|
SIT
UFFIĊĊJALI TAL-PARROĊĊA MARIJA ANNUNZJATA – HAL TARXIEN |
“SALVAW LIT-TARBIJA!”
“L-imħabba hi l-isbaħ sentiment li Alla ħawwel fir-ruħ tar-raġel u l-mara”

F’Settembru ta’ l-1961, fit-tieni xahar tat-tqala tagħha, GIANNA
BERETTA MOLLA bdiet tbati minn uġigħ: kienet tfaċċat fibroma fl-utru
u kellha bżonn ta’ operazzjoni. Imma peress li din l-operazzjoni
setgħet twaqqaf it-tqala, Gianna insistiet mal-kirurgu biex isalva
lit-tarbija li kellha fil-ġuf. Min-naħa tagħha afdat lilha nfisha fit-talb
u fil-Providenza.
Harry Agius
Ordway jikteb l-istorja li wasslet lit-Tabiba Gianna Beretta Molla
li tħalli ħajjitha biex issalva lil bintha.
Aqra
r-rakkont kollu.
TALB BIL-KOMPJUTER -
SPAZJU SAGRU
Spazju
Sagru huwa sit tal-internet offrut mill-Ġiżwiti Maltin, li minn
idea tal-sħabhom Irlandiżi bdew huma wkoll joffru għajnuna permezz tal-internet
lil kull min ikun jixtieq jagħmel ftit minuti miġbur fit-talb.
Deskritt minnhom stess bħala “Rokna fis-Skiet u l-Ġabra”, dan is-sit
jistieden lil kulħadd biex iwarrab ftit tal-ħin għal Spazju Sagru
fil-ġurnata.
Meta tkellimt
ma’ wieħed żgħażugħ, li jiffrekwenta s-sit b’mod regolari qalli,
“Issettjajt il-Home Page tal-browser tiegħi bl-indirizz ta’ dan
il-website. B’hekk meta kuljum nidħol fuq l-internet, l-ewwel ħaġa li
nagħmel huma għaxar minuti ta’ talb. Mhux xi talb monotonu għaliex
jinbidel kuljum u jiena tant nħossni magħqud mhux biss m’Alla imma
anke mal-oħrajn, għaliex naf li hemm bosta oħrajn li dak il-ħin stess
ikunu qed jagħmlu l-istess bħali. Tiskanta dawk l-għaxar minuti
kuljum x’differenza għamlu fil-ħajja tiegħi.”
Għax ma tippruvax inti wkoll? L-indirizz huwa
http://spazjusagru.com/
Biex ikun aktar faċli għal dawk kollha li jiffrekwentaw il-sit
tal-Parroċca ta’ Ħal Tarxien, qegħdin noffru link regolari għal dan
is-sit ta’ spiritwalità. Tinsab fuq ix-xellug ta’ din il-paġna.
Messaġġ
tal-Papa lill-Poplu Malti
IKBRU FL-ISTAGĦĠIB TAGĦKOM
QUDDIEM L-EWKARISTIJA

Fl-okkażjoni ta’ għeluq il-Kungress Ewkaristiku Nazzjonali fil-gżejjer
Maltin, il-Papa Benedittu XVI bagħat dan il-messaġġ lil Mons. Arċisqof
Ġużeppi Mercieca:
Insellem bil-ferħ lilek u lill-isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi
kollha li nġbartu flimkien biex tiċċelebraw il-Kungress Ewkaristiku
Nazzjonali f’Malta. Nibgħat ix-xewqat tajba kordjali tiegħi wkoll lid-dinjitarji
ċivili preżenti fiċ-ċerimonja ta’ l-għeluq u lin-nies kollha
tal-gżejjer għeżież tagħkom.
Maħbubin uliedi, il-Paċi Magħkom!
Ave
verum corpus,
Insellmu lill-ġisem veru ta’ Kristu. Dan il-kliem minn antifona antika
jfakkarna li Kristu hu realment preżenti fl-Ewkaristija. Verament hu
jagħtina ġismu biex niekluh fix-xbieha tal-ħobż, il-ħobż li hu mimli
b’kull ħlewwa. Intom għażiltu li tirriflettu fuq l-importanza
tal-Preżenza Reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija bħala għajn ta’ ħajja
għall-Knisja.
L-Iben ta’ Alla jagħti lilu nnifsu lilna bħala ikel tas-sema, u hekk
jagħtina l-qawwa għall-vjaġġ tagħna. Nitlob li l-poplu kollu ta’ Malta
jikber kuljum fis-sens ta’ stagħġib tiegħu quddiem il-misteru
straordinarju ta’ l-Ewkaristija, dan il-ħobż tas-sema li jagħti ħajja
eterna lil dawk li jirċievuh.
Iċ-ċerimonja ta’ l-għeluq tagħkom qed issir fl-istess jum tal-festa
tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’, meta l-Knisja kollha tiċċelebra l-misteru
ta’ l-imħabba ta’ Kristu. Fl-ilma u d-demm li ħareġ mill-ġerħa ta’
ġenbu kif kien imdendel fuq is-Salib aħna naraw sinjal ta’ dik l-imħabba
li ħierġa mis-sagramenti tal-Magħmudija u ta’ l-Ewkaristija. Nistieden
lill-poplu ta’ Malta biex iġedded id-devozzjoni lejn l-Ewkaristija u
jixorb dejjem iktar mill-għajn tal-grazzja li tagħti l-ħajja li hija
l-ħajja sagramentali tal-Knisja.
Filwaqt li nirrikmanda l-poplu kollu tagħkom għall-interċessjoni
materna ta’ Marija, il-Mara ta’ l-Ewkaristija, minn qalbi nagħti l-Barka
Apostolika lilkom miġburin għal din l-okkażjoni u lill-familji u l-maħbubin
tagħkom.
Mill-Vatikan, 03 ta’ Ġunju 2005
Benedictus XVI