ITTRA MINN MONS. ARĊISQOF

WARA L-KUNGRESS EWKARISTIKU

 

Nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ dan ix-xahar ta’ Ġunju iċċelebrajna flimkien bis-sehem taż-żewġ djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex l-għeluq tal-Kungress Ewkaristiku Nazzjonali li kellu l-bidu tiegħu fid-29 ta’ Mejju li għadda.

Kulħadd iħoss li l-ewwel kelma li rridu nlissnu b’qalbna ferħana hija l-kelma “Grazzi”; grazzi lill-Mulej ta’ l-għajnuna li tana u għadu jrid jagħtina biex il-Kungress Ewkaristiku ikun għalina ta’ ġid spiritwali kbir.

Nixtieq nirringrazzja lil kulħadd, saċerdoti, religjużi rġiel u nisa, u lill-lajċi tat-talb, tal-preżenza tagħhom u ta’ kull xorta ta’ ħidma li taw biex seta’ jseħħ dan il-Kungress. Irrid ngħid “grazzi” speċjali lit-tfal ta’ l-Ewwel Tqarbina li kienu preżenti.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ għeluq il-Kungress Ewkaristiku spiċċaw, iżda ma għaddewx mar-riħ. It-tagħrif siewi li smajna dwar l-Ewkaristija u l-Quddiesa tal-Ħadd huma għajnuna kbira biex napprezzaw dejjem iżjed il-qdusija ta’ Jum il-Ħadd u t-teżor kbir ta’ l-Ewkaristija.

Il-Ħadd sa mill-bidu tal-Knisja kien jissejjaħ “Jum il-Mulej”. Il-jum tal-Ħadd għandu importanza kbira fil-ħajja tan-nisrani kif ukoll fil-ġrajja tal-Knisja għaliex il-Ħadd dejjem ifakkarna fil-qawmien tal-Mulej mill-imwiet. Il-Konċilju Vatikan II jgħallimna li “kull sebat ijiem” il-Knisja tiċċelebra il-misteru ta’ l-Għid. Din hija trdizzjoni li ġejja minn żmien l-Appostli u bdiet minn dak il-Jum stess li fih Kristu qam minn bejn l-imwiet – jum li bir-raġun jissejjaħ “Jum il-Mulej”. Il-Ħadd għalhekk huwa l-Għid li jiġi kull ġimgħa biex niċċelebraw ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt u d-dnub kif ukoll il-bidu ta’ ħolqien ġdid.

Sa ftit taż-żmien ilu, il-poplu tagħna, bi ftit eċċezzjonijiet, kien dejjem ħerqan li jħares il-qdusija tal-Ħadd. Il-kotra kbira tan-nies, kif ukoll familji sħaħ kienu jħossu li hu dmir tagħhom li f’Jum il-Ħadd imorru l-Knisja, jismgħu l-kelma t’Alla waqt il-quddiesa u bosta drabi jitqarbnu. Illum, disgrazzjament, m’għadniex hekk. Forsi minħabba t-tibdil fil-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi, forsi wkoll minħabba d-dgħufija fil-fidi tagħna, il-għadd ta’ dawk li jmorru għall-quddies ta’ nhar Ħadd beda jitbaxxa sew. Barra minn hekk, iċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd li bħala għan waħdieni għandu jkollha l-qdusija ta’ Jum il-Mulej qed jinbidel mal-ħarġa tal-‘week end’, bħala biss żmien ta’ mistrieħ u attivitajiet oħrajn. Meta jiġri dan tonqos fina mhux biss il-fehma li l-Ewkaristija hija ċ-ċentru tal-ħajja nisranija, imma wkoll jonqos is-sens tad-dmir ta’ radd ta’ ħajr lil Alla u ta’ talb lil Alla mal-oħrajn fil-komunita’ tal-Knisja.

Inħeġġiġkom għalhekk biex kif qalilna l-Qdusija Tiegħu il-Papa Benedittu XVI “l-obbligu tas-smiegħ tal-Quddies nhar ta’ Ħadd mhuwiex sempliċiment dmir, obbligu impost minn barra. Li tieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd u titmantna bil-Ħobż Ewkaristiku huwa ħtieġa u neċessità għan-nisrani biex isib dik l-enerġija meħtieġa għal matul il-vjaġġ ta’ ħajjitna.

Jeħtieġ li bil-għajnuna ta’ Alla nerġgħu lkoll nqaddsu l-Ħadd għax dan il-Jum tal-Mulej għandu siwi kbir għall-ħajja nisranija li qatt ma jista’ jiġi nieqes. L-Ewkaristija hija l-qofol u l-qalb tal-Ħadd. Iċ-ċentru ta’ dan il-jum tal-Ħadd hija l-ikla tal-Mulej. Hu f’din l-ikla li l-komunita’ tal-fidili tiltaqa’ mal-Mulej li qam mill-imwiet u li jistedinna għall-ikla tiegħu. Għalhekk il-Knisja trid li aħna lkoll nitqarbnu meta nieħdu sehem fil-quddiesa, dment li ma nkunux ħatja ta’ xi dnub mejjet u li tiegħu ma nkunux għadna irċevejna l-maħfra fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni. Min irid ikun nisrani tabilħaqq, l-Ewkaristija għandha tkun iċ-ċentru tal-ħajja tiegħu. Mhux biżżejjed li nisimgħu l-kelma t’Alla; jeħtieġ li permezz ta’ l-Ewkaristija nieklu l-Ġisem ta’ Kristu u nixorbu Demmu. L-Ewkaristija hija tant essenzjali li ma tistax tiġi ikkompensata b’għemejjel oħra, ngħidu aħna, nagħmel il-karita’ flok nitqarben. Il-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, taħt ix-xbihat tal-ħobż u ta’ l-imbid ma jinbidlux fina bħal kif jiġri f’każ ta’ ikel materjali; imma jibdilna Hu fih. Għalhekk meta nirċievu kif jixraq l-Ewkaristija aħna nkunu nħejju ruħna biex nidħlu bil-qawwa ta’ Kristu Rxoxt għal dawk iddmirijiet li jistennewna fil-ħajja ta’ kuljum.

Dan juri li jekk ma nissaħħux bl-Ewkaristija, ma jkollniex il-mezzi neċessarji biex nirbħu d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom matul ħajjitna; mingħajr l-Ewkaristija minfixlu, naqtgħu qalbna kif nistgħu noħorġu minn xi sitwazzjoni bla żbokk li nkunu dħalna fiha. Jekk niftħu qalbna għal Ġesu’ fl-Ewkaristija, nsibu l-għajnuna biex ma ningħalqux fina nfusna u tingħatalna kull għajnuna biex nidħlu għas-sagrifiċju u nilqgħu t-tbatija. Is- saħħa tagħna hu Ġesu’ Ewkaristiku. Min jiekol minn dan il-ħobż, jgħidilna Ġesu’, jgħix il-ħajja ta’ dejjem. Mingħajr l-Ewkaristija ma nistgħux ngħixu ta nsara; imsaħħin bl-Ewkaristija, ikun Ġesu it-targa, is-saħħa tagħna.

Kull nisrani għandu jħoss il-bżonn li jqaddes Jum il-Mulej, fuq kollox billi jipparteċipa fl- Ewkaristija. Dan l-appell nixtieq nwasslu b’mod partikolari lilkom, għeżież ġenituri. Inħeġġeġkom ħafna biex Jum il-Mulej jgħożżuh u fejn hu possibli titqarbnu flimkien u tieħdu magħkom lil uliedkom iż-żgħar. Inħeġġiġkom biex Jum il-Ħadd tgħixuh bħala jum speċjali li jġibkom flimkien bħala familja.

Nħeġġeġ lil kulħadd biex ngħożżu kif jixraq Jum il-Mulej billi nieħdu sehem fil-quddiesa, fejn nistgħu nitqarbnu u nbierku u nroddu ħajr lill-Mulej. Ġesu’ Ewkaristija huwa dejjem magħna u jberikna lkoll.

 

Ġużeppi Mercieca

Arċisqof ta’ Malta.

Illum, l-Erbgħa 8 ta’ Ġunju 2005.

Biex tinqara fil-Quddies kollu ta’ nhar is-Sibt u l-Ħadd flok l-omelija.