HOME         EMAIL    

 

L-EWWEL QARI

Dewt 7:6-11

F’dak iż-żmien: Mosè kellem lill-poplu u qal: “Inti poplu qaddis għall-Mulej Alla tiegħek; minn fost il-popli kollha li jinsabu fuq wiċċ l-art, lilek għażel il-Mulej Alla tiegħek biex tkun il-poplu miksub tiegħu. U l-Mulej tgħaxxaq bikom u għażilkom mhux għax kontu kbar fil-għadd iżjed minn kull poplu ieħor, għax intom l-iċken fil-għadd fost il-popli kollha, iżda l-Mulej għażilkom għax ħabbkom, u għax ried iżomm il-ħalfa li ħalef lil missirijietkom; kien għalhekk li l-Mulej, b’id qawwija, ħariġkom u fdiekom minn dar il-jasar, minn id il-Fargħun, is-sultan ta’ l-Eġittu.

Agħraf mela li l-Mulej Alla tiegħek hu Alla, Alla l-fidil, li jżomm għal elf nisel il-patt u t-tjieba tiegħu ma’ ħbiebu u ma’ dawk li jħarsu l-kmandamenti tiegħu, imma jitħallas f’wiċċhom stess mill-għedewwa tiegħu billi jeqridhom; ma joqgħodx jitlajja mal-għadu tiegħu, imma f’wiċċu jitħallas minnu.

Ħares mela l-kmandamenti u l-liġijiet u d-digrieti li jiena llum qiegħed nordnalek biex tagħmel kif jgħidu huma.”

 

SALM RESPONSORJALI

Salm 102

Il-Mulej dejjem ħanin ma’ min jibża’ minnu.

Bierek, ruħ tiegħi, ’il-Mulej,

kull ma hu ġo fija, bierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, ’il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha,

li jfejjaq il-mard tiegħek kollu,

li jifdi ’l ħajtek mill-ħofra,

li jdawwrek bit-tjieba u l-ħniena. R/.

 

Il-Mulej jagħmel is-sewwa

u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.

Hu għarraf triqatu lil Mosè,

l-għemejjel tiegħu lil ulied Israel. R/.

 

Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej,

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

Ma mexiex magħna skond dnubietna,

ma ħallasniex skond ħtijietna. R/.

IT-TIENI QARI

1 Ġwanni 4:7-16

Għeżież, ejjew inħobbu ’l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba. B’dan dehritilna l-imħabba ta’ Alla, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna hu, u bagħat lil Ibnu bħala tpattija għal dnubietna.

Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu ’l xulxin.  Għalkemm Alla għadu ħadd ma rah, jekk inħobbu ’l xulxin hu jgħammar fina, u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina. B’hekk nafu li aħna ngħammru fih u hu fina, għax tana sehem mill-Ispirtu tiegħu.  Aħna rajna, u nagħtu xhieda, li l-Missier bagħat lil Ibnu biex ikun is-Salvatur tad-dinja.

Kull min jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla, Alla jgħammar fih u hu f’Alla. Hekk aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha.  Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla, u Alla fih.

HALLELUJAH

.

Hallelujah. Halleluljah.

Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni,

għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli.

Hallelujah.

L-EVANĠELJU

Mattew 11:25-30

F’dak iż-żmien: Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, talli inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min hu għaref u lil min jifhem, u għarrafthom lil min hu ċkejken. Iva, Missier, għax hekk għoġob lir-rieda tiegħek.

Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben ħlief il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier ħlief l-Iben u dak li l-Iben irid igħarrafhulu.

Ejjew għandi, intom ilkoll lil tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għax jiena ta’ qalb ħelwa w umli, u intom issibu mistrieħ għal ruħkom. Għaliex il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”

RIFLESSJONIJIET

.

  • Liema huma dawk  il-mumenti fil-ħajja tiegħi li fihom tidher l-aktar il-ħniena u l-imħabba ta’ Alla?

  • Ftakar f’xi episodji mill-Evanġelju li fihom tidher l-imħabba kbira ta’ Ġesù....

    għall-mard,

    għall-fqir,

    għall-midneb,

    għal min hu mwarrab.

  • Aħseb dwar parabbola li fiha Ġesù juri l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla għall-midneb.

  • Kif nista nkun strument li jwassal il-ħniena ta’ Alla lill-oħrajn?

  • Ftakar f’persuna fil-ħajja tiegħek li fiha inti rajt l-imħabba kbira ta’ Alla għalik.