F'PAĠNI OĦRA

40 sena mid-dokument

GAUDIUM

ET

SPES

TAL-KONĊILJU VATIKAN II

Laqgħat f’Dar Nażaret kull nhar ta’ Tlieta fis-7.00pm.

Dwar il-Gaudium et Spes

Dwar il-Laqgħat

Organi ta’ tifel Palestinjan mogħtija lill-persuni Iżraeljani

Nablus: Organi ta’ tifel Palestinjan, li kien maqtul minn truppi Iżraeljani waqt li kien qed jilgħab bi xkubetta tal-plastic, ġew mogħtija lil persuni Iżraeljani.   Aħmed, li kellu tnax-il sena, miet b’konsegwenza tal-ġrieħi li ġarrab wara li xi suldati Iżraeljani sparawlu għax ħasbuh terrorista.

Il-kliewi, il-fwied, il-pulmun u l-qalb tat-tifel kienu trapjantatati f’persuni differenti ta’ nazzjonalità Iżraeljana, li l-età tagħhom tvarja bejn is-seba’ xhur u t-tmienja u ħamsin sena.

Missier it-tifel qal li jħossu kburi bid-deċiżżjoni li ħa biex partijiet minn ġisem ibnu qed jgħinu sitt Iżraeljani, għaliex b’hekk ibnu għadu jgħix fihom. “Nemmen li ibni daħal fil-qalb ta’ kull Iżraeljan”, tenna il-missier.

Fost dawk li irċevew l-organi tat-tifel kien hemm tifla ta’ tnax-il sena, li kienu ilha ħames snin tistenna biex isirilha trapjant tal-qalb.

Ir-ritratt ta' Aħmed Khatib u r-rapport kwotati huma mill-Associated Press ....


"Il-Kattoliċi u l-Lhud għandhom jagħtu xhieda komuni lid-dinja tal-fidi tagħhom f'Alla"

Minn Karl Wright, RTK

Vatikan: Il-Papa Benedittu XVI qal li l-kattoliċi u l-Lhud mhux biss għandhom jirrispettaw u jifhmu lil xulxin, iżda għandhom ukoll jagħtu xhieda komuni lid-dinja tal-fidi tagħhom f’Alla u fil-kmandamenti tiegħu. F’messaġġ li nqara waqt ċerimonja kommemorattiva ta’ l-40 anniversarju tad-dikjarazzjoni tal-Konċilju Vatikan II Nostra Aetate, il-Papa appella għal xhieda aktar maqgħuda u fl-istess hin mifruxa. Huwa fisser li huma meħtieġa sforzi konġunti għad-difiża tal-qdusija tal-ħajja, għall-promozzjoni tad-dinjita umana, għad-drittijiet tal-familji u għall-ħtieġa tal-binja ta’ kultura ta’ ġustizzja fid-dinja kif ukoll għal aktar rikonċiljazzjoni u paċi fost il-ġenerazzjonijiet futuri.

Id-dikjarazzjoni tal-Konċilju Vatikan II Nostra Aetate, hija dikjarazzjoni dwar ir-relazzjoni ma’ dawk li mhumiex insara. F’għeluq l-40 sena anniversarju ta’ din id-dikjarazzjoni saret din iċ-ċerimonja sponsorjata mill-kummisjoni tal-Vatikan għar-relazzjonijiet reliġjużi mal-Lhud, attivita li ħarset ukoll lejn il-progress li sar fid-djalogu bejn il-Kattoliċi u l-Lhud, kif ukoll lejn il-possibiltajiet ta’ aktar promozzjoni f’dan il-qasam fil-futur.

(Fir-ritratt il-Papa jidher mar-Rabbi Natanael Teitelbaum fis-sinagoga ta' Cologne, 18 ta' Awissu 2005)


Rabta Speċjali mal-Lhud u l-Istima lejn il-Musulmani

Mill-programm id-Dinja Kattolika, RTK

Il-Papa enfasiżża r-Rabta Speċjali mal-Lhud u l-Istima lejn il-Musulmani u s-segwaċi ta’ reliġjonijiet oħra waqt waħda mill-aħħar riflessjonijiet pubbliċi tiegħu fi pjazza San Pietru fil-Vatikan. Il-Papa afferma wkoll li s-sors ewlieni ta’ edukazzjoni hija l-familja u fakkar fir-responsabbilta’ edukattiva tal-Knisja Kattolika, dik li turi t-triq tal-ħajja. Ma naqasx milli jesprimi s-solidarjeta tiegħu mal-vittmi fil-Kashmir u appella lil dawk kollha ta’ rieda tajba sabiex jagħtu l-appoġġ tagħhom, mhux biss materjalment lil dawk kollha fil-bżonn, iżda wkoll spiritwalment permezz tat-talb.

(Ritratt – Ġwanni Pawli II kien l-ewwel Papa li żar Moskea. Dan kien fis-6 ta’ Mejju 2001, ġewwa Damasku, propju jumejn qabel wasal Malta.)

LITURĠIJA

TAL-ĦDUD U FESTI

13 Novembru 2005

Il-33 Ħadd ta’ Matul is-Sena

"Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdalek ħafna: idħol fil-hena ta’ sidek."


20 Novembru 2005

Kristu Sultan

Il-34 Ħadd ta’ Matul is-Sena

"Tassew ngħidilkom, kemm għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi."


Il-Papa sejjer Spanja

Spanja: Il-president tal-Kunsill Pontifiċju għall-Familja, il-kardinal Alfonso Lopez Truijillo, qal li b’ċertezza jista’ jikkonferma li l-Papa se jivjaġġa lejn Valencia fi Spanja u jattendi għall-5 Laqgħa Dinjija ddedikata lill-Familji.

Il-kardinal Alfonso Lopez Truijillo ta din il-konferma waqt kummenti li kien qed jagħti waqt laqgħa ma’ saċerdoti u koppji miżżewġa, ilkoll mill-arċidjoċesi ta’ Valencia fi Spanja, li huma responsabbli għall-kura pastorali tal-familja. Dawn ir-rapporti ngħataw mill-aġenzija ta’ l-aħbarijiet djoċesana AVAN.

Il-laqgħa dinjija ddedikata lill-familji se tkun qed issir bejn l-1 u d-9 ta’ Lulju li ġej. Il-kardinal Lopez Truijillo qal ukoll li l-parroċċi madwar id-dinja kollha ma jdumux ma jibdew jirċevu materjal bi tħejjija għal din l-attivita dinjija.

(Mill-programm id-Dinja Kattolika, RTK)