|
TAGĦLIM SOĊJALI
TAL-KNISJA KATTOLIKA |

ĦNIENA DIVINA
Ikklikkja
fuq l-istampa |
|
Laqgħa
tal-Kunsill Pastorali Parrokjali
Nhar il-Ħamis,
10 ta’ Novembru 2005, saret l-ewwel laqgħa
tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, wara li dak ta’
qabel kien ġie xolt, kif jitolbu r-regolamenti ta’
l-istess Kunsill, minħabba l-ħatra ta’ Kappillan
ġdid.
Matul il-laqgħa
saret il-ħatra ta’ Chairperson u Segretarju,
imbagħad l-membri ddiskutew diversi punti, fosthom
l-Assemblea Parrokkjali li see ssir f’Dar Nażaret
fit-28 ta’ Novembru fis-7.15pm u l-manutenzjoni
meħtieġa fil-lanterna tal-knisja parrokkjali u
fil-kannierja li hemm quddiem l-istess knisja.
Il-KPP għandu
jibqa’ jiltaqgħa fl-ewwel Tnejn ta’ kull xahar.
It-Tieni
Sena ar-Rivista “FLIMKIEN”
Ir-rivista,
"Flimkien" publikata kull xahar mill-Kulleġġ
tal-Kappillani, u li titqassam f’aktar minn 95,000
dar fi 52 parroċċa f’Malta, f’Diċembru tidħol
fit-tieni sena tagħha.
L-iskop tar-rivista huwa li twassal il-valuri
Nsara fil-familji Maltin u li tipprova tilħaq
lill-membri kollha tal-familja.
Sa sena ilu, kważi kull parroċċa kienet toħroġ
il-fuljett tagħha. Fid-dawl talkomunjoni mħeġġa
ħafna mis-Sinodu Djoċesan, il-Kappillani ddeċidew
li jintroduċu din ir-rivista ta’ kull xahar bħala
mera ta’ l-impenn tagħhom li flimkien joffru
lill-familji Maltin għajnuna ġdida ta’ kif jikbru
u jissaħħu fix-xiehda Nisranija.
|
NOVEMBRU X-XAHAR TAL-MEJTIN JEW TA’
FIDI FL-IMMORTALITÀ ?
Minn
Harry Agius Ordway
Tabib
għaref kien stqarr hekk: “Li
ma kienx għall-Mewt, xogħol in-natura kien jiġi fi tmiemu ħin bla
waqt minħabba l-fatt li dan qatt ma seta’ jibqa’ jiġma’ u jiġma’
bla ma jifga lilu nnifsu. Għaldaqstant, irridu naċċettaw
il-fatt li l-mewt hija bżonn għal dak li joħloq id-Divin…u nkunu
kuntenti.”
Bla
ma rridu l-ħsieb tal-Mewt jgħaddi mill-kurituri ta’ moħħna matul
dan ix-xahar ta’ Novembru, li matulu niftakru aktar fil-mejtin
tagħna minn matul kull xahar ieħor. U hija ħaġa mill-aktar
naturali li naħsbu dwar dan meta nkunu f’età avvanzata jew, biex
nużaw terminoloġija aktar moderna…meta nkunu qed nanzjanaw
bis-sħiħ. Madankollu, imsaħħin bl-għerf u bil-grazzja, nistgħu
nagħrfu ngħixu sakemm jasal dan il-mument li ħadd ma’ jista’
jaħrab minnu. Irridu nitgħallmu nifhmu n-niket, id-dulur,
ir-rispett lejn stiwazzjonijiet tali, flimkien man-nuqqas ta’
biża’ għall-fatt li l-Mewt hi parti minn ħajjitna!
Il-biċċa kbira minna, aħna min aħna,
nħaddnu l-Fidi
fl-immortalità.
Mhix
ċajta li mara u raġel wara numru kbir ta’ snin flimkien, ħabta u
sabta ‘l wieħed jew l-oħra, isibu ruħhom mifrudin minn xulxin,
imweġġgħin, ‘l wieħed jew l-oħra, mitfugħin f’baħħ kbir.
Naturalment hemm bosta firdiet oħra kiefra...ta’ ulied, ta’ aħwa
tal-ġenituri.
Kollha kemm huma, huma x’inhuma, kollha jġibu espressjonijiet ta’
niket...fosthom, u l-aktar komuni huma l-biki u espressjonijiet
ta’ emozzjoni qawwija, affarijiet li ħadd m’għandu jħossu dgħajjef
li jurihom. Biżżejjed induru lejn il-Bibbja fejn naqraw dwar
in-niket ta’ Abraham, ta’ Ġakobb, ta’ David fit-Testment
il-Qadim, li mhux biss bkew imma qattgħu ħwejjiġhom minn fuqhom; u
n-niket ta’ Sidna Ġesù Kristu għall-mewt ta’ sieħbu Lazzru
fit-Testment il-Ġdid. Madankollu l-fidi, it-tama f’Alla l-Missier
spikkaw fuq kollox.
Forsi
min qed jaqra qed iħossu mfantas jaqra dwar il-mewt! Imma dan hu
stat ta’ fatt li llum jew għada rridu ngħaddu minnu u qatt
m’għandna nibżgħu nikkummentaw dwaru għax l-istess ħsieb dwar
il-mewt jgħinna biex ngħixu aħjar kemm spiritwalment kif ukoll
fiżikament. Tinsewx li ma’ l-ewwel għajma li toħroġ minn fommna,
l-aktar jekk aħna anzjani...kemm niġru għal għand
it-tabib...u l-ebda mistura jew pillola ma tibbastana! U
għaldaqstant għandna aktar milli napprezzaw kull ġurnata mislufa
lilna mill-Mulej, Alla tagħna, u ngħixu tajjeb illum biex għada,
jekk għal lanqas ma nkunux aħjar...għax iż-żmien jagħmel tiegħu,
ma nkunux ħafna agħar!
Fil-fatt il-famuż xjenzat, inventur,
statista, stampatur, filosofu, mużiċist, u ekonomista Benjamin
Franklin (1706-1790) kien stqarr hekk: ”Il-bniedem
jilħaq il-milja tat-twelid tiegħu meta jmut. Għalfejn inħossuna
mnikkta meta tarbija titwieled fostna, aħna li aħna immortali?
Aħna spirti. Li l-ġisem tagħna jiġi misluf lilna, sakemm jista’
jagħtina pjaċir, jgħinna nakkwistaw l-għerf jew jgħinna nagħmlu
dak li hu tajjeb lil għajrna, hu att ħanin u karittativ ta’ Alla.
Meta dan l-istess ġisem jieqaf milli jkompli jagħtina dawn
il-kwalitajiet, anzi jibda jweġġagħna flok jagħtina gost, flok ma
jkompli jkun ta’ għajnuna aktar jibda jtellifna, allura hu
daqstant att ħanin u karittativ li neħilsu minnu.
U
l-uniku mod għal dan hija l-Mewt!
Kemm
aħna u kemm sħabna jew il-maħbubin tagħna aħna lkoll mistiedna
biex
il-bogħod minn hawn nibdew ingawdu għal dejjem. Dak jew dik li
telqu qabilna kellhom is-siġġu ġa lest għalihom u għalhekk telqu
qabilna. M’hemmx il-bżonn li nitilqu lkoll flimkien; u
għaldaqstant għalfejn jien u int għandna inħossuna mdejqin
minħabba f’hekk la darba fi ftit taż-żmien ieħor immorru
warajhom...u t-triq nafuha!
Kliem li verament iġgħelek taħseb u
tixtarr...imma li fuq kollox tispikka l-FIDI.
Il-prosituzzjoni hi skjavitù modern
Dan l-aħħar minn Brussel ħarġet
l-aħbar li xi politiku Taljan, flimkien ma’ xi prostituti minn
diversi pajjiżi Ewropej, kienu qegħdin jappellaw u fl-istess waqt
jipprotestaw li s-sengħa tal-prostituzzjoni, meqjusa bħala
l-eqdem waħda fid-dinja, ma tirċievi l-ebda għarfien fis-sens ta’
drittijiet li għandhom snajja’ oħra u mhumiex mħarsa mil-liġi.
Anzi l-oppost!
Ma’ din l-aħbar moħħi mar
għad-dokument li ħareġ ftit tax-xhur ilu, biex inkunu preċiżi,
fl-Lulju, mill-Vatikan dwar L-Ewwel Laqgħa Internazzjonali ta’
Kura Pastorali għall-Ħelsien tan-Nisa tat-Triq. Il-Laqgħa
kienet fuq inizjattiva tal-Kunsill
Pontifiċju tal-Kura Pastorali ta’ l-Emigranti, Refuġjati, u oħrajn
tali.
Id-dokument iħares lejn
il-prostituzzjoni bħala forma moderna ta’ skajvitù. Jisħaq
li l-isfruttar sesswali,
il-prostituzzjoni u ċ-ċirku ta’ traffikar tal-bnedmin huma kollha
atti ta’ vjolenza kontra n-nisa. Dawn l-atti kollha joħolqu offiża
kontra id-dinjità tal-mara u joħolqu vjolazzjoni gravi kontra
d-drittijiet bażiċi tal-bniedem.
Min-naħa tagħha, il-Knisja, dejjem
skond dan id-dokument, għandha responsabbiltà pastorali biex
tqajjem kuxjenza favur id-dinjità ta’ dawk sfruttati
mill-prostituzzjoni u tagħmel l-għalmu tagħha biex mhux biss jiġu
meħlusa imma jirċievu għajnuna ekonomika, edukattiva u formattiva.
Il-Knisja għandha tiddefendi d-drittijiet ta’ dawn in-nisa,
teħodha kontra l-inġustizzji u l-vjolenza li tinħoloq kontra dawn
it-talin.
Ir-rapport iħeġġeġ li tinħoloq
kollaborazzjoni mal-mass media biex jiġi żgurat tagħrif
siwi dwar din il-problema. Fl-istess waqt il-Knisja għandha
tinsisti li jiġu nfurzati liġijiet li jipproteġu lin-nisa kontra
is-saħta tal-prostituzzjoni u t-traffikar tal-istess nisa. U dan
barra li n-nisa m’għandhomx jibqgħu jiġu sfruttati u mogħtija
dehra li tbaxxihom fir-reklamar.
Fl-aħħar, id-dokument jsemmi
l-importanza ta’ l-użu ta’ terminoloġija u l-kelma mitkellma b’mod
xieraq meta tkun qed issir referenza għall-fenominu ta’
l-isftuttar tas-sess u tal-prostituzzjoni. Ifakkar ukoll li
s-soċjetà għandha d-dmir li tipprovdi xogħol u riżorsi oħra għal
dawk li jkunu jridu...jitilqu
din it-triq!
Harry Agius Ordway
Kumitat 25 Anniversarju
tal-Familiaris Consortio
Kurja, Furjana: Fi ħdan is-Segreterija Pastorali tal-Knisja
f’Malta twaqqaf kumitat biex ifakkar il-25 anniversarju
tal-pubblikazzjoni ta’ l-Eżortazzjoni Appostolika Familiaris
Consortio, tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Dan qed isir fid-dawl
tal-fatt li wieħed mis-sitt għanijiet prinċipali tal-Pjan
Pastorali 2005-2006 tal-Knisja f’Malta jitlob attenzjoni
partikulari liż-żwieġ u l-familja.
Il-kumitat hu magħmul
minn Leslie u Charmaine Caruana, Servolo u Marselle
Delicata, Fr. Joe Mizzi u Anthony u Anne Rutter Giappone.
Il-kumitat se jorganizza u jikkoordina diversi ħidmiet fid-djoċesi
matul is-sena li ġejja biex ifakkar dan id-dokument dwar
il-familja maħruġ nhar is-27 ta’ Novembru, 1981.
Fil-Familiaris
Consortio, il-Papa Ġwanni Pawlu II jisħaq fuq id-dinjita’
talbniedem
fil-kontest taż-żwieġ u tal-familja, jindika d-dmirijiet li
l-familja għandha bħala komunita’ ta’ ħajja u mħabba, u jiddikjara
li l-Knisja tqawwi qalb il-miżżewġin fid-diffikultajiet kollha
tagħhom u tgħinhom biex dejjem iktar jimxu ’l quddiem fil-ħajja
tagħhom ta’ miżżewġin insara. Il-ħidma tal-Kumitat 25 Anniversarju
tal-Familiaris Consortio tiġi fi tmiemha nhar il-festa ta’ Ġesu’
Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu, fis-26 ta’ Novembru 2006. |
|
LITURĠIJA
TAL-ĦDUD U FESTI |

13 Novembru 2005
Il-33
Ħadd ta’ Matul is-Sena
"Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont
fidil fil-ftit, u jien se nafdalek ħafna: idħol fil-hena ta’ sidek."

20 Novembru 2005
Kristu Sultan
Il-34
Ħadd ta’ Matul is-Sena
"Tassew ngħidilkom, kemm għamiltu ma’
wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi."
“Il-Knisja qatt m’għandha tieqaf ġġedded lilha
infisha”
Hekk sqarr il-Q.T. il-Papa ftit tal-ġimgħat ilu fil-bidu ta’ kungress
internazzjonali bit-tema : ‘L-Iskrittura Mqaddsa fil-Ħajja
tal-Knisja’, organizzat mill-Kunsill Pontifiċju li jaħdem dwar
l-Unità Kristjana u mill-Federazzjoni Biblika Kattolika (FBC), għal
l-okażjoni ta’ l-40 anniversarju tal-prumulgazzjoni tal-Kostituzzjoni
Dogmatika tal-Konċilju Vatikan II dwar ir-Revelazzjoni Divina “Dei
Verbum”.
Benedittu XVI irringrazzja bis-sħiħ lill-FBC għal l-attivitajiet
tagħha, fosthom dawk pastorali Bibliċi li tippromwovi, il-mod fidil li
żżomm mat-tagħrif tal-Magisterium, u l-mod miftuħ ta’ kollaborazzjoni
ekumenika li żżomm fejn għandha x’taqsam il-Bibbja. Il-Papa fisser
il-ferħ profond tiegħu għall-preżenza ta’ delegati, li hu sejħilhom,
ħutna, minn Knejjes u komunitajiet ekklezjali mil-Lvant u
l-Punent, flimkien ma’ rappreżentanti ta’ reliġjonijiet kbar oħra
tad-dinja.
Wara li fakkar fis-sehem tiegħu, bħala teologu żgħażugħ, waqt
il-preparazzjoni ta’ “Dei Verbum”, il-Papa fakkar li l-Knisja
ma tgħixx fuqha infisha imma mill-Vanġelu, u li hi dejjem u kull waqt
timxi l-mixja tagħha fuq dak li hemm fl-istess Vanġelu. “Dan hu”,
kompla l-Papa, “li għandu jagħmel kull Kristjan...l-ewwel
tisma’ l-kelma u mbagħad ixxandarha”. “Il-Knisja u l-Kelma t’Alla”
żied jgħid il-Qdusija Tiegħu, “qatt ma
jistgħu jinfirdu għax il-Knisja tgħix bil-Kelma t’Alla u l-Kelma
t’Alla tixxandar mill-Knisja li tgħallem u mill-mod kif tgħixha
l-istess Knisja.”.
Benedittu XVI kompla jitkellem dwar l-importanza tal-Kelma t’Alla kif
imfissra fil-Kostituzzjoni Dogmatika “Dei Verbum” u kif din
għenet fit-tiġdid ta’ l-istess Knisja fejn għandha x’taqsam
il-predikazzjoni, il-katekeżi, it-teoloġija, l-ispiritwalità, u
l-mixja ekumenika fiha nfisha. “Il-Knisja dejjem għandha tibqa’
tiġġedded u żżomm ruħha żgħażugħa, u l-Kelma t’Alla, li qatt ma
tixjieħ u tintemm, hija l-mod uniku biex dawn l-għanijiet jintlaħqu”
kompla l-Papa qabel ma fakkar biex isir użu tajjeb mit- “tradizzjoni
antika tal-‘Lectio Divina’, li għandha tiġi użatha bħala attività
pastorali Biblika b’metodi ġodda biex tkun tgħodd għaż-żmenijiet
tallum.”
H. Agius Ordway
|