L-EWWEL QARI

Is 58: 7-10

Dan igħid il-Mulej: Aqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, daħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf, libbes lil min hu għarwien, u n-nies ta’ darek tinsiehomx.

Imbagħad ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek, u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek. Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek, u l-glorja tal-Mulej timxi warajk.

Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej; Jekk tgħajjatlu, igħidlek: “Hawn jien.” Jekk inti twarrab minn nofsok il-moħqrija u ma tmiddx sebgħek u ma tlissinx il-qerq, jekk taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ u xxabba’ lir-ruħ imsejkna, jiddi mbagħad id-dawl tiegħek fid-dlam, u d-dlam tiegħek ikun bħal nofs in-nhar.

SALM RESPONSORJALI

Salm 111

Rit: Bħal dawl fid-dlam jiddi l-ġust għat-tajbin.

 

Bħal dawl fid-dlam jiddi l-ġust għat-tajbin,

Twajjeb, ħanin u ġust.

Hieni l-bniedem li jħenn u jislef,

li jmexxi ħwejġu bir-reqqa.

 

Rit: Bħal dawl fid-dlam jiddi l-ġust għat-tajbin.

 

Għax il-ġust qatt ma jintemm,

it-tifkira tiegħu tibqa’ għal dejjem.

Xejn ma jibża minn aħbar ħażina,

Qalbu qawwija bit-tama fil-Mulej.           

 

Rit: Bħal dawl fid-dlam jiddi l-ġust għat-tajbin.

 

Qalbu sħiħa, ma jibżax.

Iqassam u jagħti lill-foqra;

Il-ġustizzja tiegħu tibqa’ għal dejjem,

Is-saħħa tiegħu tikber fil-ġieh.

 

Rit: Bħal dawl fid-dlam jiddi l-ġust għat-tajbin.

 

IT-TIENI QARI

1 Kor 3: 1-5

Meta jien ġejt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom ix-xhieda ta’ Alla bi kliem kbir jew għaref. Ma qistx ruħi li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief ‘il Kristu Ġesύ, u ‘l dan imsallab. U jiena ġejt għandkom dgħajjef, imbeżża’ u mriegħed; il-kelma u l-aħbar tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi tal-għerf, imma bil-wiri ta’ l-Ispirtu u l-qawwa, sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq il-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa ta’ Alla.

 

L-EVANĠELJU

Mt. 5: 13 - 16

F’dak iż-żmien: Ġesύ qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ ta’ l-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu l-imluħa tiegħu? Għal xejn iżjed ma hu tajjeb ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.

Intom id-dawl tad-dinja. Ma tistax tkun moħbija l-belt li tkun qiegħda fuq muntanja. Anqas ma jixegħlu musbieħ u jqegħduh taħt il-kejl, iżda fuq l-imnara, ħa jdawwal lil min ikun fid-dar.

Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemil tajjeb tagħkom, u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.

    KUMMENT DWAR L-EVANĠELJU

  • X’nifhmu meta ngħidu li n-nisrani għandu jkun il-melħ ta’ l-art u d-dawl tad-dinja? Id-dinja f’liema ħwejjeġ għandha bżonn id-dawl u l-melħ tagħna l-insara?

  • X’għandna nagħmlu biex inkunu tabilħaqq melħ ta’ l-art u dawl tad-dinja ta’ llum?

  • Bil-mod kif qegħdin ngħixu u naħdmu bħala individwi, bħala parroċċi u bħala djoċesi, nistgħu ngħidu li qegħdin inkunu tabilħaqq dawl ta’ Malta u tad-dinja? Jew xi drabi d-dawl tagħna naħbuh ukoll taħt il-kejl? X’nistgħu nagħmlu aħjar?

Naħsbu u Niftakru

Ġesύ huwa d-dawl veru li jdawwal kull bniedem (Ġw 1, 9). Huwa x-xemx tielgħa, u jagħti d-dawl lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt  (Lq 1, 78-79). Kristu idda fil-milja tad-dawl tiegħu dak in-nhar li rebaħ il-mewt u huwa għalhekk li dak in-nhar ta’ Sibt il-Ġħid, iċ-ċelebrant jixgħel il-blandun, igħollih u jurih quddiem kulħadd bħala d-dawl ta’ Kristu.

Fiċ-ċelebrazzjoni tal-magħmudija, f’isem it-tarbija tiegħu, il-missier jixgħel xemgħa żgħira mill-blandun. Id-dawl tal-blandun jgħaddi għand it-tarbija, għax kull min jitgħammed jibda jieħu sehem mill-ħajja u mid-dawl ta’ Kristu. B’dan id-dawl aħna nifhmu s-sens u l-iskop ta’ ħajjitna u tal-ħolqien; nagħarfu xi jrid minna Alla f’kull waqt ta’ ħajjitna u nkunu xiehda ħajjin ta’ Kristu fost d-dlamijiet ta’ l-injoranza, tal-ħażen u tal-mewt.

 

Għalhekk in-nisrani li rċieva l-ħajja u d-dawl ta’ Kristu, ma jistax iżomm dan id-dawl għalih innifsu, ma jistax iqiegħdu taħt il-kejl ta’ xi kappella. Jeħtieġ li jqiegħdu fuq l-imnara biex idawwal lil dawk kollha li jkunu fil-pjazez, fil-fabbriki, fil-każini. Bħala l-melħ ta’ l-art, in-nisrani ma jistax jibqa’  magħluq fl-armarju ta’ xi sagristija. Jeħtieġ li jidħol fil-ħajja ta’ kull jum biex waqt li jħarisha mit-taħsir, jagħtiha s-sens u t-togħma tagħha. Id-dawl li huwa rċieva, in-nisrani għandu r-responsabbiltả li jwasslu lill-oħrajn.

 

Għamlu kollox mingħajr tgemgim u mingħajr tlaqliq, ħalli tkunu nies bla għajb u safja, ulied Alla bla tebgħa f’nofs bnedmin ta’ ħajja mgħawġa u mħassra; fosthom intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb u ddawlulhom il-kemma tal-ħajja  (Fil 2, 14-16).

 

Inkunu għalhekk il-melħ ta’ l-art u d-dawl tad-dinja, mhux tant meta nibnu l-akbar knejjes, nagħmlu l-isbaħ armar, jew norganizzaw l-itwal purċissjonijiet, daqskemm meta naqsmu ħobżna ma’ min hu bil-ġuħ, indaħħlu f’darna lill-imsejkna bla saqaf, inlibbsu lil min hu għarwien u n-nies ta’ darna ma ninswehomx. Id-dawl tagħna jfeġġ bħaż-żerniq, mhux tant bil-kliem sabiħ li ngħidu fuq l-imħabba tal-proxxmu daqskemm bl-għemil u s-sagrifiċċji tagħna biex inxebbgħu lir-ruħ imsejkna u biex inwarrbu minn nofsna l-moħqrija, l-isfruttament ta’ kull xorta, l-abbuż tas-setgħa, u dak kollu li jbaxxi d-dinjitả tal-bniedem. Jeħtieġ li l-bnedmin jaraw l-għemil u mhux biss il-kliem sabiħ tagħna.