|
L-EWWEL QARI
Dewt 8: 2-3, 14b-16a |
F’dak iż-żmien: Mosè kellem lill-poplu u qal: “Ftakar fil-mixja
kollha li mexxiek il-Mulej Alla tiegħek matul dawn l-erbgħin sena
fid-deżert, biex iċekknek u jġarrbek, ħalli jkun jaf x’għandek
f’qalbek, jekk tridx toqgħod għall-kmandamenti tiegħu jew le. Huwa
ċekknek, ried li tbati l-ġuħ, imbagħad temgħek il-manna li la int
u anqas missirijietek ma kontu tafu biha, biex jurik li mhux
bil-ħobż biss jgħix il-bniedem imma b’dak kollu li joħroġ minn
fomm il-Mulej, b’dan jgħix il-bniedem.
La tinsiex lill-Mulej Alla tiegħek, li ħarġek mill-art ta’ l-Eġittu,
minn dar il-jasar; hu, li mexxiek fid-deżert ta’ l-Eġittu, minn
dar il-jasar; hu, li mexxiek fid-deżert il-kbir, deżert tal-biża’
bis-sriep jaħarqu w l-iskorpjuni tiegħu, art niexfa bil-għatx u
bla ilma, fejn huwa ħariġlek l-ilma mill-blata żonqrija; hu, li
fid-deżert temgħek manna li missirijietek ma kinux jafu biha.”
|
SALM RESPONSORJALI
Salm 147
|
Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej.
Sebbaħ,
Ġerusalemm, il-Mulej,
faħħar ’l Alla
tiegħek, Sijon.
Hu jsaħħah l-istaneg
ta’ bwiebek,
bierek lil
uliedek ġo fik.
R/.
Hu qiegħed is-sliem lil truf artek,
u
bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
Jibgħat il-kmand tiegħu fuq l-art,
kelmtu ħafifa tiġri ma’ kullimkien. R/.
Hu jxandar kelmtu lil Ġakob,
il-preċetti u l-liġijiet tiegħu lil Israel.
Ma’ ebda poplu ma għamel hekk,
il-liġijiet tiegħu ma għarrafhomlhomx.
R/.
|
IT-TIENI QARI
1 Korintin 10: 16-17
|
Ħuti: Il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka mhuwiex xirka
mad-demm ta’ Kristu? Il-ħobż li naqsmu mhuwiex xirka mal-ġisem
ta’ Kristu? Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna,
aħna ġisem wieħed; għax minn ħobża waħda nieħdu sehem, ilkoll
kemm aħna.
|

Hallelujah. Halleluljah.
Jiena hu l-ħobż ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;
jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
Hallelujah.
|
L-EVANĠELJU
Ġwanni 6:51-58
|
F’dak iż-żmien:
Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż ħaj, niżel mis-sema. Jekk
xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li
jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.”
Fuq
hekk il-Lhud ma qablux bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista dan
jagħtina ġismu biex nikluh?” Ġesù mela qalilhom: “Fis-sewwa,
fis-sewwa ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u
ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u
jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet
fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa ikel tassew, u demmi hu xorb tassew.
Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih.
Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk
ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li
niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu;
min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem.” |
“Min
jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih”.
L-erba’ Evanġelji lkoll jagħtu importanza kbira lill-miraklu
tat-tkattir tal-ħobż b’referenza ċara għall-Ewkaristija. Il-ġrajja
tal-miraklu ma setgħetx ma tfakkarx lill-folla tal-Lhud
fil-miraklu tal-manna, il-ħobż nieżel mis-sema, li
MoseÏ kien tahom jieklu fid-deżert fi żmien l-Eżodu.
Iżjed u iżjed, billi l-miraklu tat-tkattir tal-ħobz kien sar
qrib il-Għid, il-festa tal-Lhud (Ġw 6,4), meta
fis-sinagogi kienu jinqraw is-siltiet dwar l-Eżodu mir-Rabta
l-Qadima.
Ġesù jiġbor flimkien iż-żewġ ġrajjiet - dik tat-tkattir
tal-ħobz u l-ġrajja tal-manna fid-deżert - bħala parabboli
biex ifisser hu min hu (Jiena hu), x’inhi l-missjoni
tiegħu u x’irid jagħmel fina li nemmnu fih (il-ħobż
tal-ħajja).
Mill-ġrajja tal-manna, Ġesù mbagħad jgħaddi għal ġrajja oħra
mill-Eżodu, dik tal-ikla tal-ħaruf u d-demm imraxxax tiegħu
mal-għetiebi tal-Lhud - “sinjali”’ tal-ħelsien mill-jasar u
mill-mewt tal-poplu u bidu tal-mixja lejn l-Art Imwiegħda:
Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem
u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.
1.
“Jiena hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema. . . U l-ħobż li
jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.”
Il-Lhud ma fehmux il-parabbola: Fuq hekk il-Lhud ma
qablux bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina
ġismu biex nikluh?” Ħasbu li kien se jagħtihom jieklu
l-laħam ta’ wieħed mejjet u jixorbulu demmu, xi ħaġa mill-aktar
moqżieża, u mhux biss għal-Lhud. Iżda Ġesù insista:
Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’
Bin il-Bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja
fikom.”
Il-kelma ġisem f’San Ġwann għandha tifsira ħafna
aktar wiesgħa minn dik li nagħtuha fl-ilsna moderni. Il-ġisem
huwa l-bniedem innifsu bl-istorja ta’ ħajtu. Il-Ġisem
ta’ Kristu huwa Kristu nnifsu bil-ħajja storika tiegħu,
b’dak li għamel u għallem, mudell u ħajja tal-ħajja tagħna.
Li “tiekol il-Ġisem ta’ Kristu” u “tixrob Demmu” tfisser
tagħmel tiegħek l-imħabba li esprima f’ħajtu (Dan huwa
Ġismi li jingħata) u f’mewtu (Dan huwa Demmi li
jixxerred)
Aqra l-ħsieb sħiħ
|