IL-GWARDJI SVIZZERI
Minn Harry Agius Ordway Matul dan l-aħħar xahar jew
ftit aktar żgur li smajna u rajna aktar minn qatt qabel dak kollu li
kien qed jiġri ġewwa l-Belt tal-Vatikan! U trid jew ma tridx xi wieħed jew aktar mill-Gwardji Svizzeri
rajna żgur u dan minkejja l-fatt li qatt ma kienu protogonisti. Intant, nhar
il-Ġimgħa, 6 ta’ Mejju fil- 5.00 ta’ wara nofsinhar fil-bitha
kbira, msemmija għal San Damaso, miksija b’madum sabiħ antik, li
ddawwar il-Palazz Appostoliku, 31 rekluta ġdid ser jieħdu l-ġurament
bħala Gwardji Svizzeri Pontifiċji quddiem membri tal-Kurja Rumana,
rappreżentanti diplomatiċi, u awtoritajiet ċivili u
reliġjużi mill-Isvizzera. Ħamsa u għoxrin minnhom ser
jieħdu il-ġurament bil-Ġermaniż, erbgħa bil-Franċiż,
wieħed bit-Taljan, u ieħor bir-Romanesk. Għal din iċ-ċelebrazzjoni,
ibda mill-Kmandant sa l-iżgħar halberdier
tal-110 membru tal-korp, ilkoll Gwardji Svizzeri, ser ikunu fl-aqwa dehra tagħhom. Ta’ min jgħid li
l-Gwardja Svizzera Pontifiċja twaqqfet mill-Papa Ġulju II fl- 1506
bħala korp li jiddependi direttament mis-Santa Sede, bid-dmir prinċipali tagħhom ikun li
jiddefendu il-persuna tal-Papa u l-Palazzi Appostoliċi. Nhar il-Ġimgħa,
6 ta’ Mejju, fis-7.30 ta’ filgħodu jkun hemm Quddiesa fil-Bażilka
ta’ San Pietru għall-Gwardji Svizzeri u membri tal-familji tagħhom
u ħbieb. Fid-9.00, l-Arċisqof Leonardo Sandri jqassam
dekorazzjonijiet militari lill-membri tal-Korp, u l-Kmandant tal-gwardji
jpoġġi girlanda tar-rand fuq il-monument li jfakkar il-gwardji
mejta. Ta’ min jgħid li s-6 ta’ Mejju hu l-jum tal-ġurament għall-gwardji
ġodda għaliex f’dak il-jum, fl-1527, 147 membru mill-189 Gwardji
Svizzeri kienu tilfu ħajjithom waqt is-Sakkeġġ ta’ Ruma meta
kienu qed jiddefendu lill-Papa Klement VII u lill-Knisja mill-qilla
tat-truppi ta’ l-Imperatur Karlu V. Intant il-Kappillan
tal-Korp jaqra dan il-ġurament: “Jiena
naħlef li fedelment, lealment, u onorabilment naqdi lill-Papa Benedittu
XVI u lis-suċċessuri leġittimi tiegħu, u anki li
niddedika lili nnifsi lilhom b’saħħti kollha, anki li nasal biex
nissagrifika ruħi għalihom waqt li nkun qed niddefendihom. Jien nagħmel
l-istess wegħda lill-Imqaddes Kulleġġ tal-Kardinali kull meta
s-Sede jkun battal. Barra dan nwiegħed lill-Kmandant u lis-superjuri l-oħra
tiegħi rispett, fedeltà, u ubbidjenza. Dan kollu naħlef! Nitlob ‘l
Alla u lill-Padruni Qaddisa tiegħi jgħinnuni.” Imbagħad kull
rekluta jiġi msejjaħ b’ismu u, bl-ilsien tiegħu, jikkonferma
l-ġurament. Il-qaddisin padruni tal-Gwardji Svizzeri Pontifiċji
huma San Martin, San Bastjan, u San Niklaus von Flue, “difensur tal-paċi u missier il-Patrija.” Tajjeb li ngħidulkom
xi trid biex issir Gwardja Svizzeru: trid
tkun Svizzeru Kattoliku ta’ taħt it-30 sena, għażeb, itwal
minn 174ċentimetru (5piedi u 8pulzieri), b’diploma professjonali jew bi grad
sekondarju jew xi grad ieħor
tali.Trid tkun ukoll għaddejt kors fl-iskola Militari Svizzera. Dawn
il-gwardji jgħixu ġewwa l-Belt tal-Vatikan u l-inqas servizz li
jridu jagħtu hu ta’ sentejn. |