|
L-EWWEL QARI
Atti
10: 34a, 37-43 |
F’dak iż-żmien: Pietru qabad jitkellem u qal: “Intom tafu b’dak li
ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni xandar
il-magħmudija: kif Alla kkonsagra ’l Ġesù ta’ Nażaret bl-Ispirtu
s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u
jfejjaq ’il dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien
miegħu.
U
aħna xhieda ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u
f’Ġerusalemm. Tawh il-mewt billi dendluh ma’ salib. Imma Alla
qajmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil
kulħadd, imma lilna, bħala xhieda li Alla għażilna minn qabel,
aħna li miegħu kilna u xrobna wara li qam mill-imwiet. Lilna
ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li hu dak li ġie
magħmul minn Alla imħallef tal-ħajjin u tal-mejtin.
Għalih jagħtu xhieda l-profeti kollha: li kull min jemmen fih
jaqla’ f’ismu l-maħfra tad-dnubiet.
|
SALM RESPONSORJALI
Salm 117
|
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej: ħa nifirħu u nithennew fih.
Hallelujah.
Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax it-tjieba għal dejjem!
Ħa jgħid Israel:
It-tjieba tiegħu għal dejjem!
R/.
Il-leminija tal-Mulej marret minn fuq,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!
Ma mmutx, imma ngħix,
u
nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.
R/.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
R/.
|
IT-TIENI QARI
Kol 3: 1-4 jew
1 Kor 5, 6b-8
|
Ħuti: Jekk intom irxoxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ
tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu
fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk ta’ l-art.
Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu
f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom
ukoll tidhru flimkien miegħu fis-sebħ.
jew....
Ħuti: Ma tafux li ftit ħmira ttella’ l-għaġna kollha? Naddfu ’l
barra l-ħmira l-qadima ħa tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira.
Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul. Nagħmlu festa,
mela, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u
tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.

Ħa jgħollu l-insara b’tifħirhom
il-Vittma tal-Għid:
għax feda l-Ħaruf in-ngħaġ tiegħu
mill-jasar tal-mewt;
Ġesù reġa’ ħabbeb il-midneb
ma’ Alla l-Missier.
F’taqbida tal-għaġeb mal-Ħajja
inqerdet il-Mewt;
u
qam Sid il-ħajja mill-qabar,
isaltan rebbieħ.
Għidilna, Marija, ħabbrilna:
Fit-triq ’il min rajt?
“Jien rajt qabar Kristu li rxoxta
fis-sebħ tal-qawmien;
rajt l-Anġli li ġew jagħtu xhieda,
il-faxxa, l-liżar.
Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi,
li fih ittamajt!
Mar hu l-Galilija qabilkom:
hemmhekk se tarawh.”
Oh, nemmnu li llum Kristu rxoxta
tassew mill-imwiet!
Int mela, Sultan, ħenn għalina,
O
Kristu rebbieħ.
Amen! Hallelujah!
|

HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Il-Ħaruf
tal-Għid tagħna,
li
hu Kristu, hu maqtul:
nagħmlu mela festa fil-Mulej.
Hallelujah.
Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam,
u Marjam ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata
mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru
u għand id-dixxiplu l-ieħor il-maħbub ta’ Ġesù , u qaltilhom:
“Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh.”
Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn
ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru, u
laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel
mixħutin hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru,
daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel mixħutin, u l-maktur li
kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mgeżwer u mixħut
għalih.
Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar,
daħal wkoll, ra, u emmen.
Sa
dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li kienet tgħid li
kellu jqum mill-imwiet.
Fil-Quddiesa ta’ filgħaxija ta’ llum jista’ jinqara l-Evanġelju li
ġej.....
Lq 24, 13-35
Dak
in-nhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa tnejn mid-dixxipli kienu
sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, sittin stadju ’l bogħod minn
Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u
jitħaddtu u jistaqsu ’l xulxin, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’
miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux
jagħrfuh.
U
hu qalilhom: “X’intom titħaddtu bejnietkom intom u mexjin?” U huma
waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuqhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu
Kleofa, wieġeb u qallu: “Int waħdek f’Ġerusalemm il-barrani li ma
tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”
“X’ġara?” staqsiehom. Qalulu: “Fuq Ġesù ta’ Nażaret, li kien
profeta, setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu
kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh biex ikun
ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien
dak li kellu jifdi lil Israel; iżda mbagħad fuq kollox, ġa għaddew
tliet ijiem fuq din il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna
ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-ġisem tiegħu ma sabuhx,
u ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj.
Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif
kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”
Imbagħad qalilhom Ġesù: “Kemm intom bla għaqal u moħħkom tqil biex
temmnu dak kollu li qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jgħaddi
minn dawn il-ħwejjeġ u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn
Mosè u l-profeti kollha ifissrilhom kull ma kien hemm fuqu fl-Iskrittura.
Meta qorbu ħdejn ir-raħal fejn kienu sejrin, hu għamel tabirruħu li
se jibqa’ sejjer ’il bogħod. Iżda huma riedu jżommuh u qalulu:
“Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex
jispiċċa.” Imbagħad daħal joqgħod magħhom.
U
waqt li kien fil-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qasmu u tahulhom.
Għajnejhom imbagħad infetħulhom u għarfuh, iżda hu kien għab minn
quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinetx imħeġġa
qalbna ġewwa fina waqt li kien qiegħed ikellimna fit-triq u
jfissrilna l-Iskrittura?”
Dak
il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu l-Ħdax u ’l
sħabhom miġburin flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u
deher lil Xmun!”
U
huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq u kif għarfuh fil-qsim
tal-ħobż. |
Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam....
L-Evangelista Ġwanni, tul l-evanġelju tiegħu joħloq analoġija
interessanti bejn ir-rakkont li jatgħti u l-jiem tal-ħolqien
hekk kif rakkontati fil-Ġenesi. “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema
u l-art u kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ
l-abbissi..... U Alla qal: ‘Ħa jkun id-dawl.’ U dawl sar.... u
dalam u sebaħ – L-ewwl jum.”
(Ġen 1:1-2)
Anke hawn
Ġwanni jerġa jfakkarna li kien id-dlam, l-istess kif qalilna
li kien id-dlam f’dak il-ħin meta Ġuda ħareġ miċ-ċenaklu biex
jagħti bidu għall-ġrajja tal-passjoni. (Ġw
13:30). Donnu l-Evanġelista
jrid jurina li minn dak il-mument sa issa, tul il-ġrajja
kollha tal-passjoni u l-mewt ta’ l-Imgħallem, kien mument ta’
dlam. Kien bil-lejl. Imma issa, f’dan l-ewwel jum ta’ ġimgħa
ġdida, sebaħ jum ġdid, it-tmien jum, il-jum li fih Kristu, li
huwa l-veru dawl tagħna qam glorjuż u rebbieħ fuq il-mewt u
fuq il-ħażin.
“Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn
qegħduh.”
Min? U għalfejn? Huwa ġisem mejjet, imfarrak u flaġġellat
għandu bżonnu xi ħadd? Imma Ġesù m’għadux iktar mejjet. Huwa
ħaj. M’għandu bżonn lil ħadd biex jaqilgħu mill-qabar. Kien
huwa stess li ħareġ rebbieħ u glorjuż.
Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ġrew
flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru, u
laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel
mixħutin hemm, iżda ma daħalx.
Fil-mixja tal-fidi mhux kollha nimxu bl-istess pass. Ikun
hemm min iħaffef aktar mill-ieħor. Imma għax aħna Knisja,
mhux individwi mexin kulħadd għal rasu, irridu nistennew lil
xulxin ħalli nwieżnu lil xulxin u hekk l-aħħar pass nagħmluh
flimkien.
Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex
tal-għażel mixħutin, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma
kienx mal-faxex, imma mgeżwer u mixħut għalih.
Min jaf x’fissret għal Pietru dik id-daħla tiegħu fil-qabar ta’
Kristu ftit siegħat wara li kien ċaħdu u ħalef li ma jafux?
Min jaf x’ħass f’qalbu? Xi ħsibijiet ġew f’moħħu, l-aktar
meta lemaħ il-qabar vojt?
U jekk tassew kien kif ħasbu n-nisa, li “qalgħu l-Mulej mill-qabar,
u ma nafux fejn qegħduh”, allura kif tispjega il-faxex u l-maktur
li kien imkeffen fihom. Min hu dan li qabel jisraq ġisem
mejjet, joqgħod ineħħilu minn fuqu il-kefen tiegħu?
Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar,
daħal wkoll, ra, u emmen.
Ra u emmen! X’ra? Qabar vojt? il-faxex mixħuta fil-ġenb?
Kemm drabi il-Mulej jagħtina sinjali biex jgħina nsaħħu l-fidi
tagħna u aħna bil-kemm nintebħu bihom! Kemm sinjali madwarna
juruna bil-kobor tal-għemejjel ta’ Alla!
Imma minkejja kollox ....
Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li kienet
tgħid li kellu jqum mill-imwiet.
Bir-raġun... għax l-Ispirtu s-Santu kienu għadhom ma rċevewh.
Kellu jkun l-Ispirtu s-Santu li kif qalilhom Ġesù, “Meta jiġi
hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għal verità kollha.”
(Ġw 16:13)
|