|
HOME | ARKIVJI DINJA KATTOLIKA | EMAIL | 28 Ottubru 2005 |
![]() |
||
|
Iċ-Ċina u l‑Vatikan It‑titjib fir-relazzjonijiet bejn il-gvern ta’ Beijing fiċ-Ċina u l‑Vatikan qed inaqqas il-bżonn tal-Knisja Ċiniża ta’ taħt l-art, magħrufa bħala l-underground church. Hekk sostna artiklu li deher fir-rivista Civilta Cattolica, F’artiklu riċenti, Fr Hans Waldenfels, ġiżwita li jispeċjaliżża fir-relazzjonijiet tal-Knisja maċ-Ċina, qal li l‑Kattoliċi Ċiniżi qed jaħdmu bis-sħiħ biex itemmu l‑firda bejn il-Knisja ta’ taħt l-art li hi leali lejn is-Santa Sede u l-Knisja uffiċjali li hi mmexxija mill-Assoċjazzjoni Kattolika Patrijottika kkontrollata mill-gvern. Jidher li saret prassi li saċerdoti magħżula bħala Isqfijiet mill‑Knisja ‘uffiċjali’ jfittxu rikonoxximent mill-Vatikan. Il-Gvern Ċiniż iqis il-ħatra ta’ l-Isqfijiet bħala xi ħaġa interna taċ-Ċina, waqt li l-Vatikan iqisha ħaġa interna tal-Knisja. Fr Waldenfels jissuġġerixxi li biex titnaqqas it-tensjoni, il-Vatikan m’għandux jaħtar Isqfijiet ġodda minflok dawk ‘mhux uffiċjali’ kif iqishom il‑gvern. Minkejja l-problemi kollha li ġejjin mill-perspettivi differenti tal-Vatikan u ta’ l-awtoritajiet taċ-Ċina rispettivament, il-politiċi Ċiniżi qed ifittxu soluzzjonijiet ġodda, u hemm indikazzjoni ċara li bdew jitfaċaw xi possibiltajiet. Minn Awissu li għadda, l-Isqfijiet kollha maħtura kellhom għarfien kemm ta’ Beijing kif ukoll tal-Vatikan. Itappan dan il-pass pożittiv kien il-fatt li għas-Sinodu ta’ l-isqfijiet li għadu kemm intemm f’Ruma nhar il-Ħadd li għadda, il-gvern Ċiniż ma ta l-ebda permess u ma ħariġx passaporti lil tlett isqfijiet li kellhom jieħdu sehem fis-sinodu ta’ Ruma. |
L-Ewwel Enċiklika tal-Papa Benedittu XVI
Vatikan: Il-Papa Benedittu XVI temm jikteb l-ewwel enċiklika tiegħu f’dan il-pontifikat. Sorsi qrib il-Vatikan qalu li din l-enċiklika hija mistennija fil-bidu ta’ Diċembru li ġej. L-istess sorsi tkellmu ma’ l-aġenzija Catholic News Service u qalu li l-enċiklika fiha madwar 46 paġna li jiffukaw fuq meditazzjoni spiritwali dwar l-imħabba u l-kelma t’Alla, u u kif dawn it-tnejn huma marbuta mal-persuna ta’ Kristu. Jirriżulta li l-Papa ħadem fuq din l-enċiklika matul il-vaganza tiegħu fix-xhur tas-sajf fir-residenza ta’ Castel Gandolfo fin-nofsinhar ta’ l-Italja. Qed jingħad li t-test ta’ l-enċiklika qed ikun ukoll tradott f’diversi lingwi, inkluż il-lingwa Ingliża. F’żewġ artikli miktuba minnu qabel il-ħatra tiegħu bħala Papa, u li kienu ppubblikati riċentament fil-magażin Communio, il-Papa Benedittu, li kien magħruf bħala l-kardinal Josef Ratsinger kien kiteb dwar ir-rabta kbira li teżisti bejn il-kelma u l-imħabba kif personifikati fi Kristu. Huwa kien enfasiżża wkoll l-importanza tal-laqgħa personali ma’ Kristu, li tqanqal l-imħabba. Fil-fatt kien qal li l-imħabba t’Alla tgħin sabiex tingħata definizzjoni korretta ta’ l-awtonomija umana. Ratsinger kien kiteb li Kristu, bħala l-logos, jiġifieri l-Kelma li saret laħam….hu lisar bniedem…jimplika r-rikonċiljazzjoni bejn ir-rivelazzjoni sopranaturali u r-raġuni. Statistika mis-Sinodu tal-Isqfijiet Fi statistika maħruġa fl-aħħar sigħat mis-segretarjat tas-sinodu, jirriżulta li n-numru ta’ ġurnalisti li irrapurtaw l-iżviluppi u dak kollu li kien qed iseħħ fis-sinodu, laħħaq is-700. 450 minn dawn kienu ġurnalisti akkredidati permanentement fl-uffiċċju stampa tal-Vatikan….260 oħra kienu korrispondenti li waslu Ruma apposta sabiex jirrapurtaw is-sinodu li beda fit-2 t’Ottubrui u li ntemm fit-23 t’Ottubru. L-istess segretarjat tas-sinodu qal li matul is-sinodu kienu ndirizzati għaxar konferenzi stampa minn ħames kelliema differenti, kull wieħed b’lingwa differenti. Il-ħames lingwi kienu l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż, l-Ispanjol u l-Ġermaniż. Tlett konferenzi ta’ l-aħbarijiet saru fil-bidu, tlieta oħra fin-nofs u l-aħħar tlieta fi tmiem l-assemblea, bil-preżenza ta’ erba’ kardinali u isqfijiet li ħadu sehem fl-istess sinodu. Is-Santa Sede ippubblikat ukoll ta’ kuljum informazzjoni dwar dak li kien qed isir u jintqal waqt id-diversi sessjonijiet. Il-bulettin tas-sinodu kien ukoll preżentat bil-ħames lingwi imsemmija. Verżjoni separata saret apposta u rrapurtat l-interventi oriġinali kif saru bil-Latin. Is-segretarjat temm jgħid li ta’ kuljum tqassmu wkoll il-bulettini bl-aħħar ġabra ta’ informazzjoni u tagħrif meħtieġ għall-meżżi ta’ l-istampa, liema tagħrif tpoġġa wkoll ta’ kuljum fuq is-sit ta’ l-internet www.vatican.va li huwa s-sit uffiċjali tal-Vatikan. Interessanti li wieħed jgħid li matul il-jiem tas-sinodu ta’ l-isqfijiet f’Ruma, aktar minn 710,000 persuna aċessaw is-sit tal-Vatikan sabiex jiksbu tagħrif dwar dak kollu li kien qed jingħad fis-sinodu. Appell imqanqal għal spirtu ħaj ta’solidarjetà Belġju: L-isqfijiet tal-Belġju għamlu appell imqanqal għal spirtu ħaj ta’solidarjetà mal-kattoliċi milquta mid-diżastri naturali riċenti fir-reġjuni ta’ El Salvador, fil-Honduras, fil-Gwatemala u fil-Pakistan. L-Isqfijiet ma naqsux milli jappellaw ukoll sabiex issir karita ma’ dawn kollha, karita mhux biss permezz ta’ għotjiet materjali, iżda wkoll permezz tat-talb għall-eluf ta’ persuni milquta minn dawn id-diżastri. Fil-messaġġ tagħhom, l-isqfijiet tal-Belġju talbu lill-komunita kattolika sabiex ma tibqax indifferenti quddiem dawn is-sofferenzi. Fil-ħafna djoċesijiet Belġjani, l-isqfijiet diġa ddedikaw fondi tal-Caritas internationalis sabiex jintużaw għall-għajnuna meħtieġa f’dawn is-sitwazzjonijiet ta’ diżastru. Qed ikunu organiżżati wkoll vġili ta’ talb f’diversi parroċċi u knejjes lokali. |
|