|
Karol Jòsef Wojtyla twieled fit-18 ta’ Mejju,
1920 f’Wadowice, belt żgħira daqs ħamsin kilometru
‘l bogħod minn Krakovja fil-Polonja. Kien it-tieni
iben ta’ Karol Wojtyla, ex-uffiċċjal fl-armata
Pollakka u Emilia Kaczorowska, għalliema. Ommu
mietet fl-1929 meta huwa kellu biss 9 snin u ħuh
Edmund, li kien tabib, miet 1932. Missieru miet
fl-1941.
Ta’ disa’ snin, iċ-ċkejken Karol irċieva l-ewwel
tqarbina imbagħad disa’ snin wara rċieva s-sagrament
tal-Griżma ta’ l-Isqof.
Fl-1939, meta l-armata Nażista kienet tokkupa l-Polonja,
l-università fejn Karol kien qed jistudja kienet
magħluqa u huwa ħadem l-ewwel f’barriera (1940-1944)
u wara f’fabbrika.
Fl-1942 daħal fis-Seminarju klandestin ta’ Krakovja
waqt li fl-istess żmien kien wieħed minn dawk li ħa
sehem f’teatru, klandestin ukoll, li kien kritiku
għall-inġustizzji soċjali ta’ żmienu. Kien ordnat
saċerdot fl-1 ta’ Novembru 1946.
Fl-1958 kien maħtur isqof awżiljarju ta’ Krakovja u
fl-1964 kien nominat Arcisqof ta’l-istess djoċesi.
Kellu sehem attiv fil-Konċilju Vatikan II b’mod
speċjali fit-tfassil tal-Kostituzzjoni Gaudium et
Spes, li titratta dwar ir-relazzjoni tal-Knisja
mad-dinja.
Fl-1967, il-Papa Pawlu VI għamlu kardinal, u fis-16
ta’ Ottubru 1978, wara l-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu
I, il-kardinali għażluh minn fosthom biex ikun
il-Papa li jmexxi l-Knisja Kattolika lejn millenju
ġdid.
Fit-13 ta’ Mejju 1981, f’attentat li sar fuq ħajtu,
huwa safa ferut gravi minn tir ta’ pistola sparat
lejh minn Ali Agca, li l-Papa mhux biss ħafirlu imma
wkoll mar iżuru fil-ħabs.
Fost il-104 vista pastorali li għamel barra mill-Italja,
Ġwanni Pawlu II żar pajjiżna darbtejn u f’okkażżjoni
oħra għamel waqfa qasir fl-ajruport, waqt li kien fi
triqtu lejn pajjiż ieħor.
Matul is-26 sena ta’ pontifikat tiegħu huwa kiteb
aktar minn 80 dokument uffiċċjali, fosthom 14 l-enċiklika
u ppublika wkoll 5 kotba. Iżda żgur se jibqa’
magħruf għall għadd kbir ta’ kanonizazjonjet u
beatifikazjonijiet li mexxa. Minbarra il-miljuni li
rawh wiċċ imb’wicc waqt il-vjaġġi pastorali tiegħu,
statistika uffiċċjali maħruġa mill-Vatikan tgħid li
kważi 18-il miljun persuna attendew għal xi waħda
mill-uddjenzi tiegħu ta’ nhar t’Erbgħa.
Ġwanni Pawlu II għamel 232 kardinali fosthom wieħed
li sal-lum għadu miżmum in pectore, li jfisser li
għal xi raġuni jew oħra ismu kien għadu magħruf biss
mill-papa nnifsu u għalhekk jekk il-papa jilħaq imut
bla ma jħabbar isem dan il-prelat, allura is-sigriet
imut miegħu. Huma dawn l-istess kardinali, li f’każ
tal-mewt tal-Papa, jaħtru minn fosthom lis-suċċessur
tiegħu li jrid imexxi l-Knisja għaż-żmien li ġej.
Żgur li mhix
b’kumbinazzjoni li l-papa miet fil-vġili tal-festa
tal-Ħniena Divina, li huwa stess waqqaf u li kienet
tant għal qalbu. Ta’ min jinnota li t-tieni
enċiklika ta’ Ġwanni Pawlu kienet Dives in
Misericordia – Għani fil-Ħniena propju dwar il-Ħniena
Divina ta’ Alla.
|