
Meta nħarsu lejn il-passat nagħrfu
li l-istorja tagħna bħala Maltin u bħala Kattoliçi kienu
magħġuna flimkien: li tkun Malti kien ifisser li tkun Kattoliku.
Dan il-fenomenu għen lill-Knisja jkollha sehem mill-aktar
importanti fl-istorja ta’ ġensna. Dan il-post ewlieni,
bir-responsabbiltà u s-setgħa li dan ġab miegħu, intuża ħafna u
ħafna drabi biex il-poplu Malti jingħata servizz u għajnuna. Il-Knisja
ġeneralment kienet id-dawl u r-rifuġju tal-poplu Malti; u ħafna
drabi kienet l-uniku ħajt ta’ kenn għall-poplu tagħna, l-aktar
tal-fqar u tal-batuti. L-istorja turina li l-qalb ta’ l-istituzzjonijiet
tal-Knisja u tal-ministri tagħha ħabbtet f’sintonija ma’ taħbit
il-qalb tal-Maltin fil-ġrajjiet kollha, sbieħ u koroh, li
għaddejna minnhom bħala poplu. B’wiççna minn quddiem nagħrfu dan
is-servizz u din l-imħabba li minnha gawdejna lkoll u ta’ dan
nirringrazzjaw lil Alla.
Mid-Dokument tas-Sinodu Djoċesan, Viżjoni ta’
Knisja Komunjoni, paragrafu 2.
15 ta’ Settembru
Il-Verġni Mqaddsa Marija
tad-Duluri
Il-Knisja
tfakkar id-duluri tal-Madonna darbtejn matul is-sena: nhar
il-Ġimgħa tal-ġimgħa tal-Passjoni (il-Ġimgħa ta’ qabel il-Ġimgħa
l-Kbira), u llum 15 ta’ Settembru. L-ewwel waħda inbdiet
f’Cologne, il-Ġermanja, fis-seklu ħmistax bħala tpattija ta’
l-ereżija ta’ Ġovanni Hus. Dik tal-lum bdewha l-Patrijiet
Seervit meta fl-1668 qalgħu permess mingħand il-Papa biex
jiċċelebraw il-festa tas-Seba’ Duluri fit-tielet Ħadd ta’
Settembru. Meta mbagħad il-Papa Piju VII fl-1814 irritorna
mill-eżilju estenda din il-festa għall-Knisja kollha bħala
tifkira ta’ kemm il-Knisja (u hu personalment) batiet minn
Napuljun.
Imbagħad il-Papa San Piju X, meta għamel ir-riforma
tal-Kalendarju liturġiku, iffissa d-data tal-festa fil-15 ta’
Settembru, fl-Ottava tat-Twelid tal-Verġni Marija.
Il-Madonna sofriet mhux għax kellha xi dnub. It-tnissil tagħha
kien immakulat. Il-ħajja tagħha kienet bl l-iċken dnub.
Is-Seba’ Duluri nistgħu nniżżluhom hekk:
1.
Il-Profezija ta’ Xmun fit-tempju.
2.
Il-ħarba lejn l-Eġittu, triq ta’ 480 kilometru,
bit-tarbija Ġesù ta’ inqas minn sena.
3.
It-telfa ta’ Ġesù.
4.
Il-laqgħa tagħha ma’ Ġesù jġorr is-salib fi
triqtu lejn il-Kalvarju.
5.
Il-kruċifissjoni.
6.
Ġesù mejjet fi ħdanha.
7.
Id-difna Ġesù.
Ħsieb:
Kollox nieħu bis-sabar għal dawk li huma magħżulin biex huma
wkoll jiksbu s-salvazzjoni li hi s-sebħ għal dejjem fi Kristu
Ġesù. Din hi kelma ta’ min joqgħod fuqha: jekk aħna mitna
miegħu, għad ngħixu miegħu wkoll; jekk insofru bis-saabar, għad
insaltnu miegħu wkoll.
2 Tim
2, 10 – 12.
Mill-Ktieb ta' Dun Anton Sammut |