L-EWWEL QARI

Is 50: 4-7

Il-Mulej Sidi tani lsien ta’ wieħed mgħallem,

biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma.

Ta’ kull filgħodu jqajjimli widinti,

biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.

Sidi l-Mulej fetaħli widinti,

u jien ma webbistx rasi,

ma rġajtx lura.

Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,

ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti;

ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.

Sidi l-Mulej igħinni,

għalhekk ma nitħawwadx;

għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:

jien naf li ma jkollix mniex nistħi.

 

 

SALM RESPONSORJALI

Salm 21

Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

 

Dawk kollha li jarawni jidħku bija,

jgħajbuni, iħarrku rashom u jgħidu:

“F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!

Ħa jsalvah hu, għax bih jitgħaxxaq!” R/.

 

Ara il-klieb daru miegħi,

ġemgħa ta’ nies ħżiena trossni;

taqqbuli idejja u riġlejja.

Nista’ ngħodd għadmi kollu. R/.

 

Ħwejġi jaqsmu bejniethom,

għal-libsa tiegħi jaqtgħu x-xorti.

Imma int, Mulej, la titbegħidx!

Għajnuna tiegħi, fittex għinni!  R/.

 

Inxandar ismek lil ħuti,

f’nofs il-ġemgħa nfaħħrek.

Faħħru ’l-Mulej, intom li għandkom il-biża’ tiegħu;

sebbħuh intom ilkoll, ulied Ġakob

Ibżgħu minnu intom ilkoll, nisel ta’ Israel! R/

IT-TIENI QARI

Fil 2: 6-11

Ġesù Kristu, li kellu n-natura ta’ Alla,

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

imma tneżża’ minn kollox,

billi ħa n-natura ta’ lsir,

sar jixbah lill-bnedmin,

u deher minn barra bħal bniedem;

ċekken lilu nnifsu,

billi obda sal-mewt,

anzi sal-mewt tas-salib.

 

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet,

u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesù,

fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art,

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkobbtejhom,

u kull ilsien jistqarr:

“Ġesù Kristu hu l-Mulej

għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

 

GLORJA U TIFĦIR LILEK, KRISTU!

Glorja u  tifħir lilek, Kristu!

Minħabba fina Kristu obda sal-mewt,

anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet,

u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem.

Glorja u  tifħir lilek, Kristu!

L-EVANĠELJU

Mt 21:1-11

Xħin waslu qrib Ġerusalemm u ġew quddiem Betfaġe lejn l-ħolja taż-Żebbuġ, Ġesu` bagħat żewġ dixxipli u qalilhom:  “Aslu sar-raħal biswitkom;  u minnufih issibu ħmara marbuta u felu ħdejja;  ħolluhom u ġibuhomli.  Jekk xi ħadd jgħidilkom xi ħaġa, weġbuh, “Il-Mulej jeħtieġhom, u malajr jerġa jibgħathom lura”.  Dan ġara biex iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal,

 

“Għidu lil bint Sijon:

Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek,

ġwejjed, riekeb fuq ħmara

u fuq felu, ferħ ta’ bhima tat-tagħbija”.

 

Id-dixxipli marru u għamlu kif ordnalhom Ġesu`;  ġiebu l-ħmara u l-felu, qiegħdu fuqhom l-imnatar tagħhom, u hu qagħad fuqhom.  Għadd kbir ta’ nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq, waqt li oħrajn qatgħu xi friegħi mis-siġar u ferrxuhom mat-triq.  Il-folol li kienu miexja quddiem u dawk li kienu miexja wara bdew jgħajjtu u jgħidu:  “Hosanna lil Bin David!  Mbierek min ġej f’isem il-Mulej!  Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!”  Meta mbagħad daħal Ġerusalemm, il-belt kollha tqanqlet.  “Dan min hu?”  bdew jgħidu.  U l-folol weġbuhom:  “Dan hu l-profeta Ġesu` minn Nazaret tal-Galilija”.

 


Nota....

L-Evanġelju tad-daħla solenni tal-Mulej Ġesù f’Ġerusalemm, jinqara waqt il-funzjoni tat-tberik tal-friegħi tal-palm u taż-żebbuġ. Imbagħad, waqt il-quddiesa jinqara ir-rakkont sħiħ tal-passjoni u tal-mewt tal-Mulej skond San Mattew.

Rakkont sħiħ tal-Passjoni u tal-Mewt tal-Mulej skond San Mattew >>>