
ŻMIEN TA’ RIFLESSJONI U TA’ GRAZZJA
Minn Joe Farrugia
Issa
li l-Papa Ġwanni Pawlu II qiegħed fi ħdan il-Mulej u l-ġisem tiegħu
tqiegħed maġenb dak ta’ bosta mis-suċċessuri tiegħu, fosthom l-Appostlu
Pietru, il-kardinali bdew żmien intens ta’ talb u riflessjoni biex nhar
it-Tnejn, 18 ta’ April, jibda l-konklav li matulu huma jaħtru l-papa l-ġdid.
Imma jekk dan
huwa żmien ta’ talb u riflessjoni għal kardinali, huwa wkoll żmien ta’
talb u riflessjoni għal Knisja kollha. Dak li seħħ fil-jiem li għaddew,
mhux biss fil-belt ta’ Ruma imma wkoll f’kull rokna tad-dinja kollha
jixħet fuq il-Knisja inġenerali u fuq kull wieħed u waħda minna b’mod
partikolari, l-obbligu kbir li naqraw is-sinjali ta’ dan ż-żmien u
ninterpretawhom fid-dawl tat-twemmin tagħna. Wara ħinijiet twal ta’ talb
u riflessjoni, aħna wkoll irridu niskopru x’qiegħed jitlob Alla minna
f’dan il-mument kbir ta’ grazzja.
Iva, qegħdin
ngħixu żmien ta’ riflessjoni, imma fuq kollox għaddejjin minn żmien ta’
grazzja kbira. Kollha kemm aħna li rċevejna l-magħmudija f’isem il-Mulej
Ġesů qegħdin flimkien ngħixu dan iż-żmien. Imma magħna qed tgħixu wkoll
id-dinja kollha, mhux biss il-Kattoliċi, mhux biss il-Knejjes Insara l-oħra,
mhux biss dawk li jemmnu f’Alla wieħed, bħal ma huma l-Lhud u l-Musulmani,
imma l-popli kollha hu liema hu t-twemmin li jħaddnu. Huma il-bnedmin
kollha ta’ rieda tajba li qed jgħixu dan il-mument ta’ riflessjoni u ta’
grazzja.
Wara l-mewt ta’
Ġwanni Pawlu mill-popli kollha tad-dinja, hi x’inhi l-fidi li jħaddnu,
ħareġ fil-beraħ l-għatx spiritwali kbir li hemm fil-qalb ta’ kull bniedem.
Huwa għatx li ħadd u xejn ma jista’ jaqtgħu ħlief Kristu.
Dan nafuh għax
aħna insara u nemmnu li Kristu biss kapaci jaqta’ l-għatx tal-bniedem.
“Min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx.” (Ġwanni
4:13) Iżda dawk li sal-lum ma skoprewx lil Kristu f’ħajjthom, dan ma
jafuhx u għalhekk għadhom ifittxu bnadi oħra. Imma llum, minħabba Ġwanni
Pawlu II, għajnejn id-dinja kollha mixħutin fuqna. Qegħdin bħal mara
Samaritana jgħidulna, “Agħtini nixrob.”
U lilna, li
fina Kristu jara l-preżenza tiegħu fid-dinja tal-lum, qed jgħidilna,
“Kieku kontu tafu il-grazzja ta’ Alla!” (Ġwanni 4:10)
Iva, qegħdin
ngħixu żmien ta’ riflessjoni u żmien ta’ grazzja. Għal ftit jiem oħra
għajnejn id-dinja se jibqgħu fuq il-Knisja Kattolika u fuqna. Ġwaj
għalina jekk huma jdawwru wiċċhom lura u jerġgħu jibdew ifittxu bnadi oħra.
|