ġisem, tgħixu.
|

|
"Ħudu fuqkom il-madmad
tiegħi u tgħallmu minni, għax jiena ta’ qalb ħelwa w umli, u
intom issibu mistrieħ għal ruħkom. Għaliex il-madmad tiegħi
ħelu u t-toqol tiegħi ħafif." |
Hallelujah. Halleluljah.
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
li
wrejt il-misteri tas-saltna liċ-ċkejknin.
Hallelujah.
F’dak iż-żmien: Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema
u l-art, talli inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min hu għaref
u lil min jifhem, u għarrafthom lil min hu ċkejken. Iva,
Missier, għax hekk għoġob lir-rieda tiegħek. Kollox kien
mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben ħlief
il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier ħlief l-Iben u
dak li l-Iben irid jgħarrafhulu.
Ejjew
għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena
nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għax
jiena ta’ qalb ħelwa w umli, u intom issibu mistrieħ għal ruħkom.
Għaliex il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”
Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier,
Sid is-sema u l-art...
Kemm drabi
fil-ħajja tiegħi faħħart lill-Alla tal-opri kbar tiegħu, jew
forsi kull darba li nersaq lejh huwa biss biex nittallab u
nitkarrab?
|
Forsi spiss
ngħid it-talba tal-Missierna, imma kemm tassew nirrikonoxxi
lil Alla bħala Missieri?
Alla huwa s-Sid
tas-Sema u tal-Art. Imma bil-mod kif inġibu ruħna spiss
ninsew din il-verità. Il-bniedem spiss jagħmel lilu nnifsu
sid tal-ħolqien kollu u jinsa li aħna biss amministraturi
tal-ħwejjeġ ta’ madwarna. Lanqas ta’ dawk il-ħwejjeġ li jiena
nqishom personalment tiegħi ma jiena sid assolut, għaliex dawn
qegħdin għandi biex nagħmel użu tajjeb minnhom kemm għall-ġid
tiegħi kif ukoll tal-oħrajn. Bħala amministratur tal-ġid
tal-dinja, il-bniedem irid iħarsu u jara li dan ikun imqassas
b’mod ġust bejn kulħadd.
.... inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min
hu għaref u lil min jifhem, u għarrafthom lil min hu ċkejken.
Iva, Missier, għax hekk għoġob lir-rieda tiegħek.
Fl-innu ta’
Marija nkantaw li Alla “xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalb,
niżżel lis-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u għolla ċ-ċkejknin.”
Iva għaliex Alla jirreżisti lis-supperv u jagħti l-grazzja
tiegħu lil min huwa umli. Fil-ħajja stess ta’ Ġesù narawh
imdawwar minn persuni umli li ma kellhom ebda pretensjoni,
jgħallimhom u jgħidilhom il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma lil dawk li
kienu jqisu ruħhom bħala l-għorrief, għaliex kienu mkabbra
bihom infushom, Ġesù warrabhom u ħadha kontrihom. U jiena ma
liema grupp nappartjeni?
Ħadd ma jagħraf lill-Missier ħlief l-Iben u
dak li l-Iben irid jgħarrafhulu.
Ħadd ma jista’
jmur għand Alla jekk mhux permezz ta’ Ġesù. Jekk nippretendi
li hemm xi triq oħra li twassal għall-hena ta’ dejjem ħlief
dik li jurina Ġesù fl-Evanġelju, allura sejjer imqarraq.
Spiss lil Alla nifħmu kif jidhirli jien. Kif ikun jaqbel lili
f’dak il-mument. Imma Alla huwa wieħed. Ma jinbidilx. Huwa
dak Alla li kellimna dwaru Ġesù stess. Kull alla ieħor li
nfassal għalija nnifsi huwa alla falz.
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu
mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.
Spiss infittxu
s-serħan u l-paċi tagħna bnadi oħra. Imma Ġesù jgħidilna li
huwa biss jista jagħtina l-veru ferħ sa minn din il-ħajja.
Ġesù ma jwegħdnix ħajja bla salib, imma li fis-salib tagħna
huwa se jkun hemm biex magħna jerfa huwa wkoll. F’Ġesù biss
insibu il-mistrieħ ta’ ruħna għaliex kif jgħid huwa stess, il-madsmad
tiegħu huwa ħelu u l-piż tiegħu ħafif. |