|
Iċ-Ċelebrazzjoni
Ewkaristika fiż-żminijiet bikrin. Mir- Rev. George Sċhembri. |
|
|
Il-Qsim
tal-Ħobż mad-Dixxipli ta’ Emmaws
L-Ikla tal-Għid
hija l-iktar waħda mportanti fl-Istorja tal-Poplu Lhudi għax
tfakkar il-grajja tal-Ħelsien tiegħu mill-jasar tal-Eġittu, fi
żmien Mose`.
“Agħmlu dan
b’tifkira Tiegħi.”
Ewsebju ta’ Ċesarea
Athanasju ta’ Lixandra
San
Ċirillu ta’ Gerusalemm
San Ġustinu Martri |
Ser
nizviluppaw is-suggett tallum billi naraw x’kienu l-fehmiet u l-kurrenti
tal-ħsieb dwar Iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika, u
l-mod kif kienet tiġi ċċelebrata matul l-Ewwel Erbgħa Sekli
tal-Kristjaneżmu. Għalhekk,
l-ewwel ser nezaminaw ir-rifernzi marbuta ma’ l-Ewkaristija, fir-Rabta
l-Ġdida, u fir-Rabta l-Qadima.
Mbagħad naraw ir-riferenzi li nsibu f’kitbiet oħra
taż-żminijiet bikrini. L-Ewwel
Komunitajiet insara kienu jħobbu jirreferu għaċ-Ċelebrazzjoni
Ewkaristika bħala ċ-ċerimonja tal-Qsim
tal-Ħobż. Dan kienu
jagħmluh biex ifakkru dak li wettaq Kristu nnifsu, fl-Aħħar
Ċena (Mt.26:17-30, Mk.14:12-26, u Lq.22:7-38). Iżda ma’ ninsewx
ukoll meta kien fuq il-mejda maż-żewg dixxipli li, fi triqtom lejn
Emmaus, fil-għaxija stess tal-jum li qam mill-mewt, kienu ltaqgħu
miegħu u stednuh biex jaqsam xi ħaġa tal-ikel magħhom,
imbagħad irnexxilom jagħarfuh, preċiżament fil-Qsim
tal-Ħobż (Mk.16:12-13, u Lq.24:13-32) Għal dawn
ir-raġunijiet naraw li l-Komunita` Ewlenija ta’ Ġerusalemm
tirreferi għall-Ġemgħa tal-Knisja madwar l-Appostli, bl-istess
mod, jigifieri, li kienu jiltaqgħu, fost ħwejjeġ oħra, għall-Qsim
tal-Ħobż (Atti 2:42, 46, u 20:7). Iktar tard, insibu wkoll
il-kliem Eulogein u Ephċaristein, minn fejn
ġejja l-kelma Ewkaristija. Il-kelma, Eulogein, tirreferi għall-qima li
aħna dovuti lill-Alla, waqt li l-kelma, Ephċaristein,
tirreferi għall-ħajr u l-gratitudni li Kristu nnifsu radd l-Missier
meta ħa l-ħobż u l-inbid, f’ idejh qabel ma’ qassmu lid-dixxipli,
fl-Aħħar Ċena.
Aħna nalludu għall-kelma, l-Quddiesa,
bħala l-ogħla talba li għandna, mħollija minn Kristu
stess waqt li, taħt l-influwenza tal-kultura Latina, nitkellmu iktar
dwar Missa, Messa, Mass. Biex naslu għal tifsira iktar
sodisfaċenti jeħtieg li nħarsu lejn iċ-Ċelebrazzjoni
Ewkaristika, kemm mit-test kif ukoll mill-kuntest ta’ dak li qal u wettaq
Kristu nnifsu fl-Aħħar Ċena. Għalhekk, nibdew biex
nikkunsidraw is-sensiela tal-ikliet reliġjużi tal-Lhud u l-ikliet
li Kristu qasam mad-dixxipli tiegħu. 1.- L-Ikliet Qaddisa tal-Lhud Fost il-Lhud
jispikkaw sensiela ta’ Ikliet Qaddisa msejħin, baraka,
berekoth, birkat-ha-mazon (offerti). Dawn jitmexxew mill-kap
tal-familja. Fihom jispikkaw l-iżjed il-Ħobż u l-Inbid, u jigu
mfakkra l-għegubijiet li l-Mulej Alla wettaq mall-antenati tagħhom,
fir-Rabta l-Qadima. Għalhekk
huma kkumpanjati minn kant ta’ Salmi, l-iktar, nn.115-118, minn talb ta’
merħba, qima, ħajr, maħfra, talb għall-ħtiġijiet,
u talb marbutin mall-offerta. Huma kkunsidrati bħala Ikliet
Sagrifikali fejn, dawk li jieħdu sehem, jesprimu kemm
l-għaqda ta’ bejnietom, kif ukoll l-għaqda tagħhom ma’ Alla.
Jinqraw ukoll siltiet mir-Rabta l-Qadima
marbutin ma’ l-Ikla in kwistjoni. L-Ikla tal-Għid hija l-iktar waħda mportanti
fl-Istorja tal-Poplu Lhudi għax tfakkar il-grajja tal-Ħelsien
tiegħu mill-jasar tal-Eġittu, fi żmien Mose`, liema
ġrajja kienet, fl-istess ħin, qed tiġi pperpetwata fl-Istorja
tal-istess Poplu li baqa konxju li l-Mulej kien għadu qed iwettaq
għeġubijiet oħrajn fil-ħajja u l-Istorja
tiegħu. Bħal fi żmien
Mose`, jispikka f’ din l-Ikla l-Ħaruf li jittiekel flimkien ma’
ħxejjex aromatiċi u Ħobż ażzmu. Tifsira dettaljat ta’ kif din l-Ikla
għandha tkun u tibqa ċċelebrata nsibuha fil-ktieb tal-Ezodu,
Kapitlu 12, 1-28. L-Ikla tal-Għid
tal-Lhud kienet ukoll msejha l-Ikla tal-Ħobż Ażzmu,
kif jindikaw tajjeb it-tlett Evanġelisti fil-bidu tar-rakkont
tagħhom dwar l-Aħħar Ċena. Fill-fatt, it-tradizzjoni
ġudajka tirreferi għaliha kemm bħala pesaċh,
kif ukoll bħala mazzoth. Meta tirreferi
għaIl-kelma pesaċh, li minnha ġejja l-kelma Pasċh,
Pasqua, tkun qed tirreferi, kemm għal meta l-Anġlu
tal-Mulej għadda minn fuq l-art tal-Eġittu, fi
żmien Mose`, darab l-ewwel wild tal-Eġizzjan, u, b’ riħet
hekk, mbagħad, il-Mulej għadda l-Poplu tiegħu
mill-jasar għall-ħelsien fiżiku tiegħu sabiex,
eventwalment, wasslu fl-Art Imwegħda.
Inżidu hawn, li ma’ għandniex nassoċċjaw dil-kelma
pesaċh, li ġejja mill-ilsien Lhudi, mall-kelma li
ġejja mill-ilsien Grieg, jigifieri, il-kelma Pasċhein,
għalkemm jinxtieħbu ħafna, għax din ta’ l-Aħħar
tfisser tbatija. Tabilħaqq, uhud mill-Missirijiet Qaddisa
tal-Knisja tawha wkoll din l-Aħħar tifsira għaliex riedu
jassoċċjawha, pjuttost, mat-tbatijiet ta’ Kristu, meta ngħata
għalina bħala l-Ħaruf ġwejjed, meħud għas-sagrifiċċju. Meta, mbagħad, l-Ikla
tal-Għid tirreferi għall-kelma mazzoth, li
bil-Malti tfisser, Ħobż ażżmu, dan
tagħmlu biex tindika l-festival tal-Jiem tal-Ażżmi,
li kien jigi ċċelebrat, matul gimgħa sħieħa,
fil-bidu tar-Rebbiegħa, u fl-istess żmien tal-festa tal-Għid
tal-Lhud. Dan kien isir bħala
sinjal ta’ gratitudni lejn il-Mulej għall-ewwel prodotti tar-raba.
Kien għalhekk li l-Ħobż kien jittiekel mingħajr
ħmira, jiġifieri, fl-istat naturali tiegħu, minħabba li
l-ħmira kienet kkunsidrata bħala xi ħaga estranea
għall-ħidma ta’ Alla, u b’ xi mod kienet qegħda ttebba l-ħidma tiegħu, għax
ma’ ssibhiex fill-Ħobż, jekk ma’ tkunx miżjuda mill-bniedem. Fost
karatteristiċi oħra ta’ dawn l-Ikliet Qaddisa, barra
li Alla jfittex l-għaqda u l-intimita mall-bniedem biex isalvah, insibu
il-gratitudni li l-bniedem għandu kontinwament jesprimi lejn Alla
tal-ikel li jipproprovdilu.
Fill-fatt, l-ikel ta’ kuljum huwa saħansitra kkunsidrat
mill-Fariżej bħala barka ta’ Alla
kemmildarba jiġu rispettati r-regolamenti. Dawn kienu jħarsu mhux biss lejn
it-tip ta’ ikel li jkun ser jittiekel, il-għaliex il-Lhud ma’
setgħux jieklu kollox, iżda wkoll lejn min kien ser jaqasam
l-istess ikel, minħabba regoli oħrajn stretti li kienu
jggħaluhom iwarrbu xi whud milli jieklu magħhom. Jiġifieri, ma’ setgħux
jitħalltu ma’ kulħadd. Mill-Evanġelju stess naraw li spiss,
b’mod partikulari, il-Fariżej, tkażaw ma’ min kien jitħallat
Ġesù għall-ikel, bħal pubblikani u l-midinbin (Mt.9,10-13; Mk.2,15-17; Lk.5,29-32). Fil-Kapitlu 10 ta’ l-Atti tal-Appostli,
naraw li ħadd ma’ kien jistenna l-Pietru jilqa l-istedina biex imur
fid-dar taċ-Ċenturjun, Kornelju, għax ma’ kienx Lhudi u kien
ukoll pagan. Fl-aħħarnett,
tajjeb li niftakru li, l-Lhud, kienu jassoċċjaw l-Ikliet
Qaddisa tagħhom mall-Ħajja ta’ Dejjem, għax din kienet tikkonsisti f’Ikla
Kbira u Abbundanti li għalieha jkunu mistiedna, sa’ minn
ħajjithom stess, dawk kollha li fihom il-Mulej isib l-għaxqa Tiegħu.
Ħjiel ta’ din l-għaxqa diġa narawha f’ diversi
ikliet li l-Mulej Ġesù jaqsam mad-dixxipli u/jew mall-folol,
inkluża l-Aħħar Ċena, fejn jgħid: ma’
nergax nixrob aktar mill-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid
ġdid fis-Saltna ta’ Alla (Mk.14,25; Mt.26,29; Lk.22,15,18). Għalhekk
dawn l-ikliet jeħtieg li nikkunsidrawhom bħala azzjonijiet
simboliċi li diġà qed jantiċipaw l-Ikla l-Kbira
Messjanika u Eskatologika.
Għalhekk kull min hu mistieden
għandu wkoll garanzija tal-istedina għall-istess Ikla
l-Kbira, fill-Ħajja ta’ Dejjem.
Għalhekk ukoll, minħabba li kienu konxji li ġew
mifdijja mill-jasar tad-dnub, u saru, mill-ġdid, ħbieb ta’ Alla,
għall-Ewwel Insara, l-Aħħar Ċena, flimkien ma’ l-ikliet
kollha li nsibu fir-Rabta l-Ġdida, kienu espressjoni, kemm
tal-għaqda tagħhom ma’ Kristu u ma’ xulxin, u
tal-aċċettazzjoni tagħhom minn Alla fil-ħajja ta’ issa u,
iktar tard, fis-Saltna tas-Sema. Minħabba f’hekk li l-Ewkaristija, sa’
mill-bidu, titqies bħala r-rahan tal-ħajja ta’
dejjem. 2.- L-Ewkaristika u l-Ikliet Qaddisa tal-Lhud Għalkemm Ġesù, fl-Aħħar
Ċena, ma’ jidhirx li jsegwi, f’kollox, dawn l-Ikliet
Qaddisa tal-Lhud, xorta waħda jżomm l-istruttura tagħhom, mibnija fuq sebgħa
sezzjonijiet li huma: 1) ħa l-Ħobż f’idejh, 2)
bierku, 3) qasmu, 4) u qassmu lid-dixxipli. Hekk ukoll, 5) ħa l-inbid, 6) bierku, 7) u qassmu
lid-dixxipli tiegħu. Wara jżid,
Agħmlu dan b’tifkira Tiegħi …Dawn il-kliem ifissru li
Ġesù ma’ xtaqx li d-dixxipli Tiegħu jwettqu xi ċelebrazzjoni
ġdida, iżda, ried li, meta kienu ser jiċċelebraw l-Ikla
tal-Għid, fil-futur, dan kellhom jagħmluh skond it-tifsira
ġdida li ta Hu, jiġifieri, bħala tifkira Tiegħu.
Iktar l-isfel ser naraw xi tfisser il-kelma tifkira. Għalissa, biżżejjed
inżommu quddiem għajnejna li, f’għajnejn il-Poplu ta’ Alla,
l-Ikliet Qaddisa Sagrifikali kienu okkażżjonijiet u espressjonijiet
qawwija tal-għaqda tagħhom ma’ xulxin u ma’ Alla. Kienu sinjali tar-rikonċiljazzjoni u
il-hbiberija tagħhom Miegħu. Fl-istess ħin, kienu wkoll
indikazzjoni tal-istatus li l-Lhud kienu jgawdi bħala l-Poplu
Magħzul ta’Alla li diga` hu mistieden sabiex, il-quddiem, jiffesteggja u
jaqsam mill-Ikla ta’ dejjem, fil-Ħajja ta’ dejjem. Dan juri li dawn
l-Ikliet kienu grajjiet salvifiċi, ta` fidwa, fis-sens, li
kienu sinjali ta’ kif setgħu jidhlu mill-ħajja prezenti,
fil-kondizzjoni tal-Ħajja li għad trid tiġi, u li diga`
ggarantita lilhom. Il-vizzjoni
tal-għaqda u il-komunjoni, u is-sens ta’ koinonia
fiċ-ċelebrazzjoni tal-Qsim tal-Ħobż, kienet
ta’ ħtiega kbira, kif jindikaw tajjeb l-Atti tal-Appostli, u San
Pawl innifsu li, fl-Ewwel Ittra l-Korintin, Kap.10, 16-17,
jgħidilna, Il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka
mhuwiex għaqda mad-demm ta’ Kristu?
U l-Ħobż li naqsmu mhuwiex għaqda mal-Ġisem ta’
Kristu? Għax la
l-Ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna,
aħna ġisem wieħed;
ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn Ħobża
waħda … Fl-istess Ittra, iktar il-quddiem (11,20),
imbagħad, San Pawl joħodha ma’ dawk il-Korintin li ma’ jaqsmux
l-ikel mall-fqar Iżda, waqt li
jħallu l-fqar bil-ġuħ,
jiekluh weħidhom, u għar u għar, jispiċċaw
fis-sakra u it-tbaħrid.
Għalhekk itenni … Meta tiltaqgħu …mhux l-ikla
tal-Mulej qegħdin tieklu (Ara wkoll Atti 2,42, dwar
il-ħtieġa li l-Ewkaristija hija okkażżjoni biex l-Insara
jesprimu l-għaqda ta’ bejniethom). Tabilħaqq,
ma’ għadniex wisq indikazzjoni li l-kliem li nsibu fl-Ikliet
Qaddisa tal-Lhud kienu
daħlu b’mod deċiziv u stabbilit fiċ-Ċelebrazzjoni
Ewkaristika tal-ewwel sekli. Nafu
iżda fi żgur li, fost l-istess Lhud, insibu tradizzjoni twila u
stabbilita ta’ talb li jikkonsisti f’barkiet, li jmorru lura għar-Rabta
l-Qadima. Dan it-talb ta’ barkiet ma’
kienux jingħadu fuq l-offerti tal-Ħobż u l-inbid, iżda
kienu jiġu ndirizzati lejn Alla bħala l-għajn ta’ kull barka,
u, fl-istess ħin, bħala att ta’ ringrazzjament, għax jiftakru
fl-egħgubijiet li kien wettaq fosthom, fl-imgħoddi. Għalhekk,
niltaqgħu mall-kelma Griega, anamnesis. Issa għall-Lhud, li tiftakar
ma’ tfissirx biss azzjoni mentali li biha ggib quddiem għajnejk dak li
jkun seħħ qabel, iżda hija azzjoni li biha tistenna li, dak li
jkun, ikompli jwettaq dak li għamel qabel. Xhieda ta’ dan huma l-kliem tal-ħalliel it-tajjeb meta dar
lejn Ġesù mdendel fuq is-Salib u talbu biex jiftakar fih meta jidħol fis-Saltna
tiegħu (ta’ Ġesù), jigifieri, biex Ġesù jaħseb fih
u jgħinu sabiex ma’ jibqax fis-sitwazzjoni li kien fiha (Lq.
23,42). Għalhekk il-Lhud kienu
jistennew li Alla ser ikompli jgħinhom u jwettaq egħgubijietu
fosthom, kemm fil-prezent, kif ukoll fil-futur, għax, għalihom,
Alla ma’ jgħix fl-imgħoddi, iżda hu kontinwament preżenti
f’ħajjithom. Għalhekk
nistennew li l-anamnesis hija mmedjatament segwita minn
invokazzjonijiet ndirizzati lejn Alla, sabiex ikompli l-azzjoni ta’ fidwa
f’ħajjithom. Dawn jissejħu bil-Grieg, epiklesis, li, iktar tard, bdew jiġu ndirizzati
lejn l-Ispirtu s-Santu. Jeħtieg
għalhekk li dak li qal Ġesù, fl-Aħħar Ċena,
jigifieri, il-kliem, agħmlu dan b’tifkira tiegħi (1
Ċor.11,24), għandna
nifhmuh f’dan is-sens,
il-għaliex id-dixxipli li ftakru x’qalilhom u x’għamel Ġesù,
kienu wkoll jistennew li, fl-ikliet qaddisa tagħhom, Alla
l-Missier kien ser ikompli jiftakar x’għamel permezz ta’ Ibnu, u kien
ser ikompli sabiex il-ħidma salvifika tiegħu jwassalha fit-tmiem
tagħha. Għaldaqstant naraw
li, fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika qed tiġi attwata u
ipperpetwata l-azzjoni storika u salvifika ta’ Kristu fl-istorja tagħna,
mhux mingħajr l-invokazzjoni tal-Mulej/l-Ispirtu s-Santu, sabiex
il-ħidma ta’ fidwa li beda Hu, tilħaqq il-milja tagħha fostna
u fina. 3. L-Ewkaristija fid-dokumenti bikrin Tabilhaqq,
għalkemm fir-Rabta l-Ġdida, għandna biss ħjiel tat-Talba
Ewkaristika li żviluppat, fil-Knisja, matul iż-żmien,
dokumenti bikrin, jew aħjar, frammenti minnhom, kienu ta’ għajnuna kbira sabiex
il-Knisja setgħet, fis-sekli ta’ wara, tasal għal Talba
Ewkaristika iktar kompleta u
definita. L-ewwel, l-iktar dokument li jispikka huwa d-Didake`, għax
hu mifhum li jiġbor fih, għalkemm fil-qosor, it-tagħlim u
d-direttivi tal-Appostli dwar uhud mis-Sagramenti, fosthom, l-Ewkaristija.
Għalhekk, minħabba r-rabta qawijja li għandu ma’ l-Appostli,
kien minn dejjem ikkunsidrat bħala dokument ta` importanza ftit inqas
mill-istess Evanġelji, ukoll għax huwa fost l-iktar bikrin,
minħabba li jmur lura għas-snin 70-80 W.K. Fil-fatt, ħafna
mill-Missirijiet Qaddisa tal-Knisja, bħal Ewsebju ta’ Ċesarea,
Athanasju u Klement ta’ Lixandra, Irenew ta’ Lyon, Origene u oħrajn,
spiss jirreferu għalih. Lilna tinteressana, l-iżjed, it-Tieni
Taqsima, Kapitlu IX, minħabba li nsibu fiha xi talb u xi direttivi
dwar x’għandu jsir waqt dan it-talb li kien jingħad wara
l-konsagrazzjoni u waqt it-tqarbin, fl-Ikliet Qaddisa tal-ewwel
insara. Fil-fatt, dan it-talb
jikkonsisti: f’radd ta’ ħajr lill-Alla għall-Ħobż u
l-Inbid, għall-għerf li tana permezz ta’ Ibnu, għad-destin
għoli li għalih sejħilna, għas-setgħa bla qies
tiegħu, flimkien ma’ invokazzjonijiet biex iħares l-Knisja
tiegħu minn kull deni, jiġborha mill-erbgħat irjieh tad-dinja,
u iwassalha fil-milja ta’ mħabbtu, għax Tiegħu hi s-Saltna,
il-Glorja u il-Qawwa għal dejjem ta’ dejjem. Ninnutaw li dan it-talb li setgħa kien
jingħad mill-Lhud, fl-Ikliet Qaddisa tagħhom, ġie forsi
ntrodott fl-Ikliet Qaddisa Nsara mill-Insara Lhud
tal-bidu. Inżidu, wkoll, li d-Didake` jenfasizza
l-Veritajiet Rivelati minn Kristu. Dokument interessanti ħafna ta’ nofs it-Tieni
Seklu hu r-Rakkont ta’ Ġustinu Martri li jitkellem dwar il-mod kif kienet tiġi ċċelebrata
l-Ewkaristija minn l-Assemblea ta’ xi belt jew raħal, li tiltaqa f’Jum
il-Mulej f’imkien fejn jinqraw siltiet twal mill-kitbiet tal-Appostli jew
tal-Profeti. Min jippresiedi, mbagħad, jammonixxi u jingoraggixxi l-dawk
prezenti biex jimxu fuq dak li semgħu. Wara, kulhadd iqum bil-wieqfa u
jsir talb għall-ħtiġijiet ta’ kulħadd. Kif
jispiċċa dan it-talb universali, jingiebu l-Ħobż, l-inbid
u l-ilma fuq l-altar. Min jippresiedi, jkompli ċ-ċelebrazzjoni b’talb
ta’ radd il-ħajr u talb ieħor, li għalih il-poplu
preżenti jikkonsenti bil-kelma,
AMEN. Il-Ħobż u l-Inbid, li
fuqhom ingħad it-talb ta’ radd il-ħajr, imbagħad, jiġu
mqassma l-dawk preżenti, waqt li d-djakni jmorru jqassmuhom l-min ma’
jkunx ġie. Jinġabru wkoll
flus minn għand min jista u jgħadduhom l-min ikun jippresiedi biex
dan jgħin bihom lill-foqra, lill-iltiema, lir-romol, lill-morda,
lill-istranġieri, lill-ħabsin, f’kelma waħda, l-min ikun nieqes mill-ħtiġijiet
tal-ħajja ta’ kuljum. Ir-Rakkont
ta’ Ġustinu Martri, dwar l-Ewkaristija, li hu
nkorporat fiċ-ċerimonja dwar l-Inizzazzjoni tal-Ħajja
Nisranija, jidħol f’iktar dettalji, u jgħid, fost
l-oħrajn, li l-insara preżenti, jsellmu l-xulxin b’bewsa ta’
paċi, kemm wara t-talb universali, kif ukoll qabel l-azzjoni
Ewkaristika (1
Apol. 67,3-7). Mir-Rakkont
ta’ Ġustinu Martri nindunaw li l-Ewkaristija
m’għadiex tiġi ċċelebrata fil-kuntest ta’ ikla.
Ma’ nafux jekk dan sarx f’daqqa. Ma’ nafhux inqas ir-raġunijiet veri li
minħabba fihom sparixxiet
l-Ewkaristija bħala Ikla.
Jista jkun biex jiġu eliminati l-abbuzi li San Pawl
innifsu jsemmi fost il-Korintin.
Jista jkun li l-ikliet
ġew eliminati mir-Rumani, għax kienu jibżgħu li
laqgħat kemmxejn klandestini setgħu jagħtu bidu
għall-inkwiet ta’ natura politika u/jew soċjali. Jista jkun ukoll
li, meta n-numru tal-insara beda jiżdid bis-sħiħ kien ikun
diffiċli li torganiżża ikliet għan-numru kbir ta’ nies.
Nafu, iżda, li baqgħu jiġu ċċelebrati, sa
għalinqas mitt sena wara, xi ikliet, minn żmien għall-żmien,
li kienu jissejħu, Agape`, mifrudin miċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika, sabiex, bihom,
l-insara setgħu b’hekk jesprimu l-għaqda ta’ bejniethom. Kienet x’kienet
ir-raguni, naraw li saret bidla qawwija fl-istruttura
taċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika l-għaliex naraw li r-rakkont li nsibu fl-Evanġelji
dwar l-Aħħar Ċena, jiġi mmodifikat ħafna u b’tali
mod, li nfluwenza r-ritwali kollha ta’ wara.
Fil-fatt issa naraw l-min jippresiedi jgħid talba ta’ radd
il-ħajr fuq l-offerti tal-Ħobż u l-Inbid li, mbagħad,
jigu maqsuma bejn kulhadd. Naraw li
l-Ħobż u l-Inbid ma’ għadhomx iżjed separati minn xulxin
minħabba tip ta’ ikel ieħor li konna nsibu qabel fil-kuntest ta’
ikla. Barra minn hekk, l-azzjoni
Ewkaristika, issa, qed tiġi ppreċeduta minn dik li nsibuha
bħala l-Liturġija tal-Kelma li tigbor fiha l-qari mill-Kotba
Mqadsa, l-Omelija, u t-Talba Universali. Ta’ min insemmu
hawn li kienet drawwa fost l-Ewwel Insara li, nhar ta’ Ħadd
filgħodu, jiltaqgħu għall-Ċelebrazzjoni tal-Liturgija
tal-Kelma msejsa fuq dik li nsibu fis-Sinagogi tal-Lhud. Għandna wkoll għax nifhmu li
l-ikliet qaddisa tal-Lhud kienu wkoll jinkludu fihom xi tip tal-istess
Liturgija tal-Kelma, waqt li ċ-Ċerimonja tal-Qsim
tal-Ħobż ma’ kenitx
nieqsa minn qari mill-Kelma ta’ Alla,
kif naraw ukoll mill-istess episodju tal-Evangelju meta Ġesù jiltaqa
maż-żewġ dixxipli, fi triqtom lejn Emmaus, meta qagħad
ifissrilhom l-Iskrittura, qabel ma’ għarfuh fil-Qsim
tal-Ħobż. Mela,
għandna għax x’nifhmu li, fl-ewwel zminijiet, l-insara kienu
jinġabru, nhar ta’ Ħadd, għall-darba tnejn, jigifieri,
filgħodu, għall-Liturgija tal-Kelma li, minnha, eventwalment
żviluppat il-Liturġija tas-Siegħat, u fil-għaxija,
għat-tifkira tal-Ikla tal-Mulej. Inżidu wkoll li, meta
l-Ewkaristija ma’ baqgħetx tiġi ċċelebrata fil-kuntest
ta’ ikla, żgur li l-parti riservata għall-qari setgħet
tiġi żviluppa iktar minħabba li, mbagħad, kien hemm
iżjed ħin għaliha.
Għalhekk, minn issa l-quddiem, naraw Ċelebrazzjoni
Ewkaristika mibnija mill-funzjoni
tal-istil tal-Liturġija tal-Kelma li nsibu fis-Sinagoga ma’ dak li kien
baqa fl-ikliet qaddisa tal-Lhud. Ir-Rakkont
ta’ Ġustinu Martri jindikalna wkoll l-enfasi
qawwijja li tingħata l-komunità tal-lokal kkunsidrata bħala
magħmula, mhux biss f’min hu preżenti
għaċ-ċelebrazzjoni, iżda wkoll f’min, għal xi
raġuni jew oħra, ma’ setgħax jattendi. Huwa għalhekk li jsir talb
għalihom, jinġabru flus biex jiġu megħjuna
fil-ħtiġijiet tagħhom, u tintbagħat l-Ewkaristija
mad-djakni biex ikollhom sehem miċ-ċelebrazzjoni. Wara d-Didake`
u ir-Rakkont ta’ Ġustinu Martri, niltaqgħu ma’ ftit
dokumenti li jagħtuna ħjiel tal-mod kif setgħa kien it-talb
Ewkaristiku. Dokument, jew
aħjar, frammenti ta’ dokument li nsibu, u li jmur lura għas-Seklu
Tlieta huwa l-Papiru ta’ Strasburgu, li ġej mill-Eġittu,
u li fuqu ġiet mibnija t-Talba Ewkaristika tar-Rit Koptiku.
Fost oħrajn, insibu fih dan it-talb:
Inberkuk (Mulej) dejjem u kull ħin
għax għamilt is-sema u kull ma’ fiha…nroddulek ħajr bih
(Kristu Ibnek), miegħu u ma’ l-Ispirtu s-Santu…ftakar f’dan
is-sagrifiċċju u fl-offerta tagħna, l-Knisja waħda,
qaddisa u kattolika tiegħek …il-popli kollha u il-merħliet
tiegħek kollha agħtina s-sliem mill-ogħli…ħares l-fqar u
l-kull min jinvoka ismek, u l-dawk kollha li jittamaw fik …agħti
s-serħan l-kull min jistrieħ fis-sliem tiegħek, kemm l-dawk li
nsemmu, kif ukoll lill-dawk li ma’ nsemmhux…ftakar f’missirijietna,
l-isqfijiet imxerda ma’ kullimkien, …w agħtina sehem mall-qaddisin
profeti, appostli u martri tiegħek biex jidħlu għalina
quddiemek. Dawn
il-frammenti diġa` jindikaw li tnaqqset id-doża tal-Ġudajizmu
li nsibu qabel fid-Didake`, għalkemm l-istruttura bażika mibnija fuq
iż-żewg elementi ta’ l-anamnesis u l-epiklesis
tibqa mħarsa. Fl-istess ħin, insibu wkoll elementi ġodda, bħall-kelma, sagrifiċċju għall-offerti, u bħas-sensiela
ta’ nterċessjonijiet indirizzati lejn kull xorta ta’ nies, wkoll dawk li
ma’ jkunux preżenti għaċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija. Wara l-Papiru
ta’ Strasburgu, nteressanti ħafna, mbagħad, huwa d-dokument
msejjah it-Tradizzjoni Apostolika, attribwit lill-Ippolitu
ta’ Ruma. Dan id-dokument, li
nsibuh qabel is-Seklu IV, jinsisti iktar fuq it-tema tal-Fidwa
għar-raġuni li l-Knisja, fil-Punent, kienet issibha diffiċli
tħares lejn it-tema tal-Ħolqien, kif kien jirnexxilha tagħmel
il-Knisja fil-Lvant. Dan l-istess dokument ta’ Ippolitu hu
mibni wkoll fuq l-istruttura bażika magħmula
miż-żewġ elementi tal-anamnesis u l-epiklesis.
Iżda, waqt li jenfasiżza l-Kristolġija, speċjalment
fil-parti tal-anamnesis, jinkludi elementi ġodda li
ġew introdotti mis-Seklu IV ‘il quddiem. Dawn huma r-rakkont ta’ l-Aħħar Ċena, li nsibuh
ukoll bħala r-rakkont tal-Istituzzjoni, u l-invokazzjoni
(epiklesis), li issa hi ndirizzata lill-Ispirtu s-Santu. Għaldaqstant, meta nnaqsu dawn
iż-żewġ elementi “tardivi”, nibqgħu bl-istruttura
oriġinali li hi wkoll mibnija fuq iġ-żewġ elementi tal-anamnesis
u l-epiklesis li jidhru tajjeb minn dawn is-siltiet:
…ħa
il-Ħobż, raddlek ħajr u qal, “hudu u kulu , dan huwa
ġismi”. Hekk ukoll ha il-kalċi u qal, “ dan huwa demmi, mxerred
għalikom, meta tagħmlu dan tagħmluh b’tifkira tiegħi”. Waqt li niftakru
fil-mewt u l-qawmien tiegħu, noffrulek il-Ħobż u l-kalċi
waqt li nizzuħajr għaliex għamiltna denji li nersqu quddiemek
u naqduk… Issa nitolbuk biex
tibgħat l-Ispirtu Qaddis tiegħek
fuq l-offerti tal-Knisja tiegħek; sabiex, migburin ilkoll
flimkien, tagħmel li ahna lkoll li ser nirċievu l-ħwejjeġ
qaddisa, nilħqu l-milja fl-istess Spirtu u il-qawwa fit-twemmin u
s-sewwa; sabiex infaħhruk u nagħtuk qima b’Ibnek Ġesù
Kristu… Diġa`
tajna xi ħjiel tal-iżvilupp qawwi, fiċ-ċerimonji kollha
tal-Knisja, wkoll fl-Ewkaristija, li niltaqgħu miegħu, fir-Raba
Seklu, minħabba l-bidla għall-aħjar li nsibu
fir-relazzjonijiet bejn il-Knisja u l-Istat Ruman, b’riħet l-Imperatur
Kostantinu. Għaldaqstant,
nistgħu nżidu li, lejn tmiem l-istess Seklu IV, tkattru dejjem
iżjed, fl-Ewkaristija, l-elementi sekondarji li rajna qabel fil-Papiru ta’ Strasburgu, u
fit-Tradizzjoni Apostolika. Nirreferu
għas-sensiela ikbar ta’ nterċessjonijiet u
għall-espressjonijiet ta’ tifħir lill-Ħallieq, li jilħqu
l-quċċata tagħhom fl-innu angeliku, Qaddis, qaddis,
qaddis, Mulej Alla ta’ l-ezerċti…, li hu adattazzjoni tal-kliem
ta’ Iżaija 6:3, u li, diġa, nsibuh, fost il-Lhud,
fil-Liturġija tas-Sinagoga tagħhom. Iżda dawn
jistgħu jitqiesu wkoll bħala ndikazzjonijiet tat-talb Ewkaristiku Eġizzjana li
ġej minn żminijiet ferm eqdem, u li, mbagħad, inxtered
f’diversi mkejjen oħra nsara, li assimilawhom u tawhom sura iktar
permanenti sabiex l-ortodossija nisranija setgħet, b’hekk, tiġi
iżjed imħarsa, speċjalment wara l-Konċilju ta’ Niċea
tas-sena 325. Ngħidu wkoll li
dawn l-elementi mhux dejjem ġew introdotti bl-istess mod, kullimkien u,
għaldaqstant, insibu li, minħabba f’hekk, ħolqu f’diversi
mkejjen, kemm fil-Lvant u fil-Punent, Talbiet Ewkaristiċi li baqgħu
jippersistu sa’ sekli wara, bi struttura differenti. Fl-Aħħarnett, jeħtieg li
nżommu quddiem għajnejna li kien fir-Raba Seklu li nsibu
l-formularji Ewkaristiċi
kemmxejn kompleti u definiti minħabba li, fiż-żmien ta’ qabel,
kull xejra ta’ talb kien improvizat fil-limiti tad-drawwiet lokali 4.-
L-Ewkaristija bħala Sagrifiċċju mhux imdemmi tal-Patt
il-Gdid... F’kull Reliġjon, minn dejjem insibu
xi għamla ta’ Sagrifiċċju bħala mezz li bih Alla u
l-bniedem setgħu jikkomunikaw ma’ xulxin. Fil-qedem, spiss insibuh f’suriet imdemmija. Iżda,
għamla ta’ sagrifiċċju li teskludi t-tixrid tad-demm,
diġa nsibuha fost il-Lhud tal-Komunità ta’ Qumran li jsegwu,
partikularment, l-Hosea 14,2. Jagħrfu li l-għamla ta’
sagrifiċċju li togħġob lill-Alla hija ħajja ta’
virtù li, b’riħet tagħha, nistgħu nressqulu l-offerta tagħna ta’ radd il-ħajr. (ara wkoll, 2Kron.29,31 u S.50,14.23) Il-Komunità ta’ Qumran waslet
għall-dan il-kunċett ta’ sagrifiċċju għaliex kienu
jistkerrħu s-Sagrifiċċji tal-Lhud, fit-Tempju, minħabba
l-element ta’ korruzzjoni li kien daħal fihom. It-Tradizzjoni Nisranija,
sa mill-bidu nett, ssegwi din l-għamla ta’ sagrifiċċju ta’
l-Aħħar, għax naraw li l-kunċett
tas-sagrifiċċju jigi spiritwalizzat u interjoriżżat
iktar. Fil-fatt, San Pawl jgħid,
nitlobkom ħuti, għall-ħniena ta’Alla, offru
ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob
lill-Alla, il-kult spiritwali tagħkom (Rum. 12,1), waqt li
l-Awtur tal-Ittra lill-Lhud jinsisti li l-għamliet ta’
sagrifiċċju mdemmija ta’ qabel intemmu bis-sagrifiċċju
ta’ Kristu (10,10-18), itenni, iktar il-quddiem li, l-għamla tas-sagrifiċċju l-gdid jikkonsisti
filli, b’ Ġesù, mela, ejjew noffru f’ kull ħin lil Alla
sagrifiċċju ta’ tifħir, jiġifieri l-kelma ta’ xofftejna u
tistqarr ismu. Tinsewx tagħmlu
l-ġid lill-oħrajn, u taqsmu bejnietkom dak li għandkom, għax
b’sagrifiċċji bħal dawn jitaxxaq Alla (13,15-16). Mhux ta’ b’xejn, mela, li l-kitbiet Insara
tat-Tieni u it-Tielet Seklu, jikkonsidraw kull forma ta’ talb bħala sagrifiċċju
ta’ Radd il-Ħajr lil Alla, u it-Talba Ewkaristika, bħala
l-ogħla wahda fosthom, minħabba li kienet twettaq il-profezija ta’
Malakija, jigifieri li, minn tlugħ ix-xemx sa’ nzulha ismi jkun
kbir fost il-ġnus, u kullimkien jiġi offrut inċens u offerta
safja (1:11). Tajjeb li nerggħu nirreferu
għad-Didake` għax, f’dan il-kuntest, jikkummenta
li l-Insara biss setgħu joffru
din l-għamla ta’ sagrifiċċju minn tlugħ ix-xemx sa’
nzula… Kien minħabba f’hekk li l-istess Didake`
qajjem polemika bejn il-Lhud u l-Insara speċjalment meta dawn ta’
l-Aħħar kienu jtennu, bla tlaqliq, li huma biss, permezz ta’
l-Ewkaristija, setgħu joffru sagrifiċċju lil Alla ma’
kullimkien, għax il-Lhud setgħu jagħmlu dan fit-Tempju ta’
Ġerusalemme biss. Id-Didake`
jagħti wkoll istruzzjonijiet lill-Insara li jinġabru nhar ta’
Ħadd billi jgħidilhom: aqsmu l-Ħobż u
żżuħajr l-Alla wara li tkunu stqarrejtu ħtijietkom, biex
is-sagrifiċċju tagħkom ikun safi. L-offerta safja, qabel xejn, hi riferenza
għall-ħajja bla għelt, u għat-talb ta’ tifħir u ta’
radd ta’ ħajr. Fi kliem iehor,
irid ikun hemm konsistenza bejn dak li għandna f’qalbna u dak li
nistqarru b’xufftejna (agħra Mark 7:1-23). Huwa f’dan is-sens ukoll li
l-Papiru ta’ Strasburgu jirreferi għall-Ewkaristija
bħala sagrifiċċju ta’ tifħir skond il-ħsieb
espliċitu ta’ Malakija li rajna qabel.
Dan l-istess sens narawh ukoll fir-Rakkont ta’ Ġustinu
Martri għax, waqt li t-talb u r-radd il-ħajr ta’ nies sewwa
u safja huma kkunsidrati bħala s-sagrifiċċji li jogħgbu
l-Alla, fl-istess ħin il-Ħobż u l-inbid tar-radd il-ħajr
jitqiesu bħala l-elementi li jwettqu u igibu fil-milja tagħha kull
offerta li nsibu fir-Rabta l-Qadima.
Dan il-ħsieb dwar is-sinjifikat tas-sagrifiċċju
Ewkaristiku jsir dejjem iżjed prominenti, mbagħad, kemm fit-Tradizzjoni
Apostolika, kif ukoll f’testi liturġiċi ta’ wara, meta l-Ewkaristija, minn ikla
qaddisa ssir ikel qaddis fejn l-elementi essenzjali
jigu ridotti għall-Ħobż u l-inbid, liema elementi baqgħu
jinġiebu fil-Knisja minn nies kif kien isir qabel meta n-nies kienu
jgibu magħhom l-ikel u x-xorb għall-ikla ewkaristika. Tabilħaqq, li l-insara
taż-żmien kienu konxji li huma poplu saċerdotali u
ġens qaddis (1 Pietru 2:5,9; Rev. 1:6, 5:10; 20:6), u li,
minħabba f’ hekk, setgħu joffru sagrifiċċju l-Alla
permezz ta’ Kristu. Iżda, kif
rajna, kemm il-mod kif kienu jikkunsidraw l-Ewkaristija bħala hija
sagrifiċċju ta’ tifħir u radd il-ħajr li jikkonsisti
fil-ħajja safja u sewwa tagħhom, kif ukoll mill-elementi essenzjali
tal-Ħobż u l-inbid, għandna għax nifhmu li l-Ewwel Insara
ma’ jassoċċjawhomx mall-karattru sagrifikali tal-mewt ta’ Kristu
fuq is-Salib, għalkemm, sa’ mill-bidu, l-Ewkaristija, li originat
fl-Aħħar Ċena, hija assoċjata ma’ l-Ikla tal-Għid
tal-Lhud. Iżda, mbagħad,
bħala tali, kienet, minn dejjem, ikkunsidrata bħala t-tifkira
tas-sagrifiċċju ta’ Kristu. Dan kollu hu ndikat fil-kliem
tal-konsagrazzjoni stess li għandu wkoll tifsira sagrifikali. Fil-fatt San Pawl u s-Sinottiċi jgħidulna li Ġesù ħa
l-Ħobż fl-idejn qaddisa tiegħu .. u qal, dan
huwa ġismi li ser jingħata għalikom, imbagħad ħa l-inbid…u qal, dan huwa
d-demm tal-Patt il-ġdid li ser jixxerred għalikom…kull darba li
tieklu dan il-Ħobż u tixorbu dan l-inbid tħabbru l-mewt
tal-Mulej sa’ ma jiġi… It-Tradizzjoni
Apostolika tfakkar, mhux biss il-mewt, Iżda wkoll il-qawmien ta’
Kristu, kif bqajna nsibu,
mbagħad, fit-Talbiet Ewkaristiċi ta’ wara. Għalkemm insibu l-min jaħseb
li, fir-Raba Seklu, xi whud mill-Missirijiet Qaddisa tal-Knisja, bħal
Ċiprijanu, Ċirillu ta’ Gerusalemm u oħrajn donnhom jissuġerixxu li s-saċerdot,
fl-Ewkariastija, jkun qed joffri s-Sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-Salib,
u, għaldaqstant, ikun qed joffri lill-Kristu nnifsu, ta’ min jinsisti,
Iżda, li l-istess Gwanni Krisostmu saba diffiċli li
jaċċetta din il-fehma, minħabba li Kristu offra lilu nnifsu darba
għal dejjem, u għalhekk ma’ nistgħux inzommu li
s-Sagrifiċċju ta’ Kristu qed jigi ripetut fl-Ewkaristija. Huwa
għalhekk li t-Talbiet Ewkaristiċi taż-żmien kienu iktar
meqjusa fi kliemhom, u jtennu li, fl-Ewkaristija, niċċelebraw it-tifkira
tas-Sagrifiċċju ta’ Kristu. Jigifieri, waqt li tezisti rabta bejn l-offerta tal-Knisja u
is-Sagrifiċċju ta’ Kristu, xorta naraw li jehtieg li nagħmlu
distinzzjoni bejniethom. Diga rajna qabel, mill-Papiru ta’
Strasburgu, li, aktar ma’ għadda ż-żmien, aktar bdiet
tizdiet il-lista ta’ nterċessjonijiet u talb għall-persuni hajjin u
mejtin, kif ukoll għall-ħtiġijiet oħra. Fil-fatt,
minħabba dawn l-eziġenzi naraw li, mir-Raba Seklu l-quddiem, l-Ewkaristija bdiet tiġi
ċċelebrata wkoll matul il-gimgħa, fost l-ohrajn, fl-okkazjoni
ta’ talb għall-mistrieh ta’ dejjem ta’ persuna fl-anniversarju mill-mewt tagħha. 5.-
L-Ewkaristija bħala Ikel Qaddis u motiv ta’ qima,
devozzjoni, stagħġib u biża... Nosservaw li, għal San Pawl,
l-Ewkaristija hija ġrajja ta’ fidwa li tissiġilla
l-Patt il-Ġdid li Alla l-Missier iwettaq permezz tat-tixrid tad-demm ta’
Ibnu, ma’ kull min jieħu sehem fiha, kif jissuġġerixxi l-kliem,
dan il-kalċi hu l-Patt il-Ġdid, b’demmi (1Kor.11:25).
Għal San Mark, mbagħad, il-preżenza ta’ Kristu hija marbuta
iktar ma’ l-element ta’ ikel, milli ma’ grajja, ukoll għax jitkellem
b’mod iktar dirett meta jikkonsidra l-inbid bħala d-demm tal-Patt
il-Gdid (14:24). San Gwann jissuġgerixxi l-istess ħsieb ta’
l-Aħħar meta jirreferi għall-kliem ta’ Kristu: jiena
l-Ħobż tal-ħajja (Gw. 6). Fil-fatt, naraw dawn iz-zewg ħsibijiet dwar l-Ewkaristija, bħala ġrajja
ta’ fidwa, u bħala ikel spiritwali, jiżviluppaw flimkien, sa’ mill-bidu
tal-Kristjanezmu, kif jindikaw tajjeb il-kitbiet bikrin li rriferejna
għalihom qabel. Kien ukoll minħabba dawn it-tifsiriet li l-ewwel insara
kienu jikkunsidraw il-Ħobż u l-inbid kkonsagrati bħala ta’ gid
kbir għalihom. Fil-fatt,
minħabba f’hekk, nħolqot id-drawwa li jieħdu l-Ħobż
u l-inbid ikkonsagrat, id-dar, biex jiġu kkunsmati matul
il-ġimgħa. Kien għalhekk ukoll li kienu jwassluhom l-min ma’
setgħax jattendi għall-Ewkaristija, minħabba mard jew
raġunijiet oħra, kif rajna diġa fir-Rakkont ta’ Ġustinu
Martri. Lejn tmiem it-Tieni
Seklu, Sant Irenew jgħid li, wara l-invokazzjoni
lill-Alla, l-Ħobż u l-inbid jinbiddlu f’żewġ realtajiet,
waħda divina u l-oħra umana (Adversus Haereses, 4.18.5).
Il-lingwaġġ li beda jintuza, iktar tard fir-Raba Seklu, li
l-elementi tal-Ħobż u l-inbid huma xbiehat, simboli, u sinjali
tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, jindika wkoll it-tifsira speċjali
tagħhom. Għax għandna
nżommu quddiem għajnejna li l-mentalita` ġudajka kemmxejn
baqet persistenti fil-ħajja tal-Knisja u, għalhekk, ir-realtajiet
kienu kkunsidrati bħala marbutin ma’ sinjali, simboli u x-xbiehat
li jirraprezentawhom, u, fl-istess ħin, estensjonijiet tagħhom.
Għalhekk, kull meta l-Ħobż u l-inbid jiġu ndikati
bħala spiritwalment,
simbolikament u realment il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, kienet
qed tiġi enfasizzata l-umanita` tiegħu, wkoll fi żmien meta
nsibu l-min kien wasal biex jiċħadha (ara l-Ċirillu ta’ Gerusalemme, u Injazju ta’
Antijokja). Ir-raġuni
li l-Ħobż u l-Inbid, b’xi mod, ġew identifikati
mall-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, qajmet il-ħtiega li nfittxu meta
ikel ordinarju jsir ikel qaddis. Għal bidu kulħadd kien konxju li dan iseħħ
meta l-Mulej jiġi mitlub li jagħmel dan, jigifieri, permezz
tal-Kelma tiegħu, liema Kelma setgħet tinftiehem ukoll permezz ta’
Ibnu, l-Logos, jew aħjar, l-Għerf, l-Ispirtu ta’
Kristu li permezz tiegħu setgħa jsehh kollox fost il-komunita
nisranija. Għaldaqstant, naraw
li l-intervent u l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, kull ma’ tmur,
saret dejjem iżjed enfasiżżata u ippronunzjata iktar ma kiber,
fil-Knisja, d-dibattitu dwar it-Trinita Qaddisa. Huwa għalhekk li, mar-Raba Seklu,. naraw li din
il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu tingħata mportanza kbira, fil-Lvant, u
tiġi attribwita direttament u esklussivament l-Ispirtu s-Santu. Iktar
tard, l-istess ħidma li tissejaħ, epiklesis, narawha
wkoll fil-Punent kif tixhed it-Talba Ewkaristika li nsibu fit-Traditio
Apostolika li tinkludi
l-addizzjonijiet tar-Raba Seklu. Teodoru ta’ Mopsuestia,
mbagħad, jikkunsidra l-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu bħala epifania
għaliex tirrivela l-preżenza ta’ Kristu taħt
ix-xbiehat tal-Ħobż u l-inbid. Missirijiet Qaddisa oħra,
bħal Ċirillu ta’ Ġerusalemme u Ġwanni Krizostmu, jikkunsidrawha
bħala l-ħidma responsabbli sabiex il-Ħobż u l-inbid jinbidlu
fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.
Interessanti li, fil-Punent, Sant Ambrog isegwi l-Aħħar
interpretazzjoni u jattribwixxi il-bidla, mhux
għall-Ispirtu s-Santu, Iżda għall-kliem Kristu, f’dik li
nsejħu n-narrattiva tal-istituzzjoni. L-interpretazzjoni ta’ Sant Ambrog
ġiet aċċettata mill-Punent kollu u baqgħet tiddistingwi
lilha nfisha minn dik tal-Lvant li, kif rajna, jorbtuha espressament mall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu,
jigifieri ma’ l-epiklesi. Fl-Aħħarnett, lejn nofs
ir-Raba Seklu, niltaqgħu ma’ fenomenu ieħor importanti
ħafna meta naraw li l-insara ma’
baqgħux jitqarbnu daqs qabel u, minflok, indirizzaw l-attenzjoni
tagħhom lejn l-ispeċi Ewkaristiċi. Kien għalhekk li dawn bdew isiru, dejjem iżjed,
raġuni biex ħolqu stagħġib, devozzjoni kbira u biża. Irridu nżommu quddiem għajnejna
li, minħabba l-Imperatur Kostantinu, l-Knisja laħqet saret
waħda pprivileġgjata.
Għalhekk niltaqgħu ma’ ħafna li għażlu li
jitgħammdu, mhux għax kienu daqstant konvinti, iżda
għax b’hekk setgħu
jilħqu pożizzjonijiet għolja fis-soċjeta
taż-żmien. Dan kien jidher
tajjeb mill-imgieba tagħhom, kemm fil-Knisja, kif ukoll fil-ħajja
ta’ kuljum, għax mhux dejjem kienet ezemplari u ta’ ġieh. Kien
ukoll f’dan iż-żmien li ċ-ċerimonji tal-Knisja bdew
jiġu iżjed solleniżżati, b’kant, ilbies, inċens u
proċessjonijiet, sabiex jimpressjonaw dejjem iżjed l-min jattendi
għalihom u, b’hekk, ihoss iktar kemm kienu ta’ ħtiega għalieh
jekk xtaq jgħix tabilħaqq ta’ nisrani. Kien għalhekk ukoll li nsibu l-enfasi dwar il-kobor u
t-traxxendenza ta’ Alla, u dwar id-Divinita` ta’ Kristu prezenti fill-Misteru
ta’ l-Ewkaristija. Għal dawn ir-ragunijiet, fit-Talba Ewkaristika ta’
San Bazilju nsibu li xi whud mill-insara, għax midinbin
bil-miftugħ, ma’ kienux ikkunsidrati denji li jersqu lejn il-mejda tat-tqarbin.
Bl-istess mod, San Ġwann Krizostmu jitlob li l-insara għandhom
jersqu għall-Ewkaristija bil-biża u t-twerwir. Dawk, mbagħad,
li kienu kkunsidrati bħala denji, jiġu mwegħda li ser
jingħataw qawwa kbira kontra s-setgħat tal-ħażen. Jidher
li dawn il-miżuri kollha ttieħdu għax ħasbu li bihom
in-nisrani setgħa jigi nkoraġgit li jgħix ħajja iktar
ezemplari. Sfortunatament
dan l-atteġjament ta lill-insara taż-żmien x’jaħsbu
li, ċ-Ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija, ma’ kenitx titlob il-ħtieġa tat-Tqarbin. U b’hekk
It-Tqarbin ġie mifrud miċ-Ċelebrazzjoni. B’hekk ukoll
għal min ma’ kienx jitqarben, l-Ewkaristija ġiet ridotta għal
spettaklu jew dramm dwar il-ħajja, l-mewt, id-difna u il-qawmien ta’
Kristu, li setgħa jiġi ammirat mill-bogħod. Jigifieri, naraw
li bdiet tintilef it-tifsira tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu,
fil-ħajja tan-nisrani, li l-Knisja kienet tipproġetta fil-Misteri
Qaddisa. Mhux ta’ b’xejn li, fl-aħħar, jigifieri, fis-sekli ta’
wara, naraw li din l-istess tifsira tintilef għal kollox. Kellha, mbagħad, tkun ir-riforma
Liturġika tas-Seklu li għadda li reġgħet skoprietha! Konkluzzjoni Rajna li
ċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika tingħata bidu minn Kristu nnifsu
fl-Aħħar Ċena, u tibqa tiżviluppa, għall-bidu,
fil-kuntest tal-Ikliet Qaddisa li
l-Lhud, minn żmien għal żmien, kienu jiċċelebraw,
fl-ambitu tal-familja, u li fihom jispikkaw il-qari dwar il-ġrajjiet
tas-salvazzjoni u l-egħġubijiet li l-Mulej wettaq, matul
iż-żminijiet, u li kien għadu qed iwettaq fl-istorja
tagħhom. Rajna li, fost l-ikel, jispikkaw il-Ħobż u l-inbid
bħala xbiehat u ndikazzjoni tal-ħidma ta’ Alla u xogħol
il-bniedem. Rajna li l-istess ikliet
tal-Lhud kienu okkazzjonijiet biex tintalab il-barka ta’ Alla u l-intervent
tiegħu f’ħajjithom. Rajna
kif l-Ewkaristija baqgħet izzomm
dawn il-karatteristiċi fundamentali, jigifieri, l-anamnesis u l-epiklesis. Rajna kif
l-istess Ewkaristija, minn Ikla, rriduċiet lilha nnfisha għall-ikel
fejn l-elementi essenzjali baqgħu il-Ħobż u l-Inbid li minnhom
jieħdu sehem kemm min ikun prezenti u kemm min ikun assenti.
Fl-Aħħarnett, rajna wkoll li, meta naqas is-sehem tan-nisrani
fl-Ewkarisitja għax naqas it-Tqarbin, zdiet l-element ta’ devozzjoni
lejha għax kiber is-sens tal-preżenza ta’ Kristu fit-traxxendenza u
d-divinita` tiegħu u mhux daqstant fl-umanitá tiegħu li ppenetrat
il-ħajja u l-istorja tagħna, b’tali mod, li laħqet
il-quċċata tagħha fl-azzjoni Ewkaristika. Għax din l-azzjoni għadha ġrajja
ta’ salvazzjoni għax Kristu għadu jiddisponi, kontinwament,
lilu nnifsu, f’ ħajjitna, bħala Ħobż haj li
jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Min-naħa,
dan waħdu jitlob il-mistoqsija jekk l-enfasi fuq id-Divinita` ta’ Kristu
għadhiex toħloq sentimenti ta’ stagħagib, reverenza u
biża li ġgħalna nikkunsidraw jekk aħniex denji jew le li
nersqu lejn, u naqsmu mill-mejda tat-Tqarbin. Min-naħa l-oħra, tintalab ukoll il-mistoqsija jekk
l-enfasi fuq l-Umanitá ta’ Kristu daħletx kunfidenza żejda u/jew
nuqqas ta’ rispett, fis-sens li, jista jkun hawn min jersaq għat-Tqarbin
mingħajr ma’ jifli jekk hux dehen biżżejjed. Huma x’inhuma t-tweġibiet tagħna
tajjeb li nżommu quddiemna li, fil-Misteru tal-Inkarnazzjoni, Kristu
għażel li jiċċekken mid-Divinitá Tiegħu sabiex
jassumi l-umanitá tagħna, għaliex irid iwassalna għad-destin
li għalih aħna lkoll imsejħin u li tiegħu, kif rajna sa
miż-żmenijiet bikrin, l-Ewkaristija mhux biss tagħtina ħjiel, iżda, fl-istess
ħin, hija wkoll rahan u garanzija li ser twassalna għalih. |