HOME          |          ARKIVJI DINJA KATTOLIKA          |          EMAIL          |                                                     26 Diċembru 2005

Kitba u produzzjoni tar-rubrika 'MID-DINJA KATTOLIKA' - Karl Wright - ġurnalist ta' RTK.   Ir-Radju RTK jittrażmetti fuq il-frekwenza 103MHz FM Stereo. Ir-rubrika tixxandar kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa għall-ħabta tas-7.25pm, b'ripetizzjoni l-għada fil-5.35am.

Ħajr u Awguri lill-RTK

Id-direzzjoni ta’ din il-website tixtieq li fil-waqt li turi l-apprezzament tagħha lill-istazzjon tar-Radju, RTK għall-għajnuna tagħhom fil-ġabra ta’ aħbarijiet li jidhru fil-paġna, Mid-Dinja Kattolika, tixtieq tawgura lid-Diretturi u l-Ħaddiema kollha ta’ dan l-istazzjon l-isbaħ xewqat għal żmien il-Milied u għas-Sena 2006.

Il-ħajr u l-apprezzament tagħna jmur b’mod partikulari lill-ġurnalista, Karl Wrigħt u lill-Kap tal-Kamra ta’ l-Aħbarijiet Leonard Callus.


Messaġġ tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca

Furjana: Lokalment…ir-ragħaj tal-Maltin ukoll ingħaqad mal-kumplament tal-Knisja Kattolika fiċ-ċelebrazzjonijiet tat-twelid tal-Messija. Fil-messaġġi tiegħu lid-djoċesi Maltija, l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca enfasiżża ħafna fuq il-ħtieġa li l-poplu Malti jibqa’ jgħożż il-valuri, speċjalment dak tal-Familja u s-soildarjeta ma’ kulħadd, kif ukoll enfasiżża l-importanza tar-rispett lejn id-dinjita ta’ kull bniedem, anke jekk dan hu immigrant.

Ara l-Messaġġ tal-Arċisqof


Ħdax-il kors dwar il-formazjoni tal-kleru

Lima: Bejn is-16 ta’ Jannar u t-3 ta’ Frar fil-Peru se jsir il-ħdax-il kors li jiffoka fuq il-formazjoni tal-membri tal-kleru. Dan il-kors evanġeliku se jkun qed isir f’Lima fil-Peru bil-għan li l-parteċipanti jingħataw tagħrif imġedded dwar kwistjonijiet liturġiċi abbażi studji spiritwali u pastorali. Huwa wkoll il-ħsieb li s-saċerdoti jingħataw aktar taħriġ dwar kif jippreservaw l-għaqda ma’ ħuthom is-saċerdoti, u dan minkejja l-ħafna ħidmiet pastorali tagħhom li xi drabi ma jħallulhomx ħin għalihom infushom.

Il-kors huwa organiżżat mill-Kummissjoni għall-kleru fi ħdan il-konferenza episkopali Peruvjana u hu miftuħ għas-saċerdoti kollha tal-pajjiż. Il-programm jinkludi jum ta’ rtir li matulu is-saċerdoti jkunu mħeġġa jirriflettu dwar il-missjoni saċerdotali tagħhom. Fil-jiem ta’ wara, sakemm jintemm il-kors, se jsiru konferenzi differenti li se jiffukaw dwar aspetti varji tal-ministeru saċerdotali fil-kuntast ta’ l-evanġeliżżazzjoni l-ġdida.


 

 

 

ALLA HU IMĦABBA

Pubblikazzjoni ta’ l-Enċiklika ġdida

Vatikan: L-Attivitajiet tal-Papa Benedittu XVI f’dawn il-jiem ta’ festi, se jissuktaw kif inhu skedat.

Fuq quddiemnett ta’ l-aġenda tiegħu, minbarra t-tislima u l-messaġġ tiegħu fl-okkażjoni tal-ftuh tas-sena l-ġdida, Benedittu XVI għandu l-pubblikazzjoni ta’ l-enċiklika li kiteb hu stess fl-aħħar xhur.

Dan kien ikkonfermat mill-kelliem għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan Joaquin Navarro Valls li ħabbar ma’ l-aġenziji ta’ l-aħbarijiet ANSA u Apcom li d-dokument li se jniedi l-Papa jismu Deus Caritas Est li tfisser ALLA HU IMĦABBA. Navarro Valls qal li l-Papa ffirma dan id-dokument nhar il-Milied.

Id-deċiżjoni li dan id-dokument jinħareġ fil-pubbliku  f’Jannar ittieħdet minħabba li l-Papa, f’dan il-perjodu, qed iniedi dokumenti oħra. Fosthom il-messaġġ tal-Milied u l-messaġġ fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Paċi, imfakkar fl-ewwel ta’ Jannar. Kien il-Papa nnifsu pero li ddeċieda li jipposponi l-ħruġ ta’ din l-enċiklika l-ġdida għal Jannar L-ewwel abbozz ta’ din l-enċiklika, li kiteb bil-Ġermaniż, tlesta matul is-sajf li għadda matul il-vaganzi tiegħu fl-Alpi Taljani, f’Valle D’Aosta.

Intant, matul is-26 sena li għaddew, u allura, matul il-pontifikat sħiħ tal-Papa Ġwanni Pawlu II, kienu ppubblikati 14-il enċiklika minn Carol Woytila.


Il-bniedem qed jirriskja jisfa’ vitma tas-suċċessi tiegħu stess

Pjazza San Pietru, Ruma: Intant, kif wieħed seta’ jsegwi mill-aħbarijiet ewlenin nhar il-Milied, il-Kap tal-Knisja Kattolika ħa sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet ewlenin tal-Knisja fil-festa tat-twelid ta’ Ġesu' Bambin.

Aktar tard, jiġifieri meta f’nofsinhar deher mit-tieqa ta’ l-istudju tiegħu li tagħti għall—Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa Benedittu XVI ta għal darba oħra messaġġ ta’ paċi.

Il-Papa Benedittu XVI fl-ewwel messaġġ tiegħu tal-Milied jappella għall-paċifid-dinja u jagħti l-awguri f’ diversi lingwi differenti fosthom il-Malti.

Il-Papa Benedittu XVI mill-ġdid għamel appell għal paċi fid-dinja. Il-Kap tal-Knisja Kattolika wassal dan il-messaġġ qabel ma ta l-barka tiegħu URBI et ORBI fl-okkażjoni tal-festa tal-Milied. Fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa qal li l-messaġġ ta’ din il-festa huwa stedina għad-dinja sabiex tilqa’ lis-salvatur, l-aktar fid-dinja tal-lum, karatteriżżata mit-teknoloġija u l-progress.

Il-Papa semma l-kisbiet miksuba fil-kamp xjentifiku fis-seklu li għadu kif għadda, u wissa li l-bniedem qed jirriskja jisfa’ vitma tas-suċċessi ta’ l-intelliġenza tiegħu, u jispiċċa fi spiritwalita li ma tiswa għal xejn u vojt f’qalbu.

Fi kliemu, il-Milied hu stedina wkoll għal kull bniedem sabiex iħalli lil Ġesu jdawwal il-ħajja tiegħu. Il-Papa ma naqasx milli jaċċenna għall-importanza tal-valuri tal-familja u għall-ħtieġa universali li jkunu missielta l-problemi tal-faqar, it-terroriżmu, l-użu ta’ l-armi u l-ġlied.

Benedittu XVI rrefera għal pajjiżi differenti fejn tinħass il-ħtieġa ta’ aktar paċi li tgħaqqad il-komunitajiet tal-popli flimkien. Semma wkoll il-ħtieġa li wieħed jitlob lil Marija omm Ġesu Bambin, omm il-paċi. Huwa talab għal dawk li qed jaħdmu għal paċi u kontra l-gwerrer fl-Afrika, fl-Asja u sabiex ikun hemm is-sliem fl-Amerika Latina.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Papa ta’ l-awguri tiegħu tal-Milied fi tnejn u tletin (32) lingwa differenti fosthom bil-Malti.
Fi Pjazza San Pietru, eluf ta’ nies ħafna minnhom tfal minkejja x-xita dehru ferħana jsellmu u jisimgħu b’entużjażmu lill-Papa jagħti l-messaġġ tiegħu tal-Milied.

Fir-ritratt tal-Catholic Press Photo il-Papa Benedittu XVI jidher qed jagħti l-barka Urbi et Orbi - lill-belt ta' Ruma u lid-dinja kollha.