HOME         EMAIL    

Jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha.

L-EWWEL QARI

Ġoel 3:1-5

Dan jgħid il-Mulej:

Jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha.

Uliedkom iħabbru, subien u bniet,

ikollhom ħolm ix-xjuħ tagħkom,

iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet.

U fuq l-ilsiera wkoll, irġiel u nisa,

insawwab l-Ispirtu tiegħi f’dawk il-jiem.

Fis-sema u l-art nuri sinjali,

demm u nar u kolonni ta’ duħħan!”

Ix-xemx tinbidel fi dlam

u l-qamar f’demm

qabel ma jasal jum il-Mulej,

Kbir u tal-biża’!

Jeħlisha kull min isejjaħ isem il-Mulej;

għaliex fuq il-muntanja ta’ Sijon u Ġerusalemm

ikun hemm il-meħlusin,

kif qal il-Mulej;

u fost il-maħrubin

ikun hemm min isejjaħlu l-Mulej.

 

SALM RESPONSORJALI

Salm 103

 

Hallelujah.

Bierek, ruħ tiegħi, ’il-Mulej!

Mulej, Alla tiegħi, int kbir bil-bosta!

bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,

bid-dawl inti mkebbeb bħal b’mantell. R/.

 

Kemm huma kontrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!

Kollha bil-għerf int għamilthom,

mimlija hi l-art bil-ħlejjaq tiegħek.

Bierek, ruħ tiegħi, ’il-Mulej. R/.

 

Il-ħlejjaq kollha minnek jistennew

li tagħtihom l-ikel tagħhom f’waqtu;

inti tagħtihom, u huma jiġbru,

tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid. R/.

 

Jekk teħdilhom nifishom imutu,

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Meta tibgħat l-Ispirtu tiegħek, jinħalqu;

w inti ġġedded il-wicc ta’ l-art. R/.

 

IT-TIENI QARI

Rumani 8:22-27

Ħuti: Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed u jokrob bħal waħda fl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott ta’ l-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nnifisna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied Alla, il-fidwa ta’ ġisimna. Għax aħna wkoll salvati bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma jkunx hemm aktar tama; għax kif jista’ wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa qiegħed jara?

Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m’aħniex narawh, qegħdin nistennewh bis-sabar. Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna.  Għax aħna anqas biss nafu x’għandna nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem; u Dak li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub jaf x’inhi x-xewqa ta’ l-Ispirtu, kif bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skond ma jrid Alla.

Hallelujah. Halleluljah.

Ejja, Spirtu s-Santu,

imla l-qlub tal-fidili tiegħek

u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.

Hallelujah.

L-EVANĠELJU

Ġwanni 7:37-39

Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum l-aktar solenni, Ġesù qam igħid b’leħen għoli: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj.”

B’dan ried ifisser l-Ispirtu s-Santu li kellhom jircievu dawk li jemmnu fih – għax l-Ispirtu s-Santu kien għadu ma ġiex mogħti billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat.

    ĦSIBIJIET MILL-EVANĠELJU

It-Twelid tal-Knisja

 

L-Ewwel Qari: Atti 2, 1-11: Il-Komunità tirċievi l-istess Spirtu li kien ta qawwa lil Ġesù.

 

It-Tieni Qari: I Kor 12, 26- 7,12-13:  Ħadd ma jirċievi l-Ispirtu s-Santu biex iżommu għalih waħdu.

 

It-Tielet Qari: Ġw 20, 19-23: L-Ispirtu s-Santu jmexxi  l-Komunità biex twettaq il-proġett ta’  Ġesù.

 

1. Il-ħolqien tal-Komunità Messjanika

Bil-miġja tal-Ispirtu s-Santu, il-Komunità  żgħira ta’ dixxipli saret il-Knisja ta’ Ġesù u bdiet il-mixja tagħha fid-dinja. L-Evanġelju ta’ San Ġwann jimposta l-ġrajja fl-Ewwel Jum tal-Ġimgħa, jum il-qawmien ta’ Ġesù. San Luqa, fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, iqiegħed il-ġrajja  f’Għid il-Ħamsin, il-jum li fih il-Lhud kienu jiċċelebraw il-festa tat-twaqqif tal-Poplu ta’ Alla bil-Patt tas-Sinaj, meta l-Mulej niżel fuq il-muntanja fin-nar (Eż 19).

Ġwanni (fl-Evanġelju) u Luqa (fl-Atti) għandhom perspettiva differenti; iżda l-għan tagħhom hu l-istess. It-tnejn juru li l-Ispirtu, li ta qawwa lil Ġesù fil-missjoni tiegħu li jxandar u jwettaq is-Saltna ta’ Alla, huwa l-istess Spirtu li issa jkompli jsaħħaħ il-Knisja fl-istess missjoni mad-dinja kollha u sal-aħħar taż-żmien. Dak li Ġwanni jgħidilna li ġara fis-satra taċ-ċenaklu, bil-bibien magħluqa, Luqa juri l-effett tiegħu fil-beraħ f’Ġerusalemm quddiem folla ta’ nies, li kienu ġew hemm minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema.

Il-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu, l-istess bħall-esperjenza tad-dehriet ta’ Ġesù wara l-Qawmien, ma tistax tifhimha u tfissirha bil-kliem, jekk ma tkunx għaddejt minnha. Għalhekk l-evanġelisti jinqdew b’espressjonijiet li b’xi mod juruna l-istat spiritwali li kienet tinsab fih il-Komunità Nisranija.