L-EWWEL QARI

Eż 37: 12-14

Hekk qal Sidi l-Mulej: “Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, ja poplu tiegħi, u nġibkom lura f’art Israel.  Imbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, ja poplu tiegħi.
U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja.  Nagħtikom il-mistrieħ f’artkom, u tkunu tafu li jiena l-Mulej.  Hekk għedt, u hekk nagħmel.”

 

SALM RESPONSORJALI

Salm 129

Għand il-Mulej hemm it-tjieba.

 

Mill-qiegħ nett insejjaħlek, Mulej:

Mulej, isma’ l-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa

għal-leħen tat-talb tiegħi. R/.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti każ, Mulej,

Mulej, min jista’ jżomm sħiħ?

Imma, għandek hemm il-maħfra,

biex hekk int tkun miqjum. R/.

 

Jien lill-Mulej nistenna,

ruħi f’kelmtu tittama.

Tistenna ruħi ’l- Mulej

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.  R/.

 

Ittama, Israel, fil-Mulej;

għax għand il-Mulej hemm it-tjieba,

u l-fidwa hi għandu bil-kotra.

Hu jifdi lil Israel mill-ħtijiet tiegħu kollha. R/

 

IT-TIENI QARI

Rum 8: 8-11

Ħuti; Dawk li jgħixu skond il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla.  Iżda intom ma tgħixux skond il-ġisem, imma skond l-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom.  Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu.  Imma jekk Kristu jgħammar fikom, ukoll jekk il-ġisem hu mejjet minħabba fid-dnub, imma l-ispirtu hu ħaj minħabba fil-ġustifikazzjoni.  Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem tagħkom li jmut, bis-saħħa ta’ l-Ispirtu tiegħu li jgħammar fikom.

 

GLORJA U TIFĦIR LILEK, KRISTU!

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Jien hu l-qawmien u l-ħajja, igħid il-Mulej;

kull min jemmen fija, dan ma jmut qatt.

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

L-EVANĠELJU

Ġw 11:1-45

F’dak iż-żmien: Kien hemm wieħed marid, Lażżru minn Betanja, ir-raħal ta’ Marija u oħtha Marta.  Marija kienet dik li dilket il-Mulej b’żejt ifuħ u li xxottatlu riġlejħ b’xagħarha; Lażżru, li marad, kien ħuha.  Iż-żewġ nisa aħwa bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid.”  Meta sema’ l-aħbar Ġesù qal: “Din mhijiex marda tal-mewt, iżda għall-glorja ta’ Alla, biex biħa jissebbaħ l-Iben ta’ Alla.”

Ġesu kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lażżru.  Meta sema’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal lil-dixxipli: “Imxu nerġgħu mmorru l-Lħudija.”

Qalulu d-dixxipli: “Rabbi, għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa’ sejjer ħemm?” Weġibhom Ġesu: “Mhux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata?   Sakemm wieħed jimxi bin-nhar, ma jaħbat ma’ mkien, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta’ din id-dinja; imma jekk jimxi bil-lejl, jaħbat ma’ xi mkien, għax ma jkollux dawl.”  Hekk qalilhom; imbagħad issokta jgħidilhom: “Ħabibna Lażżru rieqed, iżda ejjew immorru nqajmuh.”  Qalulu d-dixxipli: “Mulej, jekk hu rieqed, jiġifieri se jfiq.”  Iżda Ġesu kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta’ meta wieħed ikun bin-ngħas.  Imbagħad Ġesu qalilhom ċar u tond: Lażżru miet.  U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu.  Iżda imxu mmorru sa ħdejh.”  Tumas, imlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: “Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu.”

Meta wasal Ġesù sab li kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. Betanja kienet qrib Ġerusalem, xi żewġ mili ’l ħemm minnha.  Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom, minħabba fil-mewt ta’ ħuhom.

Kif semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar.  Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku int kont hawn, ħija ma kienx imut.  Imma jien naf li kull ma int titlob ’l Alla, ħu jagħtihulek, issa wkoll.”  Ġesù qal lil Marta: “Ħuk jerġa’ jqum!”  Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum fl-aħħar jum.”  Qalilha Ġesù: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja.  Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, ikollu l-ħajja; u kull min igħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.  Temmnu int dan?” “Iva, Mulej,” weġbitu; “Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja.”

Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: “L-Imgħallem ħawn u qiegħed isejjaħlek.”  Dik, malli semgħetha qamet minnufiħ u marret ħdejh.  Ġesù kien għadu ma daħalx ir-raħal, imma baqa’ fejn kienet ġiet tiltaqa’ miegħu Marta.  Il-Lhud li kienu d-dar ma’ Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajluha sejra fuq il-qabar biex toqgħod tibki hemm.  Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu, inxteħtet f’riġlejh tgħidlu: “Mulej, kieku int kont hawn, ħija ma kienx imut.”  Kif ra lilha tibki, u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, Ġesù ħassu mnikket u mħawwad ħafna.  “Fejn qegħidtuh?” staqsiehom.  Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara.”  Ġesu’ beka.  Għalħekk il-Lħud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”  Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dal-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”

Ġesù ħassu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar.  Dan kien għar b’ġebla mqiegħda fuqu.  Ġesù qal: “Neħħu l-ġebla.”  Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej, issa beda jinten: ġa ilu erbat ijiem mejjet.”  Qalilħa Ġesù: “Ma għedtlekx li, jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?”  Imbagħad neħħew il-ġebla.  Ġesù refa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni.  Kont naf li inti dejjem tismagħni imma għedt dan minħabba fin-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni.”  Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lażżru, oħroġ.”  U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu.  Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur.”

Ħafna mil-Lhud li kienu ġew għand Marija, u li raw dak li għamel Ġesu, emmnu fih.

    KUMMENT DWAR L-EVANĠELJU

X’nifhmu meta ngħidu “il-ħajja tal-grazzja ta’ Alla” jew “il-ħajja ta dejjem”?

X’differenza tagħmel “il-ħajja ta’ dejjem” li għandna fina, fil-mod kif ngħixu fid-dinja? Fil-ħajja tagħna ma’ Alla? U ma’ ħutna l-bnedmin?

Aħna li għandna dan it-twemmin, kif għandna nġibu ‘l quddiem il-ħajja tal-bniedem? Il-ħames Kmandament jitlob minna biss li noqtlux?

Ngħidu u ntennu ħafna kliem sabiħ mingħajr ma naħsbu x’ifisser. Għalhekk jiġri li l-kliem jiżvojta, u dak li ngħidu ma jibqax jispiralna ħajjitna.

Pass importanti fil-mixja tagħna fir-Randan hu li naħsbu, niggustaw, nikkontemplaw il-ħajja ġdida li għaliha welllidna Ġesύ Kristu bil-mewt u l-qawmien tiegħu, u li aħna sejrin niċċelebraw mill-ġdid fil-Għid. Din hija l-ħajja tal-grazzja li tant nitkellmu fuqha, iżda ftit naħsbu fuqha. Hija l-ogħla sura ta’ ħajja li nistgħu ngħixu fid-dinja, il-ħajja ta’ Alla fil-bniedem, il-quċċata ta’ dak kollu li jista’ jixtieq il-bniedem.

Il-ħajja tal-grazzja ta’ Alla hija l-ħajja li tiġi mill-Ispirtu s-Santu li fil-Magħmudija tagħna sar għalina xmajjar ta’ ilma ħaj (Ġw 7, 38).  Hija l-ħajja tat-Trinitả Qaddisa, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, li jgħammru fina bħal f’tempju: Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti u Missieri jħobbu u aħna niġu u ngħammru għandu (Ġw 14, 23). Hija l-istess ħajja li kellu fih Ġesύ Kristu, l-Iben ta’ Alla, It-Triq, il-Veritả u l-Ħajja (Ġw 14, 5). Hija l-ħajja ta’ dejjem, li aħna qegħdin ingħixuha minn issa u li sejra tidher fil-ġmiel u l-milja kollha tagħha fil-qawmien fl-Aħħar Jum: Ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja (Kol 3, 3; 4).

Hija ħajja għal kollox ġdida, ħajja bla tarf fis-sens kollu tal-kelma, li bdiet minn issa u ma tintemm qatt. Din il-ħajja ingħatatilna bħala “grazzja”, mingħajr ebda mertu tagħna, bil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesύ Kristu Sidna. Il-mewt u l-qawmien tiegħu aħna nidħlu fihom bil-Magħmudija tagħna. L-ilma tal-Magħmudija huwa l-qabar tagħna, li bħall-qabar ta’ Lażżru u bħall-qabar ta’ Kristu, minnu toħroġ il-Ħajja mhux il-mewt.

Fil-jiem li ġejjin naħsbu fuq din il-ħajja u ngħixuha l-ewwel fil-ġrajja tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tas-Sinjur Tagħna, imbagħad bit-tiġdid solenni tal-Magħmudija tagħna fil-lel imqaddes tal-Għid. Ma għandna xejn għeżeż u aqwa minnha.