EMAIL                                                                                             SIT UFFIĊĊJALI TAL-PARROĊĊA MARIJA ANNUNZJATA – HAL TARXIEN

 

TAW XHIEDA

IL-KARDINAL JOHN HENRY NEWMAN - ĦOLQA F’KATINA

Kitba ta' Harry Agius Ordway

Timmaġina beatu tal-Knisja Kattolika…li meta kien żgħir kien jemmen li l-Papa kien l-Antikrist?

Timmaġina wieħed mill-akbar imħuħ tal-Knisja u li influwenza l-Konċilju Vatikan II....li fl-eżamijiet finali ta’ l-Università qabdu breakdown u ġab third class?  

Timmaġina raġel mistħi u superstizzjuż...li żviluppa f’wieħed mill-aktar kelliema u kittieba mfittxija?

John Henry Newman twieled Londra fil- 21 ta’ Frar 1801, il-kbir fost sitt aħwa. Missieru, John ukoll, kien bankier. Saminn ċkunitu kien jogħxa jaqra l-Bibbja imma kien biss ta’ ħmistax-il sena li wera ċerti konvinzjonijiet reliġjużi, impressjonat speċjalmen mill-ktieb ta’ Kalvinu ”Il-Jien u l-Ħallieq tiegħi”.

Ta’ 23 sena ġie ordnat saċerdot Anglikan u erba’ snin wara nħatar Kurat ta’ St. Mary’s, il-knisja ta’ l-Università f’Oxford fejn ta xhieda ta’ twemminu, l-aktar bil-mod kif kien jippriedka.

Fl-1837 ħareġ l-Uffiċċju Profetiku tal-Knisja li aktar tard sar magħruf bħala Via Media, li fih jipprova juri li l-Anglikaniżmu kien it-triq tan-nofs bejn il-Kattoliċiżmu u l-Protestantiżmu popolari.

Ftit jafu li fost il-ħafna vjaġġi li għamel Newman żar il-Ġibiltà u anki Malta. Kien ftit wara dan li kiteb il-poeżija famuża “Lead, kindly light”, li aktar tard saret innu popolari.

Fl-1842 ġara avveniment importanti li biddillu ħajtu: iddeċieda li jirtira f’Littlemore, u baqa’ jgħix hemmhekk taħt il-kundizzjonijiet monastiċi flimkien ma’ grupp żgħir ta’ dixxipli. Lil dawn id-dixxipli tahom il-biċċa xogħol li jiktbu l-ħajja ta’ xi qaddisin Ingliżi, filwaqt li hu kiteb: “Essay on the development of Christian doctrine”.

B’din huwa pprova jerġa’ jitħabbeb mal-Kredu kif imħaddan mill-Knisja Kattolika. Sena wara, ippubblika stqarrija fl-Oxford Conservative Journal, fejn irtira formalment dak kollu li kien qal kontra Ruma(fosthom li l-belt hija sabiħa imma r-reliġjon tagħha hija waħda deġenerata u mhix twemmin f’Alla wieħed).

Wieħed mid-dixxipli tiegħu hawnhekk ħallieh imma John Henry Newman iddeċieda li kien wasal iż-żmien li jippriedka l-aħħar priedka Anglikana tiegħu f’Littlemore u jirriżenja minn Kurat.

Fid- 9 ta’ Ottubru, 1845 Newman ġie milqugħ fil-Knisja Kattolika minn Patri Dominic. Din il-bxara ma ntlaqgħetx tajjeb mill-Ingliżi u kellhom jgħaddu ħafna snin qabel ma ħafruhielu.

Sena wara telaq lejn Ruma u ddeċieda li jimxi wara r-regoli ta’ San Filippu Neri, li tiegħu Newman ried iwaqqaf Oratorju f’Londra.

Fl-1879 il-Papa Ljun XIII ħatru Kardinal. Il-motto fuq l-arma tiegħu kien “Cor ad cor loquitur” (qalb tkellem lil qalb). Ħafna żmien qabel Newman kien iddikjara “li kien ilu ħajtu kollha kontra l-Liberaliżmu li jagħraf li m’hemmx verità fir-reliġjon imma li kull twemmin hu bħal kull ieħor, u li l-Kristjaneżmu hu biss sentiment u gost, imma mhux fatt oġġettiv, mhux mirakoluż”.

Wara dan reġa’ dar dawra mal-kitbiet kollha tiegħu bl-aħħar waħda tkun dwar xi problemi li wieħed isib il-Bibbja. Il-kitba Il-Ħolma ta’ Ġeronzju(1865) qalibha fil-vers poetiku, u hi meqjusa fl-istess klassi tal-versi u ħsibijiet ta’ Dante, fejn iħares lejn l-aħħar pellegrinaġġ tiegħu bħala “waħdi mal-Waħdieni”.

Miet fit-tbatija, fil-11 ta’ Awwissu, 1890. Il-funeral tiegħu kien wieħed mill-akbar li qatt saru. Ġie midfun fl-istess qabar ta’ Ambrose St.John, li kien għenu “jgħix taħt Alla għal 32 sena”. Fuq l-iħama hemm miktub hekk: “Mid-dellijiet u mis-simboli toħroġ il-verità”. Ġie ddikjarat Venerabbli mill-Papa Ġwanni Pawlu II fit- 22  ta’Jannar 1991. Ta’ min jinnota li l-ħsibijiet tal-Kardinal John Henry Newman influwenzaw bis-sħiħ il-Konċilju Vatikan II partikolarment fl-ekkleżjoloġija, l-ekunemiżmu, it-teorija ta’ l-iżvilupp dottrinali, il-kuxjenza u l-lajċi.

LITURĠIJA

TAL-ĦDUD U FESTI

Għal qari...

ikklikja fuq l-istampa

7 Awissu 2005

Id-Dsatax-il Ħadd ta’ Matul is-Sena

“Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk.”


Il-Kolonna u s-Sħaba 

Mexxini, Dawl Ħanin,

qalb is-swied

li qed idawwarni.

Mexxini Int!

Il-lejl hu mudlam,

u jien il-bogħod mid-dar.

 

Mexxini Int!

Żommli saqajja;

Mhux se nitlob li nara

d-dehra fil-bogħod –

pass wieħed biżżejjed għalija.

 

Qatt ma kont hekk,

qatt ma tlabtek biex tmexxini.

Kont nieħu gost nagħżel u

nara l-mogħdija tiegħi,

imma issa, mexxini Int!

Kienet togħġobni l-ġurnata tlellex

u minkejja l-beżgħat,

il-kburija kienet tmexxini:

tiftakarx dak li għadda minni.

 

Għal tant żmien

il-Qawwa tiegħek berkitni,

żgur li għad tkompli tmexxini,

minn ġol-medda tax-xagħri

u minn fuq l-art mogħxa,

minn fuq il-blat u minn ġol-ħalel,

sa mal-lejl jintemm;

u ma’ l-għodwa dik it-tbissima

fuq l-uċuh ta’ l-anġli

li dejjem ħabbejt, imma tlift għal xi żmien.

John H. Newman

Maqluba għall-Malti minn

Harry Agius Ordway