ĠWANNI PAWLU II -TIBDA IT-TRIQ GĦAL FUQ L-ARTALI

Minn Harry Agius Ordway

Belt tal-Vatikan, Ġimgħa, 13 ta’Mejju, 2005: F'jum l-ewwel dehra tal-Madonna ta' Fatima lil Franġisku, lil Ġjaċinta, u  Luċija kif ukoll l-erbgħa u għoxrin anniversarju minn mindu  l-Papa Ġwanni Pawlu II kien ġie meħlus minn ħalq il-mewt mill-Madonna meta kienu sparaw fuqu, il-Papa Benedittu XVI ħabbar li bdiet il-kawża tal-Beatifikazzjoni ta’ l-istess Papa. B’dan il-mod il-Q.T. Papa Benedittu warrab il-bżonn li jridu jgħaddu ħames snin mill-mewt tas-Serv ta’ Alla biex tinfetaħ l-istess kawża. Hu ħabbar dan waqt laqgħa li kellu mal-Kleru Ruman fil-Bażilka ta’ San Ġwann Lateran. Id-dokument, li jawtorizza dan l-att, għandu d-data tad-9 ta’ dan ix-xahar u hu ffirmat mill-Kardinal Jose Saraiva Martins, Prefett, u mill-Arċisqof Edward Nowak, Segretarju, tal-Kongregazzjoni tal-Kawża tal-Qaddisin.

Il-Q.T. Benedittu XVI, wara li ġie milqugħ mill-Kardinal Camillo Ruini, vigarju ġenerali tad-Djoċesi ta’ Ruma, qal: "l-esperjenza straordinarja li għaddejna minnha bil-mewt tal-wisq maħbub Papa Ġwanni Pawlu II, urietna Knisja Rumana maqgħudha għal l-aħħar, mimlija ħajja u għanja fl-entużjażmu; kollu frott tat-talb u ta’ l-appostolat tagħkom.”

Il-Papa kompla biex juri il-bżonn: “biex dejjem nerġgħu lura għall-għeruq tas-sejħa tagħna…Ġesù Kristu, il-Mulej. Bħala qassisin msejħa mhux biex ngħidu ħafna diskors, imma li nkunu l-eku u r-reffiegħa ta’ ‘Kelma waħda”, dik li hi l-Kelma ta’ Alla, li saret laħam għas-salvazzjoni tagħna…aħna rridu nkunu l-veri ħbieb Tiegħu, naqsmu dak li jħoss Hu, rridu dak li jrid Hu, u ma rridux dak li ma jridx Hu.”

Hawnhekk il-Q.T. stieden lill-qassisin biex jagħmlu tagħhom kliem Ġwanni Pawlu II: “Il-Quddiesa hi l-mod assolut, iċ-ċentru ta’ ħajti u ta’ kull jum li jgħaddi minn fuqi.” Meta ġie biex jitkellem dwar l-ubbidjenza lil Kristu, Benedittu XVI fakkar… “li din tieħu il-mod konktret f’ubbidjenda ekklesjali, li għas-saċerdot hi, bħala prattika ta’ kuljum, fuq kollox ubbidjenza lill-isqof.”

Wara dan il-Papa fakkar f’dak li kien qal fl-omelija qabel il-Konklavi, meta rrefera għal dak in-nuqqas ta’ sabar qaddis: nuqqas ta’ sabar biex wieħed ifittex jgħaddi lil  l-oħrajn ir-rigal tal-fidi. Hawnhekk  Benedittu XVI  insista dwar il-fatt li Kristu jridna nkunu x-xhieda Tiegħu u għalhekk hemm il-bżonn li nkunu ma’ Alla u nfittxu għaqda ntima ma’ Kristu biex qatt ma nċedu għal l-għeja, imma li nirreżistu, aktar u aktar, biex nikbru bħala poplu u bħala qassisin.”

“Iż-żmien li nkunu fil-preżenza ta’ Alla huwa l-veru prijorità pastorali, anzi fl-analiżi aħħarija, huwa  l-akbar prijorità. Ġwanni Pawlu II wera dan lilna f’mod mill-aktar tanġibbli u ċar fiċ-ċirkostanzi kollha ta’ ħajtu u tal-ministeru tiegħu.”

Hawnhekk il-Q.T. iddikjara solennament li:”it-tweġiba tagħna personali għas-sejħa tal-qdusija hija fundamentali u deċisiva. Din il-kundizzjoni hi essenzjali, mhux għal l-appostolat personali tagħna  biex jagħti l-frott, imma aktar wiesa’ minn hekk …biex wiċċ il-Knisja jirrifletti id-dawl ta’ Kristu.”

 Il-Q.T. Benedittu XVI spiċċa hekk: “Il-ministeru tiegħi bħala isqof ta’ Ruma jkompli wara l-passi tal-predeċessuri tiegħi, b’mod partikolari l-fatt li qed nġorr il-wirt prezzjuż li ħallieli Ġwanni Pawlu II. Għeżież qassisin u djakni, ejjew nimxu flimkien din il-modija b’serenità u fiduċja.”

Wara, qabel ma telaq lura lejn il-Vatikan   bil-karozza, Benedittu XVI qagħad jisma’ b’attenzjoni kbira kemm il-mistoqsijiet kif ukoll ir-riflessjonijiet li għaddewlu il-qassisin u reliġjużi, u rringrazzjhom għall-kummenti tagħħom.