Bil-miġja
tal-Ispirtu s-Santu, il-Komunità żgħira ta’ dixxipli saret il-Knisja
ta’ Ġesù u bdiet il-mixja tagħha fid-dinja. L-Evanġelju ta’ San
Ġwann jimposta l-ġrajja fl-Ewwel Jum tal-Ġimgħa, jum il-qawmien
ta’ Ġesù.
San Luqa, fil-Ktieb tal-Atti
tal-Appostli, iqiegħed il-ġrajja f’Għid il-Ħamsin, il-jum li fih
il-Lhud kienu jiċċelebraw il-festa tat-twaqqif tal-Poplu ta’ Alla
bil-Patt tas-Sinaj, meta l-Mulej niżel fuq il-muntanja fin-nar
(Eż 19).
Ġwanni (fl-Evanġelju) u Luqa (fl-Atti)
għandhom perspettiva differenti; iżda l-għan tagħhom hu l-istess.
It-tnejn juru li l-Ispirtu, li ta qawwa lil Ġesù fil-missjoni tiegħu
li jxandar u jwettaq is-Saltna ta’ Alla, huwa l-istess Spirtu li
issa jkompli jsaħħaħ il-Knisja fl-istess missjoni mad-dinja kollha u
sal-aħħar taż-żmien. Dak li Ġwanni jgħidilna li ġara fis-satra
taċ-ċenaklu, bil-bibien magħluqa, Luqa juri l-effett tiegħu
fil-beraħ f’Ġerusalemm quddiem folla ta’ nies,
li kienu ġew hemm minn kull nazzjon li
hawn taħt is-sema.
L-EWWEL TQARBINA
FIL-PARROĊĊA
Tarxien, 14 Mejju 2005:
Illum, għall-Parroċca ta’ Ħal Tarxien huwa jum speċjali mhux biss
għaliex bħal kumplament tal-Knisja Kattolika qegħdin niċċelebraw l-ewwel
inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja, imma wkoll għaliex għadd
ta’ tfal, ulied din il-parroċċa se jirċievu għall-ewwel darba
lill-Ġesù fl-Ewkaristija.
Din l-okkażżjoni hija
dejjem waħda speċjali mhux għal dawn it-tfal biss u ghall-familji
tagħhom, imma għall-parroċċa kollha għaliex, iktar persuni fi ħdanha
se jibda’ jkollhom iċ-ċans li huma wkoll jiltaqgħu kuljum
personalment ma’ Ġesú fis-Sagrament ta’ l-Ewkaristija.
Imma din is-sena l-Ewwel
Tqarbina hija okkażżjoni speċjali doppjament għaliex aħna lkoll,
mal-Knisja kollha qegħdin fis-sena, dikjarata mill-maħbub Papa
Ġwanni Pawlu II bħala sena tal-Ewkaristija.
Għalhekk ejjew aħna lkoll,
flimkien ma’ dawn it-tfal u mal-familji tagħhom, niskopru mill-ġdid
l-għana kbira li tfisser l-Ewkaristija fil-ħajja tal-Knisja kollha u
fil-ħajja tagħna personali, billi nersqu iktar spiss u b’iktar qima
u mħabba lejn dan is-Sagrament, imma b’mod speċjali billi nħalluh
jibdilna f’insara tassew, mhux biss f’dawk il-mumenti li nkunu l-knisja
imma tul ħajjitna kollha.
Fl-isfond
ta’ l-istampa ta’ hawn fuq jidher il-Papa San Piju X, li kien huwa
li naqqas l-eta ta’ l-Ewwel Tqarbina minn 12 jew 14-il sena kif
kienet sa zmienu għal 6 jew 7 snin, meta t-tfal ikunu daħlu fl-użu
tar-raġuni.
ĠWANNI PAWLU II -TIBDA
IT-TRIQ GĦAL FUQ L-ARTALI
Minn Harry
Agius Ordway
Belt
tal-Vatikan,
Ġimgħa,
13 Mejju, 2005:
F'jum l-ewwel dehra tal-Madonna ta' Fatima lil
Franġisku, lil Ġjaċinta, u Luċija kif ukoll l-erbgħa u għoxrin
anniversarju minn mindu l-Papa Ġwanni Pawlu II kien ġie meħlus
minn ħalq il-mewt mill-Madonna meta kienu sparaw fuqu, il-Papa
Benedittu XVI ħabbar li bdiet il-kawża tal-Beatifikazzjoni ta’ l-istess
Papa. B’dan il-mod il-Q.T. Papa Benedittu warrab il-bżonn li jridu
jgħaddu ħames snin mill-mewt tas-Serv ta’ Alla biex tinfetaħ l-istess
kawża. Hu ħabbar dan waqt laqgħa li kellu mal-Kleru Ruman
fil-Bażilka ta’ San Ġwann Lateran. Id-dokument, li jawtorizza dan
l-att, għandu d-data tad-9 ta’ dan ix-xahar u hu ffirmat mill-Kardinal
Jose Saraiva Martins, Prefett, u mill-Arċisqof Edward Nowak,
Segretarju, tal-Kongregazzjoni tal-Kawża tal-Qaddisin.
Aqra
r-rapport kollu...