EMAIL    

ĦNIENA DIVINA 

Ikklikkja fuq l-istampa

AKTAR PAĠNI

 SIT UFFIĊĊJALI TAL-PARROĊĊA MARIJA ANNUNZJATA – HAL TARXIEN

ITTRA MILL-ARĊISQOF

Furjana, 12 Ġunju 2005: Sa ftit taż-żmien ilu, il-poplu tagħna, bi ftit eċċezzjonijiet, kien dejjem ħerqan li jħares il-qdusija tal-Ħadd. Il-kotra kbira tan-nies, kif ukoll familji sħaħ kienu jħossu li hu dmir tagħhom li f’Jum il-Ħadd imorru l-Knisja, jismgħu l-kelma t’Alla waqt il-quddiesa u bosta drabi jitqarbnu. Illum, disgrazzjament, m’għadniex hekk.

Hekk ikkumenta Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca, f’ittra li kiteb lid-Djoċesi kollha fl-okkażżjoni ta’ l-għeluq tal-Kungress Ewkaristiku Nazzjonali, ittra li nqrat fil-quddies tas-Sibt filgħaxija u tal-Ħadd.

Kompla igħid, “Forsi minħabba t-tibdil fil-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi, forsi wkoll minħabba d-dgħufija fil-fidi tagħna, il-għadd ta’ dawk li jmorru għall-quddies ta’ nhar Ħadd beda jitbaxxa sew. Barra minn hekk, iċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd li bħala għan waħdieni għandu jkollha l-qdusija ta’ Jum il-Mulej qed jinbidel mal-ħarġa tal-‘week end’, bħala biss żmien ta’ mistrieħ u attivitajiet oħrajn. Meta jiġri dan tonqos fina mhux biss il-fehma li l-Ewkaristija hija ċ-ċentru tal-ħajja nisranija, imma wkoll jonqos is-sens tad-dmir ta’ radd ta’ ħajr lil Alla u ta’ talb lil Alla mal-oħrajn fil-komunita’ tal-Knisja.”

Aqra t-test sħiħ tal-ittra ta’ Monsinjur Arċisqof.


TALB BIL-KOMPJUTER - SPAZJU SAGRU

Spazju Sagru huwa sit tal-internet offrut mill-Ġiżwiti Maltin, li minn idea tal-sħabhom Irlandiżi bdew huma wkoll joffru għajnuna permezz tal-internet lil kull min ikun jixtieq jagħmel ftit minuti miġbur fit-talb.  Deskritt minnhom stess bħala “Rokna fis-Skiet u l-Ġabra”, dan is-sit jistieden lil kulħadd biex iwarrab ftit tal-ħin għal Spazju Sagru fil-ġurnata.

Meta tkellimt ma’ wieħed żgħażugħ, li jiffrekwenta s-sit b’mod regolari qalli, “Issettjajt il-Home Page tal-browser tiegħi bl-indirizz ta’ dan il-website. B’hekk meta kuljum nidħol fuq l-internet, l-ewwel ħaġa li nagħmel huma għaxar minuti ta’ talb. Mhux xi talb monotonu għaliex jinbidel kuljum u jiena tant nħossni magħqud mhux biss m’Alla imma anke mal-oħrajn, għaliex naf li hemm bosta oħrajn li dak il-ħin stess ikunu qed jagħmlu l-istess bħali.  Tiskanta dawk l-għaxar minuti kuljum x’differenza għamlu fil-ħajja tiegħi.”

Għax ma tippruvax inti wkoll?  L-indirizz huwa http://spazjusagru.com/

Biex ikun aktar faċli għal dawk kollha li jiffrekwentaw il-sit tal-Parroċca ta’ Ħal Tarxien, qegħdin noffru link regolari għal dan is-sit ta’ spiritwalità.  Tinsab fuq ix-xellug ta’ din il-paġna.


Messaġġ tal-Papa lill-Poplu Malti

IKBRU FL-ISTAGĦĠIB TAGĦKOM QUDDIEM L-EWKARISTIJA

Vatikan, 3 Ġunju 2005: Fl-okkażjoni ta’ għeluq il-Kungress Ewkaristiku Nazzjonali fil-gżejjer Maltin, il-Papa Benedittu XVI bagħat dan il-messaġġ lil Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca:

Insellem bil-ferħ lilek u lill-isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi kollha li nġbartu flimkien biex tiċċelebraw il-Kungress Ewkaristiku Nazzjonali f’Malta. Nibgħat ix-xewqat tajba kordjali tiegħi wkoll lid-dinjitarji ċivili preżenti fiċ-ċerimonja ta’ l-għeluq u lin-nies kollha tal-gżejjer għeżież tagħkom. Maħbubin uliedi, il-Paċi Magħkom!

 Ave verum corpus, Insellmu lill-ġisem veru ta’ Kristu. Dan il-kliem minn antifona antika jfakkarna li Kristu hu realment preżenti fl-Ewkaristija. Verament hu jagħtina ġismu biex niekluh fix-xbieha tal-ħobż, il-ħobż li hu mimli b’kull ħlewwa. Intom għażiltu li tirriflettu fuq l-importanza tal-Preżenza Reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija bħala għajn ta’ ħajja għall-Knisja.

 L-Iben ta’ Alla jagħti lilu nnifsu lilna bħala ikel tas-sema, u hekk jagħtina l-qawwa għall-vjaġġ tagħna. Nitlob li l-poplu kollu ta’ Malta jikber kuljum fis-sens ta’ stagħġib tiegħu quddiem il-misteru straordinarju ta’ l-Ewkaristija, dan il-ħobż tas-sema li jagħti ħajja eterna lil dawk li jirċievuh.

Iċ-ċerimonja ta’ l-għeluq tagħkom qed issir fl-istess jum tal-festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’, meta l-Knisja kollha tiċċelebra l-misteru ta’ l-imħabba ta’ Kristu. Fl-ilma u d-demm li ħareġ mill-ġerħa ta’ ġenbu kif kien imdendel fuq is-Salib aħna naraw sinjal ta’ dik l-imħabba li ħierġa mis-sagramenti tal-Magħmudija u ta’ l-Ewkaristija. Nistieden lill-poplu ta’ Malta biex iġedded id-devozzjoni lejn l-Ewkaristija u jixorb dejjem iktar mill-għajn tal-grazzja li tagħti l-ħajja li hija l-ħajja sagramentali tal-Knisja.

Filwaqt li nirrikmanda l-poplu kollu tagħkom għall-interċessjoni materna ta’ Marija, il-Mara ta’ l-Ewkaristija, minn qalbi nagħti l-Barka Apostolika lilkom miġburin għal din l-okkażjoni u lill-familji u l-maħbubin tagħkom.

Benedictus XVI

LITURĠIJA

TAL-ĦDUD U FESTI

Għal qari, ikklikja fuq l-istampa

12 ta’ Ġunju 2005

Il-Ħdax-il Ħadd ta’ Matul is-Sena

“Kienu bħal ngħaġ bla ragħaj”


17 ta’ Ġunju 2005

It-Tnax-il Ħadd ta’ Matul is-Sena

"Tibżgħux minn dawk li joqtlu lill-ġisem bla ma jistgħu joqtlu lir-ruħ"


ADORAZJONI EWKARISTIKA KULJUM F'SAN BERT

Nixtiequ nfakkru li l-Kappella ta’ San Bert, fi Triq il-Kbira, Ħal Tarxien, qegħda tkun miftuħa kuljum mit-Tnejn sas-Sibt, bejn is-6:30 u 10:00 ta’ fil-għodu u bejn is-6:30 u 9:00 ta’ fil-għaxija għal qima lil Ġesù Ewkaristija u talb privat.

Kulħadd huwa mħeġġeġ li jsib ftit ħin kuljum biex jgħaddih fis-skiet ma’ Ġesù Sagramentat.