|
Wara l-Qtil
ta’ Terry Schiavo
Il-każ
tal-qtil ta’ Terry Schiavo reġa’ għal darba oħra tella’ fil-wiċċ
il-kwestjoni dwar l-ewtanasja, jew kif inhuwa komunement magħruf,
mercy killing – litteralment qtil ta’ ħniena; daqslikieku xi
ħaġa ħażina fiha nfisha tista’ qatt issir tajba għaliex magħmula
bi skop tajjeb!
Nixtieq
qabel xejn ngħid li ħadd minna ma jista’ qatt jiġġudika l-ħtija
jew nuqqas ta’ ħtija li l-persuni involuti f’dawn il-każi jista’
jkollhom. Alla biss huwa l-imħallef ġust u ħanin u għalhekk kull
ġudiżżju nħalluh f’idejħ. Aħna nistgħu biss nitkellmu dwar il-moralità
tal-azzjoni fiha nfisha bla ma naslu għal xi konklużżjoni dwar
jekk il-bniedem hux ħati nkella le.
Il-Konċilju
Vatikan II, fil-Kostituzzjoni Pastorali dwar il-Knisja fid-Dinja
tal-Lum, Gaudium et Spes, jgħid ċar u tond li dak kollu
li huwa kontra l-ħajja, bħal kull xorta ta’ qtil tal-bniedem,
il-ġenoċidju, l-abort, l-ewtanasja u s-suwiċidju volontarju,
huwa ħażin. (27)
Imbagħad
fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (2276 sa 2279) naqraw li huma
x’inhuma l-motivi u l-mezzi, l-ewtanasja diretta li sseħħ meta
wieħed itemm il-ħajja ta’ persuna ħandikappata, jew marida, jew
qegħda tmut, moralment ma tistax tiġi aċċettata.
Alla biss
huwa s-sid tal-ħajja u għalhekk ħadd ma għandu d-dritt li jtemm
la l-ħajja ta’ ħaddieħor u lanqas tiegħu stess. Ħajjitna mhix
tagħna. Hi biss mislufa lilna u aħna stess m’għandna ebda dritt
fuqha.
Tassew li
t-tbatija mhix xi ħaġa li wieħed jixtieqha. Ġesù stess talab
lil Missier biex jekk jista’ jkun jitwarrab minnu il-kalċi
tal-passjoni u l-mewt li kienu riesqa lejh. Iżda għaliex Ġesù
għadda wkoll mit-triq tas-salib, allura għalina l-insara t-tbatija
tikseb tifsira speċjali. Hija tbatija li ma tintilifx fix-xejn
imma fiha skop għaliex tifdi. Hija tbatija redentiva. U
għalhekk meta l-bniedem ikun qiegħed isofri taħt it-toqol
tal-mard, m’għandux iħares lejħ innifsu bħala oġġett inutli, xi
ħaġa li ma tiswa għal xejn. Anzi meta norbtu t-tbatijiet tagħna
ma’ dawk ta’ Ġesù dawn jiksbu tifsira tassew speċjali.
Il-ħajja
hija dritt ta’ kull bniedem. Iżda għaliex kull dritt iġib
miegħu ukoll dmir, aħna obligati li nħarsu ħajjitna u kif ukoll
dik ta’ l-oħrajn. Dan ifisser li ħadd minna ma jista’ jagħmel
ewtanasja jew b’xi mod jgħin biex din titwettaq. Lanqas nagħtu
l-kunsens tagħna għaliha ma nistgħu.
Madankollu
il-ħajja mhix valur assolut u hu propju għalhekk li wieħed jista’
jħalli ħajtu għal ħaddieħor. Ġesù mhux biss qal li m’hemmx
imħabba akbar minn dik li wieħed jagħti ħajtu għall-oħrajn, imma
kien huwa stess li għamel dan.
Matul l-istorja
naraw tant u tant persuni oħrajn li b’att erojku ħallew
ħajjithom biex oħrajn ikun salvati. Imbagħad hemm il-martri li
mietu, u anke fi żmienna għadhom imutu, għal fidi tagħhom. Anke
dan ma jmurx kontra l-valur tal-ħajja, għaliex Ġesù qal li min
jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħu isibha fil-ħajja ta’ dejjem.
U hu
għaliex hemm ħajja oħra wara l-mewt li l-ħajja li għandna hawn
fuq l-art irridu napprezzawha. Wara kollox din hija don ta’ Alla
u kull min ma japprezzax rigal lanqas japprezza lil dak li tah
ir-rigal.
|