|
“SALVAW LIT-TARBIJA!” “L-imħabba hi l-isbaħ
sentiment li Alla ħawwel fir-ruħ tar-raġel u l-mara” Jikteb Harry Agius Ordway. (Meħud mir-rivista FLIMKIEN) Din is-sentenza meħuda
minn ittra li Gianna Beretta Molla kienet kitbet lill-għarus tagħha
Pietro – li aktar tard sar żewġha – ġiet ikkwotata mill-Papa
Ġwanni Pawlu II dakinhar li ddikjarha qaddisa fis- 16 ta’ Mejju 2004. U għaliex, mara
miżżewġa li għexet ħajjitha bl-aktar mod normali,
saret qaddisa? Għaliex mhux biss
mietet b’eroiżmu kbir imma wkoll għexet u baqgħet fidila lejn
il-wegħda li tat dakinhar taż-żwieġ tagħha. Is-sagrifiċċju
kbir li bih tat ħajjitha huwa xhieda li dawk biss li għandhom
il-kuraġġ li jagħtu lilhom infushom totalment lil Alla u
lill-oħrajn, jistgħu jaslu biex jirrealizzaw bl-aktar mod
sħiħ lilhom infushom. Gianna Beretta twieldet
f’Magenta, qrib Milan, fl- 4 ta’ Ottubru, 1922. Minn meta kienet żgħira
għexet ir-rigal tal-fidi kbira li kellha, xhieda tat-trobbija Nisranija
li kisbet mingħand il-ġenituri tagħħa. B’riżultat
ta’ dan, Gianna kienet tħares lejn il-ħajja bħala rigal
meraviljuż minn Alla. Hija kellha fidi qawwija fil-providenza u kienet
aktar minn ċerta mill-bżonn tat-talb u l-effett tiegħu. Għalkemm matul is-snin
tagħha fis-sekondarja u l-Università ħadet b’serjetà kbira
l-istudju tagħha hija baqgħet tagħti sehemha fix-xogħol
maż-żgħażagħ ta’ l-Azzjoni Kattolika. Barra dan, bħala
membru fis-Soċjetà ta’ San Vinċenz de Paule, Gianna kienet tgħin
lill-anzjani u lil dawk fil-bżonn. Wara li ggradwat bħala tabiba u
kirurga mill-Università ta’ Pavia fl- 1949, hija fetħet klinika f’Mesero,
qrib Magenta. Speċjalizzat fil-Pedjatrija fl-Università ta’ Milan tliet
snin wara b’attenzjoni speċjali lejn l-ommijiet, it-trabi, l-anzjani u
l-fqar. Xogħolha f’dan
ikl-qasam tant ħaditu bħala missjoni li l-ħidma tagħha
fl-Azzjoni Kattolika, l-aktar qalb iż-żgħar, żdiedet ħafna.
Fl-istess waqt kienet tgawdi l-ħajja u l-ħolqien billi tiskijja u
tixxabbat mal-muntanji. Fit-talb kienet irriflettiet u ħasset li l-vokazzjoni
kienet dik li tiżżewweġ u tibni familja verament Nisranija. Matul l-għerusija
tagħha ma’ Pietro Molla tant kienet tħossha ferħana li ma
kienx jgħaddi waqt li ma kenitx tirringrazzja ‘l Alla għal daqstant
ferħ. Pietro u Gianna żżewġu fl- 24 ta’ Settembru, 1955
f’Magenta stess. F’Novembru ta’ wara welldet lil Pierluigi. Tfal oħra ġewhom
f’perjodu qasir: f’Diċembru ta’ wara twieldet Mariolina u f’Lulju ta’ l-
1959 kellhom lil Laura. Gianna issa kienet tħossha tassew ferħana u
li rrealizzat lilha nnifisha bl-aktar mod sħiħ. Gianna rat kif għamlet
kif taqdi d-dmirijiet tagħha bħala omm, flimkien ma’ dawk bħala
mara miżżewġa u tabiba, bl-entużjażmu ta’ waħda
li trid tgawdi kull mument li toffrilha l-ħajja. F’Settembru ta’ l-1961,
fit-tieni xahar tat-tqala tagħha, bdiet tbati minn uġigħ: kienet
tfaċċat fibroma fl-utru u kellha bżonn ta’ operazzjoni. Imma
peress li din l-operazzjoni setgħet twaqqaf it-tqala, Gianna insistiet
mal-kirurgu biex isalva lit-tarbija li kellha fil-ġuf. Min-naħa
tagħha afdat lilha nfisha fit-talb u fil-Providenza. Il-ħajja Gianna kienet
tħobbha, imma kienet tħobbha fl-aktar sens sħiħ
tagħha. Hija rringrazzjat lill-Mulej li ħajjet it-tarbija kienet ġiet
salvata. Matul is-seba’ xhur ta’ wara hija wriet kuraġġ kbir u baqgħet
taqdi d-dmirijiet ta’ omm u ta’ tabiba qisu baqa’ għaddej kollox normali
– għalkemm il-ħin kollu titlob lill-Mulej biex it-tarbija ma tgħaddi
minn l-ebda tbatija meta jasal il-ħin li titwieled. Ftit jiem qabel il-ħlas
stqarret li kienet lesta tagħti ħajjitha għat-tarbija: “Jekk tiġu biex tagħżlu
bejni u bejn t-tarbija, toqogħdux taħsbuha. NInsisti: salvaw
it-tarbija! ” Fl-għodwa tal- 21 ta’
April, 1962, twieldet Gianna Emanuela. Għalkemm sar aktar milli wieħed
seta’ jagħmel biex jiġu salvati l-omm u t-tarbija, Gianna mietet
sebat ijiem wara. Fl-aħħar jiem kienet il-ħin kollu
tgħid: “Ġesù nħobbok.
Ġesù nħobbok. “ Kien għad kellha biss 39 sena. Il-funeral
tagħha kien okkażjoni ta’ qsim il-qalb profond imma fl-istess ħin
ta’ fidi u ta’ talb. Jalla aħna wkoll nerġgħu
nsibu sens fis-safa, fil-kastità, u fis-sbuħija ta’ l-imħabba – hi
x’inhi s-sejħa tagħna fil-ħajja. |