KUNGRESS EWKARISTIKU NAZZJONALI
FL-OKKAŻJONI TAS-SENA TA’
L-EWKARISTIJA
Ħamis,
2 Ġunju 2005:
Fl-okkażjoni
tas-Sena ta’ l-Ewkaristija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’
Għawdex
qed jorganizaw Kungress Ewkaristiku Nazzjonali li jilħaq il-quċċata
tiegħu b’ċelebrazzjoni fuq il-Fosos tal-Floriana, nhar il-Ġimgħa, 3
ta’ Ġunju 2005, fis-7.30p.m. bis-sehem ta’ l-Isqfijiet.
Il-programm ta’ l-attivitajiet f’Malta fetaħ uffiċjalment nhar il-Ħadd,
29 ta’ Mejju, b’Quddiesa fil-KonKattidral ta’ San Ġwann fis-6.00
p.m. Wara l-Quddiesa saret purċissjoni fit-toroq ewlenin tal-Belt
Valletta. Imbagħad il-Kungress f’Malta kompla b’sitt ta’ laqgħat
għas-saċerdoti, reliġjużi nisa u lajċi fis-Seminarju ta’ l-Arċisqof,
f’ Tal-Virtu’, ir-Rabat.
Bħala parti mill-attivitajiet ta’ l-okkażjoni se ssir ukoll laqgħa
għat-tfal, nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Mejju, fl-10.00 a.m. fil-Knisja ta’
Santa Tereża, Birkirkara. Il-laqgħa se titmexxa minn Dun Raphael
Pace, li jmexxi programm għat-tfal fuq Radju RTK. Jattendi wkoll
Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca.
Interessanti ħafna hija wirja dwar Mirakli tal-Ewkaristija li hemm
fis-Semnarju tal-Arċisqof ir-Rabat. Fil-wirja wieħed jista’ jara
wkoll diversi biċċiet tal-arti kollha relatati mal-istess suġġett,
fosthom il-miraklu li seħħ fl-Lanciano ġewwa l-Italja fit-tmien
seklu. Dak in-nhar saċerdot li kellu dubji ta’ fidi dwar il-preżenza
reali ta’ Ġesú fl-Ewkaristija, inħasad meta waqt il-quddiesa jilmaħ
il-ħobż u l-inbid jinbidlu quddiem għajnejh f’laħam u d-demm uman.
Minkejja li għaddew diversi mijiet ta’ snin, dawn għadhom jidhru
sal-lum. Saru fuqhom diversi eżamijiet xjentifiċi u kien stabbilit
li l-laħam huwa tassew magħmul minn tessuti ta’ qalb umana fil-waqt
li d-demm huwa ta’ tip AB, l-istess bħal dak ta’ diversi mirakli
Ewkaristiċi oħra kif ukoll l-istess bħal dak fuq il-kefen ta’ Kristu
li hemm meqjum f’Turin.
Minkejja li dawn il-mirakli ma jagħmlux parti mit-twemmin tagħna,
madankollu huma jistgħu jkunu mezz biex jgħinuna nikbru fil-fidi u
fil-qima lejn dan is-Sagrament tant għażiz għalina l-Insara.