Fl-ewwel
kitba tiegħi, O Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien
għamel u għallem mill-bidu sal-jum li fih kien meħud fis-sema,
wara li bl-Ispirtu s-Santu wissa lill-appostli li hu kien għażel.
Lil dawn hu deher ħaj wara mewtu b’xhieda sħiħa għalih innifsu,
billi dehrilhom għal erbgħin jum u kellimhom fuq is-Saltna ta’
Alla. Waqt li kien magħhom, qalilhom biex ma jitilqux minn
Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew isseħħ il-wegħda tal-Missier.
“Fuq din,” qalilhom, “smajtuni nkellimkom: li Ġwanni għammed
bl-ilma, imma intom titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu fi ftit jiem
oħra.”
Għalhekk, xħin kienu flimkien, staqsewh, “Mulej, hu dan iż-żmien
li fih int se terġa’ twaqqaf is-saltna ta’ Israel?” Hu weġibhom:
“Mhix biċċa tagħkom li tkunu tafu l-jiem u ż-żmien li l-Missier
żamm fis-setgħa tiegħu. Imma intom tiksbu qawwa, meta jiġi fuqkom
l-Ispirtu s-Santu. U tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija
kollha u s-Samarija, u sa truf l-art.”
Wara
li qal dan, kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu lejh, u
sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom. Hu u tiela’ ’l fuq huma
kienu jħarsu b’għajnejhom iċċassati lejn is-sema, meta f’daqqa
waħda ġew ħdejhom żewġt irġiel bi lbies abjad, li qalulhom:
“Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li
ttieħed minn magħkom lejn is-sema, hekk għad jerġa’ jiġi kif
rajtuh sejjer.”
|
SALM RESPONSORJALI
Salm 46
|
Tela’
l-Mulej b’għajat ta’ ferħ.
Ċapċpu idejkom,
intom ġnus kollha,
ifirħu b’Alla,
għajtu u għollu leħinkom!
Għax il-Mulej, il-Għoli,
hu tal-biża’,
hu Sultan kbir fuq
l-art kollha.
R/.
Tela’
l-Mulej b’għajat ta’ ferħ,
il-Mulej
bid-daqq tat-trombi.
Għannu lill-Mulej, għannu,
għannu lis-Sultan tagħna, għannu! R/.
Għax
hu s-Sultan ta’ l-art kollha:
għannu bis-sengħa lil Alla!
Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,
Alla qiegħed fuq it-tron imqaddes tiegħu.R/.
|

|
IT-TIENI QARI
Efesin 1:17-23
|
Ħuti: Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja,
jagħtikom spirtu ta’ għerf u rivelazzjoni biex tagħarfuh, u
jdawlilkom il-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħarfu x’inhi t-tama
tas-sejħa tagħkom, x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt tiegħu
mal-qaddisin, u x’inhu l-kobor bla qjies tas-setgħa tiegħu
fina li emminna, skond il-ħila tal-qawwa kbira tiegħu li wera
fi Kristu, meta qajmu mill-imwiet u qiegħdu fil-lemin tiegħu
fis-smewwiet, ’il fuq minn kull Saltna u Setgħa, minn kull
Qawwa u Ħakma, ’il fuq minn kull isem li jissemma, mhux biss
għaż-żmien ta’ issa, imma wkoll għalli ġej.
U hu
qiegħed kollox taħt riġlejh, u għamlu Ras fuq il-Knisja kollha, li
hi l-Ġisem tiegħu, il-Milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox.
Hallelujah. Halleluljah.
Morru
għallmu l-Ġnus kollha, jgħid il-Mulej;
jiena
magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.
Hallelujah.
|
|
L-EVANĠELJU
Mattew 28:19-20
|
F’dak iż-żmien: il-Ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u
marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh,
inxteħtu quddiemu; imma xi wħud iddubitaw.
Ġesù
resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u
fl-art. Morru, mela, għallmu l-ġnus kollha, u għammduhom fl-Isem
tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom
iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem,
sa l-aħħar taż-żmien.”
Nistgħu ngħidu li l-qari tal-lum iffakkarna f’numru ta’
siltiet oħra li jħabbru dan il-mument....
Ġesù, li kien ġie
minn għand Alla u kienn sejjer għand Alla... (Ġw 13:3)
Sejjer inħejjilkom
post fejn toqgħodu. (Ġw 14:2)
Min jemmen fija, hu
wkoll għad jagħmel l-opri li qed nagħmel jien, u akbar minnhom għad
jagħmel, għax jien sejjer għand il-Missier. (Ġw 14:12)
Ma nħallikomx
iltiema. (Ġw 14:18)
Kieku kontu
tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier. (Ġw 14:28)
Meta jiġi d-Difensur
li se nibgħatilkom mingħand il-Missier... (Ġw 15:26)
Il-Ħdax-il dixxiplu ..... kif raw lil Ġesù, inxteħtu quddiemu; imma
xi wħud iddubitaw.
Fid-dubji
tiegħi spiss inġib quddiem għajnejja dan il-vers u nagħmel kuraġġ
għaliex jekk l-appostli, wara tliet snin jiġru ma’ Ġesù kien
fadlilhom id-dubji tagħhom, kemm aktar jien?
Ġesù
resaq ikellimhom...
Kultant
ngħir għalihom. Kemm kienu iffurtunati l-appostli ngħid bejni u
bejn ruħi. Ġesù nnifsu jitkellem magħhom. Imma forsi lili u lilek
mhux ukoll ikellimna? Qatt smajtu jkellmek? Forsi l-istorbju ta’
madwarek, u dak ta’ ġo fik ma ħallewkx tisimgħu. Erġa pprova. Ibqa
pprova u tara kif tisimgħu.
U
ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.
Magħna? Dejjem? Sa l-aħħar?
Anke miegħi? Imma jiena ma narahx! Fejnu?
Mulej, jekk inti
miegħi, jiena għaliex mhux qed narak? Nitolbok iftaħli għajnejja
ħalli jiena wkoll nibda narak. Jiena wkoll nintebah li inti miegħi
– dejjem u sa l-aħħar taż-żmien.
|