Assemblea Parrokkjali

Parroċċa Marija Annunzjata

Ħal Tarxien

 

28 ta’ Novembru 2005

 

Ħarsa lura lejn dak li sar fit-twettiq tal-Pjan Pastorali Parrokkjali għas-snin 2005-2006 u ‘l quddiem lejn dak li għad irid jitwettaq matul is-sena d-dieħla.

 

 

Waqt li qegħdin nagħtu din ħarsa lura lejn il-ħidma li saret matul is-sena li għaddiet fit-twettiq tal-Pjan Pastorali Parrokkjali 2005-2006, ma nistgħu qatt ninsew ix-xogħol kbir li sar tul bosta snin fil-komunità parrokkjali tagħna minn tant u tant persuni, kemm saċerdoti kif ukoll lajċi.  U waqt li niftakru fihom u nroddulhom ħajr tal-ħidma tagħhom, niftakru li dak li qegħdin nippruvaw inwettqu aħna llum, huwa biss possibbli għaliex mibni fuq pedamenti sodi li diġa ħejjew huma.

F’dan il-kuntest, wieħed ma jistax ma jsemmix lill-Kappillan Dun Karm Mercieca, li temm il-missjoni pastorali tiegħu f’din il-parroċċa matul din is-sena wara li Mons. Arċisqof fdalu f’idejh il-kura pastorali fil-Parroċċa tal-Mellieħa.  Il-ħajr tagħna bla dubju ta’ xejn lil Dun Karm.

Miegħu ikun xieraq insemmu u nirringrazzjaw ukoll lil Dun Patrick Incorvaja, li temm il-ħidma tiegħu f’Ħal Tarxien biex imur jkompli jaħdem ġewwa Ruma.

Wieħed ma jistax jonqos milli jinnota, illi kull bidla fit-tmexxijja, tkun liema tkun, għal xi żmien tista’ tfixkel ir-ritmu tal-ħidma li tkun għaddejja.  Dan jgħodd ukoll għall-parroċċa tagħna li minħabba l-bidla tar-ragħaj spiritwali tagħha, ix-xogħol li kien ippjanat li jsir waqa’ xi ftit lura. Iżda bl-għajnuna ta’ Alla, kif ukoll minħabba l-esperjenza pastorali li l-Kappillan il-ġdid, Dun Renè Vella kien diġà kiseb tul-il wieħed u għoxrin sena ta’ ħidma saċerdotali tiegħu, il-ħajja parrokkjali baqgħet għaddejja u llum, minkejja diversi diffikultajiet, nistgħu nħarsu b’kuraġġ lejn il-futur.

Sena Ewkaristika.

 

Bla dubju ta’ xejn li l-aktar inizzjattiva importanti tal-Pjan Pastorali 2005-2006, li kibret u żvilluppat matul din is-sena kienet l-Adorazzjoni Ewkaristika fil-kappella ta’ San Bert.  Setgħet tkun possibbli bl-għajnuna ta’ bosta persuni li minn rajhom daħlu għall-impenn li jattendu regolarment f’ħinijiet skedati lilhom, ħalli f’kull mument, ikun hemm xi ħadd preżenti jadura lil Ġesù fl-Ewkaristija. 

Nirringrazzjaw lil Alla li ma kienux biss dawn il-persuni li regolarment marru fil-kappella ta’ San Bert, imma kien hemm bosta oħrajn li riedu li huma wkoll jishru u jitolbu fil-preżenza Sagramentali tal-Imgħallem.

Dan l-aħħar kien deċiż, li din l-inizzjattiva li rat id-dawl mal-bidu tas-Sena Ewkaristika ma tintemmx magħha, imma tibqa’ għaddejja bħala xhieda dejjiema tal-fidi tagħna f’dan is-Sagrament ta’ l-Imħabba ta’ Alla.    Mhux biss, imma wkoll qed tkun mistħarġa l-possibiltà li fil-futur mhux ‘il bogħod jiżdiedu l-ħinijiet tal-ftuħ tal-kappella.

Formazzjoni Pastorali

Wieħed mill-valuri tas-Sinodu Djoċesan, li l-Pjan Pastorali Parrokkjali tagħna saħaq dwaru kien dak tal-Formazzjoni.  Dan kellu jsir l-aktar billi jissaħħu l-istrutturi diġà eżistenti fil-parroċċa biex dawn ikomplu jagħtu sehmhom b’mod aħjar ħalli l-parroċċa tkompli tikber bħala komunità ta’ fidi. Hawn wieħed ma jistax iħalli barra l-kontribut importanti tal-bosta għaqdiet u strutturi li kontinwament iwettqu ħidma pastorali fis-skiet u bla ebda daqq ta’ trombi. 

Fost il-prijoritajiet imsemmija fil-Pjan Pastorali Parrokkjali u li jaqgħu f’dan il-qasam, kienet imsemmija il-promozzjoni tat-tagħlim soċjali tal-Knisja  (§ Prijoritajiet 6).   Fid-dawl ta’ dan u minħabba li fi ftit ġranet oħra, dokument soċjali importanti tal-Konċilju Vatikan II – il-Gaudium et Spes - jagħlaq erbgħin sena, beda kors dwar it-tagħlim soċjali tal-Knisja, b’ħarsa dettaljata lejn dan id-dokument.  Dan il-kors li għadu għaddej u se jibqa għaddej anke matul l-ewwel xhur tas-sena d-dieħla, qiegħed isir kull nhar ta’ Tlieta f’Dar Nażaret waqt il-laqgħat tal-Katekeżi tal-Adulti.  Matul kull laqgħa qed ikunu mogħtija wkoll noti stampati dwar is-suġġett.

Sar ukoll kors ta’ lezzjonijiet ibbażati fuq is-sillabu tal-Matrikola tar-Reliġjon “A Level” li matulu kienet ukoll issir diskussjoni ħajja u matura dwar diversi aspetti tat-twemmin nisrani.  

Website tal-Parroċċa

In-nuqqas ta’ attendenza jew l-attendenza kultant fqira għal attivitajiet u laqgħat organiżżati kemm mill-parroċċa, kif ukoll minn għaqdiet jew gruppi fi ħdanha hija bla dubju ta’ xejn waħda mill-isfidi kbar li jħabbtu wiċċhom magħha l-organiżżaturi.  Din mhix bilfors tkun ġejja min nuqqas ta’ interess mill-membri tal-parroċċa.  Aktarx ħafna drabi jkun hemm raġunijiet validi li minħabba fihom persuni li jixtiequ jattendu ma jkunux jistgħu jagħmlu dan.

Konxji minn dan, kif ukoll mill-fatt li llum l-internet saret mezz importanti ħafna ta’ komunikazzjoni, inħass il-bżonn li l-parroċċa jkollha l-website uffiċċjali tagħha biex din mhux biss twassal informazzjoni dwar dak li jkun għaddej fil-parroċċa, fid-djoċesi u fil-Knisja, imma wkoll isservi ta’ għajn ta’ formazzjoni u tagħlim għall-parruċċani tagħna u għal dawk kollha li jidħlu fiha.

Bl-għajnuna t’Alla, llum nistgħu ngħidu li għandna website, dejjem aktar aġġornata li fi żmien qasir kibret mhux biss fin-numru ta’ paġni ta’ tagħrif li toffri,  imma wkoll fin-numru ta’ persuni li jżuruha kuljum. 

F’din il-website wieħed jista’ jsib il-qari tal-quddies, il-liturġija tas-sigħat, il-handouts li jitqassmu kull ġimgħa fil-laqgħat tal-Katekeżi tal-Adulti, storja tal-konċilji ekumeniċi tal-Knisja, kors ta’ tagħlim dwar diversi suġġetti tar-reliġjon, id-dokumenti kollha tas-Sinodu Djoċesan u l-Pjan Pastorali tal-parroċċa, tagħrif dwar il-parroċċa bħal ħinijiet tal-quddies fil-knejjes diversi, ħinijiet tal-uffiċċju etc, diversi devozjonijiet popolari bħal Via Sagra, ir-Rużarju u oħrajn, U ftit ġimgħat ilu, b’kollaborazzjoni ma’ l-istazzjon tar-Radju, l-RTK bdejna noffru servizz regolari ta’ aħbarijiet mid-Dinja Kattolika.

Hija xewqa tagħna li l-website tkun użata mill-għaqdiet kollha tal-parroċċa.  Hemm spazju biżżejjed għal kulħadd.

Il-Fulett, “Flimkien”

Bħal bosta parroċċi oħra, anke l-parroċċa tagħna qed tkompli tagħmel użu mis-servizz offrut mill-Kulleġġ tal-Kappillani biex id-djoċesi kollha jkollha fuljett komuni għal kulħadd.  Hemm il-paġi tan-nofs allokati għalina u għalhekk nikkunsidraw kull suġġeriment dwar x’tip ta’ kontenut tixtiequ taraw f’dawn il-paġni.

Dwar il-Familja.

Fost il-prijoritajiet imsemmija fil-Pjan Pastorali Parrokkjali hemm dik li trid tkun mogħtija attenzjoni partikolari lill-oqsma tal-familja, tal-adoloxxenti u ż-żgħażagħ.  (Prijoritajiet 4). Il-Pjan jitkellem ukoll dwar twaqqif ta’ Kummissjoni Familja (§ B2) u ħidma fir-rigward tat-tfal (§ B3).

Xi xhur ilu l-parroċċa bdiet tagħti katekeżi tal-Magħmudija fid-djar stess ta’ dawk il-familji li jkunu se jressqu xi tarbija biex titgħammed. Qegħdin nagħmlu ħilitna biex aktar żgħażagħ jkollhom sehem attiv fil-ħajja tal-parroċċa l-aktar fir-rigward taċ-ċelebrazzjoni liturġika.  Qegħdin ukoll fi proċess biex insaħħu l-katekeżi tat-tfal u qed naraw x’jista’ jsir biex dawn jibqgħu jattendu f’xi għaqda jew grupp anke wara li jirċievu l-Konfirmazzjoni.

Permezz tat-tfal qegħdin ukoll nippruvaw inwettqu ħidma pastorali fost il-ġenituri u l-familji tagħhom.  B’dan l-iskop ser nistiednu, anzi t-tfal infushom se jistiednu lill-ġenituri u familjari tagħhom għall-quddiesa li se tiġi ċelebrata mat-tfal stess fiċ-ċentru tat-tagħlim ta’ Dar Nażaret.  Ċerti li minħabba l-ulied jattendu wkoll il-ġenituri.

Liturġija.

Iċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-ewkaristika u tas-sagramenti hija ċentru tal-ħajja tal-parroċċa mhux biss għaliex biha tkun mogħtija qima lil Alla, imma wkoll għaliex permezz tagħha tista’ tkun imsaħħa l-komunità nisranija.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-Ħadd kienet waħda mill-prijoritajiet tal-Pjan Pastorali Parrokkjali li approvajna sena ilu.  Huwa b’dispjeċir kbir li ngħidu li fil-qasam liturġiku mixjin bil-mod ħafna għad hemm bosta x’isir.

Jeħtieg li aħna lkoll, li b’xi mod jew ieħor aħna nvoluti fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija, b’mod speċjali fil-quddies tal-Ħadd, ninpenjaw aktar lilna nfusna billi nkunu lesti li nirċievu formazzjoni dejjiema fil-qasam tal-ministeru li nkunu qegħdin noffru.  Mill-figuri preliminari taċ-ċensiment tal-quddies li kellna ftit jiem ilu, diġà bdew ħerġin ċerti indikazzjonijiet preokkupanti.

Dan qed ngħiduh mhux biex naqtgħu qalbna u nqisu li kollox mitluf.  Mhux kollox mitluf. Għad hemm ħafna tajjeb u għad hemm ħafna fatturi nkoraġġanti.  Imma jeħtieġ li lkoll nagħtu sehmna.  U dan b’ħeġga u b’mod professjonali.  Ma nistgħux nkomplu naqdu lil Alla u lill-poplu tiegħu bil-biċċiet.

Soldarjetà ma’ l-oħrajn

Jekk il-liturġija hija ċ-ċentru tal-ħajja parrokkjali, is-solidarjetà tagħna ma’ l-oħrajn hija l-ħajja nfisha.

Il-Pjan Pastorali Parrokkjali jitlob li titwaqqaf Kummissjoni Djakonija bil-mira li tingħata attenzjoni lil dawk imwarrba, lil dawk li jkunu għaddejja minn żmien diffiċli (per eżempju, wara l-mewt ta’ xi ħadd fil-familja, minħabba mard jew ċirkostanzi oħra) u lil dawk bi bżonnijiet speċjali. (§ B5)

L-istess bħal fil-każ tal-kummissjoni familja, din il-kummissjoni m’għandix tkun waħda li twettaq hija stess il-ħidma ta’ qadi fis-soċjeta għax jekk jiġri hekk allura jkun donnu li l-membri tagħha biss huma responsabbli mill-ministeru tal-qadi fil-parroċċa.

Minflok, il-Kummissjoni Djakonija għandu jkollha x-xogħol li tippjana u tikkordina ħidma biex permezz ta’ strutturi u gruppi diġà eżistenti l-Knisja fil-parroċċa tagħna tkun kollha kemm hi fis-servizz tal-oħrajn.  Trid tara li kulħadd isir konxju minn dan l-obbligu ta’ kull nisrani.  M’għandu jkun hemm l-ebda individwu jew għaqda fil-parroċca li jħossu li d-djakonija mhix responsabiltà tagħhom.

Għalhekk diġà bdew tħejjijiet biex fil-futur qrib il-parroċċa jkollha kummissjoni djakonija li taħdem fuq din il-linja.

Spiritwalità

L-ispiritwalità kemm ta’ kull persuna individwali kif ukoll tal-komunità kollha parrokkjali hija dik li tindirizza il-ħidma tagħna kollha lejn Alla.  Mingħajrha l-liturġija tagħna ssir sempliċi reċta, id-djakonija tagħna ssir sempliċi servizz soċjali u kull ħidma pastorali tagħna ssir sempliċi passatemp.

Għalhekk il-parroċċa tixtieq toffri iktar għajnuniet lill-gruppi u individwi għal attivitajiet li permezz tagħhom tikber l-ispiritwalità tal-persuna u tal-għaqda.   Attivitajiet bħal seminars, irtiri, laqgħat ta’ talb etc diġa qed isiru minn xi gruppi.  Barra minn hekk nafu li hemm individwi li minn rajhom ifittxu metodi kif huma u l-familji tagħhom jikbru f’relazzjoni mal-Mulej.

Waqt li dawn l-inizzjattivi huma ta’ min ifaħħarhom, rridu ninpenjaw ruħna aktar biex bħala parroċċa ngħinu lil min diġa beda’ u nħajjru lil min baqa’ lura.

Kunsill Pastorali Parrokkjali

F’konformità ma’ dak li hu mitlub minna mill-Liġi Kanonika tal-Knisja, reġa twaqqaf mill-ġdid fil-parroċca tagħna il-Kunsill Pastorali Parrokkjali, wara li dak preċedenti kien ġie xolt, kif jitolbu l-istess regolamenti tal-kunsill, minħabba l-ħatra ta’ kappillan ġdid. Il-biċċa l-kbira tal-membri huma dawk li kienu diġà fil-KPP ta’ qabel.  Dan jassigura li jkun hemm kontinwità max-xogħol li kien għaddej. 

Żgur li kull matul il-ħidma tiegħu, il-kunsill se jkollu bżonn l-għajnuna ta’ bosta persuni oħra li jew individwalment jew f’sotto kumitati u kummisjonijiet jkunu jistgħu iwettqu l-ħidma ippjanata.  Għalhekk ikun tajjeb li kull min iħoss li għandu x’joffri, jinfurmana.  Kull għajnuna hija importanti.  Fil-ġisem ta’ Kristu, kulħadd għandu l-parti tiegħu x’jagħmel għall-ġid tal-ġisem kollu.

Konklużżjoni.

Kif diġà għidna iktar ‘il fuq, minbarra dan hemm ħafna aktar xogħol li qed isir minn żoni, gruppi, għaqdiet u individwi li bil-kwiet u fil-moħbi jwettqu ħidma importanti għal glorja ta’ Alla u għal ġid ta’ l-oħrajn.

Ma semmejniex dawn il-ħwejjeġ biex b’xi mod niftaħru bħala parroċċa b’dak li qed inwettqu l-ewwel għaliex dak li sar, sar biss bl-għajnuna ta’ Alla u ta’ bosta, bosta persuni.  It-tieni għaliex jekk sar ħafna, għad hemm bosta aktar x’isir.

Għalhekk rridu li l-ewwel u qabel kollox nirringrazzjaw lil Alla ta’ dak kollu li Hu qed iwettaq magħna u bina.

Nirringrazzjaw lil dawk kollha li qed joffru l-ministeru tagħhom fil-għalqa tal-Mulej.

Inħajjru lil kull min b’xi mod qed iħoss fih is-sejħa t’Alla, biex jersaq ‘il quddiem u jagħti sehmu, għaliex anke llum għadha tinstema’ qawwija l-għajta ta’ Kristu, “Il-ħsad huwa kbir u l-ħaddiema huma ftit.”  (Mt 9:37)

Jalla fi tmiem il-ħidma tagħna lkoll inkunu nistgħu ngħidu b’sinċerità, “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn. Għamilna biss dak li ġejna mqabbda nagħmlu”.(Lq 17:10) U ċert li dak in-nhar l-Imgħallem idur lejna u jgħidilna, “Tajjeb, qaddej tajjeb u fidil.  Talli kont fidil fil-ftit, jiena issa se npoġġik fuq il-ħafna.  Idħol fil-ferħ ta’ Sidek.” (Mt 25:21, 23)

Nirringrazzjakom.