L-EWWEL QARI

Gherf

O Missier, bil-providenza tiegħek inti tmexxih (il-bniedem).  Għax int tajtu triq fil-baħar, u mogħdija żgura fuq il-ħalel.  Int urejt li int tista’ tħarsu minn kull tiġrif, hekk li wkoll min mhux tas-sengħa jista’ jbaħħar.  Int ma tridx li l-opri tal-għerf tiegħek jisfgħu fix-xejn, għalhekk il-bnedmin jafdaw ħajjithom fuq daqsxejn ta’ laqxa, jaqsmu l-imwieġ fuq dgħajsa u jaslu fil-port bis-sliem. 

Għax tassew, sa mill-bidu taż-żmien, meta ġganti kburin kienu qegħdin jinqerdu, it-tama tad-dinja sabet il-kenn fuq dgħajsa u, immexxija minn idek, ħalliet lid-dinja ż-żerriegħa ta’ nisel ġdid.  Imbierka l-għuda li biha jsir is-sewwa.

SALM RESPONSORJALI

Salm 106

R. Ħa jsebbħu l-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin!

 

Ħa jsebbħu l-Mulej għal tjubitu,

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin!

Ħa joffru sagrifiċċji ta’ radd il-ħajr,

u jxandru l-egħmejjel tiegħu b’għana ferrieħi. R.

 

Dawk li jmorru bil-baħar fuq iġfna,

li jagħmlu l-qligħ f’ibħra kbar ħafna,

huma raw l-egħmejjel tal-Mulej

u l-opri tiegħu tal-għaġeb f’qiegħ il-baħar. R.

 

Hu ordna u qajjem riefnu,

li qanqal imwieġ il-baħar.

Għolew m’ogħla s-smewwiet,

niżlu sa qiegħ il-baħar,

qalbhom tmewtet bil-biża’ tat-telfa. R.

 

Bdew iduru u jixxenglu bħal nies fis-sakra

u tilfu ħilithom kollha.

Sejħu l-Mulej fit-tiġrib tagħhom,

u mill-hemm tagħhom ħelishom.

Hu biddel ir-riefnu f’żiffa,

u siktu mwieġ il-baħar. R.

 

Huma ferħu għax waqfu l-imwieġġ

u hu mexxihom sal-port li xtaqu.

Ħa jsebbħu l-Mulej għal tjubitu,

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin! R.

 

IT-TIENI QARI

Atti 27:16 - 28:6

F’dak iż-żmien: b’ġirja waħda għaddejna taħt ir-riħ ta’ daqsxejn ta’ gżira jisimha Kawda.  Bilkemm stajna nżommu d-dgħajsa warajna, u għalhekk tellgħuha mill-baħar.  Imbagħad qabdu l-armar u rabtu l-ġifen dawramejt biċ-ċimi, niżżlu l-qlugħ u l-arbli, għax beżgħu li ninkaljaw fuq is-Sirti, u hekk ħallejna l-mewġ ikaxkarna miegħu.  Il-għada t-tempesta ħabbtitna ħafna, bdew iwaddbu t-tagħbija l-baħar, u fit-tielet jum irmew il-parank tal-ġifen b’idejhom stess. 

Għal ħafna jiem la dehret xemx u lanqas kwiekeb, it-tempesta li laqtitna ma kinitx ħafifa, hekk li fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw.  In-nies kienu ilhom ħafna ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejqu, Pawlu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kretaġ kontu teħilsu minn din il-ħsara u t-telf.  Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom mhu se jitlef ħajtuġ il-ġifen biss jintilef.  Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli, “Tibżax, Pawlu.  Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari, ara, Alla tak il-ħajja ta’ dawk kollha li qegħdin jivjaġġaw miegħek.  Mela qawwu qalbkom, ħbieb.  Jien nemmen f’Alla li hekk isir, sewwa sew kif tħabbar lili.  Jeħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira.”

Meta wasal l-erbatax-il lejl, konna ninsabu mitfugħin ‘l hawn u ‘l hemm fil-baħar ta’ Adrja.  Għall-ħabta ta’ nofs il-lejl il-baħrin ħassew li konna resqin qrib xi art.  Skandaljaw il-għoli tal-baħar, u sabu għoxrin qama, imxejna ftit ieħor ‘il quddiem reġgħu skandaljaw, u sabu ħmistax.  Huma beżgħu li xi mkien se naħbtu ma’ xi sikka, u għalhekk niżżlu erba’ ankri mill-poppa.  Ix-xewqa tagħhom kienet li ma jdumx ma jisbaħ.  Il-baħrin bdew ifittxu li jaħarbu mill-ġifen, u niżżlu d-dgħajsa bħallikieku biex idendlu xi ankri mill-pruwa.

Iżda Pawlu qal liċ-ċenturjun u lis-suldati: “Jekk dawn ma jibqgħux fuq il-ġifen, intom ma tistgħux issalvaw.”  Imbagħad is-suldati qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa u ħallewha tmur għal riħha.  Meta sar il-ħin biex jisbaħ, Pawlu qabad iħajjarhom ilkoll biex jitrejqu b’xi ħaġa, u qalilhom: “Issa ġa ilkom erbatax-il ġurnata tistennew sajmin u ma dduqu xejn.  Għalhekk inħajjarkom tieħdu xi ħaġa ta’ l-ikel, u jwetikom f’saħħitkom, għax ħadd minnkom mhi se tintiliflu xagħara waħda minn rasu.”  Kif qal dan, qabad il-ħobż, radd il-ħajr ‘l Alla quddiem kulħadd qasam u beda jiekol.  Imbagħad kulħadd għamel il-qalb u ħadu xi ħaġa ta’ l-ikel huma wkoll. 

Konna b’kollox mitejn u sitta u sebgħin ruħ fuq il-ġifen.  Wara li xebgħu, bdew iħeffu l-ġifen u jwaddbu l-qamħ il-baħar.  Meta mbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex, lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u qatgħuha li, jekk jista’ jkun, jitfgħu l-ġifen fuqha.  Irħew l-ankri u telquhom il-baħar, u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun.  Imbagħad tellgħu l-qala tat-trinkett għar-riħ u ħadu għax-xtajta.  Iżda ħbatna ma’ sikka, li kellha l-baħar miż-żewġ naħat.  Il-pruwa baqgħet imwaħħla sewwa fil-post u ma tħarrkitx iżjed, imma l-poppa bdiet titfarrak bil-qilla tal-mewġ.  Is-suldati riedu kieku joqtlu l-priġunieri, li ma jaħrabx xi ħadd minnhom bil-għawm, iżda ċ-ċenturjun, li ried isalva ‘l Pawlu, ma ħalliex il-ħsieb tagħħom iseħħ.  Lil dawk li kienu jafu jgħumu ordnalhom jintefgħu huma l-ewwel il-baħar u jmorru l-art; lill-oħrajn ordnalhom jilħqu x-xatt minn fuq twavel u minn fuq bċejjeċ imkissra tal-ġifen.  U hekk kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ.

Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta.  In-nies tagħha ġiebu ruħħom magħna bi ħlewwa liema bħalha.  Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard.  Mela Pawlu ġabar qatta zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar.  Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li mall ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma’ id Pawlu.  In-nies tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu, bdew igħidu wieħed lill-ieħor: “Dar-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-ġustizzja ma ħallitux igħix!”  Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn.  Huma stennew li se jarawh jintefaħ jew jaqa’ u jmut f’daqqa.  Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu ebda deni, biddlu l-ħsieb u bdew igħidu li kien xi Alla.

Hallelujah. Hallelujah.

Faħħru l-Mulej, ġnus kollha, sebbħuh, popli kollha, għaliex qawwija hi l-grazzja tiegħu għalina: il-fedelta` tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.

Hallelujah.

L-EVANĠELJU

Mk 16:15-20

F’dak iż-żmien, Ġesu` qal lill-Ħdax: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-tajba lill-ħolqien kollu.  Min jemmen u jitgħammed, isalva, iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.  U dawn huma l-mirakli li jsieħbu ‘l dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara, iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”  U hekk il-Mulej Ġesu`, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.  Huma mbagħad marru jippriedkaw kullimkienġ il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

    KUMMENT DWAR L-EVANĠELJU

  • Il-miġja ta’ San pawl fostna, kif inħarsu lejha? Bħala kumbinazzjoni?

  • Il-festa tan-nawfraġju ta’ San Pawl, sakemm li jibqagħalha sena li niċċelebrawha f’Malta?

  • Fejn insibu l-qawwa tagħna, bħala Maltin, biex nigħixu l-valuri nsara? Biex inkunu xiehda ta’ Kristu, x’għandna nagħmlu fil-parroċċa tagħna?

Naħsbu u Niftakru

Il-ħajja tagħna hi sensiela ta’ ġrajjiet. Ħafna minnhom fasslulna ħajjitna u ġraw barra mir-rieda tagħna. Dawk li ma jemmnux f’Alla jsejħulhom kumbinazzjonijiet, destin, xorti. Aħna li nemmnu ngħidu li ħarġu mill-imħabba ta’ Alla, li dejjem tridilna l-ġid.

Illum qegħdin niċċelebraw il-festa tan-nawfraġru ta’ San pawl, waħda mill-ġrajjiet li fasslitilna ħajjitna bħala Maltin. Għalina li nemmnu, din il-ġrajja ma kienetx kumbinazzjoni, iżda biċċa mill-pjan ta’ Alla li jsalva d-dinja, u għalhekk lilna l-Maltin ukoll. Hekk tlabna fil-bidu tal-quddiesa: O Alla, fil-provvidenza tiegħek tal-għaġeb int għoġbok li l-Appostlu Missierna San pawl jara l-għarqa biex jiġi fostna u jxandrilna l-fidi.

Hekk Alla qiegħed is-seis tal-Knisja Maltija, skond il-kwalitajiet speċjali tagħna bħala Maltin, għax il-fidi mhux biss ma teqridx it-tajjeb li ssib fil-bniedem, iżda tkabbru, tqawwih u ssebbħu; u dawn huma l-mirakli li jsieħbu ‘l dawk li jemmnu.

Minn dak iż-żmien aħna l-Maltin qtajna tifsila għalina, dik ta’ nsara, li għażlitna minn popli oħra tal-Mediterran. Minħabba din il-għażla, id-deċiżjonijiet importanti li ħadna bħala Maltin u li sawr l-ħajja Maltija kienu mnebbħa mill-persuna u t-tagħlim ta’ Kristu. Għalhekk il-festa ta’ llum baqgħalha sens jekk Kristu għadu jnebbaħna fid-deċiżjonijiet li nieħdu u fit-tifsila tal-Hajja tagħna bħala komunitả nisranija, li hi l-Knisja ta’ Malta.

Jixraq li nistaqsu lilna nnifisna: Il-valuri tagħna l-Maltin ta’ llum għadhom imnebbħa mit-twemmin F’Alla? Meta l-qassisin ixandru lil Alla, qegħdin iwassluh kif għallem fuqu Ġesù Kristu, jeew qegħdin iwasslu xbiha ta’ Alla ieħor,  maħluq mill-interessi tal-bnedmin? Il-miżżewġin, fl-imħabba ta’ bejniethom u fir-rabta ma’ wliedhom, qegħdin jafdaw xortihom u l- gejjieni tagħhom f’idejn Alla? Il-ħaddiema, ta’ liema taqsima huma, jaraw ‘l Alla l-ħallieq, dak li fdalhom f’idejhom it-tkattir tal-ħolqien permezz ta’ xogħolhom għall-qadi ta’ ħtiġiet il-bniedem? Dawk li jaqdu lill-pajjiż fil-qasam politiku, soċjali, ekonomiku, meta jiddeċiedu x’inhu l-aħjar għall-poplu Malti, qegħdin jistmaw il-jeddijiet ta’ Alla? Dawn it-tweġib tagħna jsibu l-qofol tagħhom, jekk aħna, il-Maltin insara, nagħtu l-ewwel post lil Alla fl-għażliet tagħna ta’ kuljum.

Il-qawwa tagħna, biex ngħixu dawn il-valuri, bħala wlied San pawl, insibuha fir-rabta li għandu jkollna ma’ Kristu, bħala Knisja ta’ Malta magħquda mal-Knejjes imxerrdin mad-dinja, mhux biss fil-fidi u fit-tama, iżda wkoll fl-imħabba. Din hi karatteristika li San pawl faħħarna għaliha u hi l-qofol ta’ kull komunitả nisranija: In-nies tagħha ġiebu ruħhom bi ħlewwa liema bħala. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll.  Din l-imħabba, bħala Knisja ta’ Malta, irridu nuruha l-ewwelnett lill-kap tagħha, l-isqof tad-djoċesi tagħna, billi naqsmu miegħu r-responsabiltajiet li għnadu u nisimgħu il-kelma tiegħu, kif ulied jisimgħu lil missierhom. Minn din l-imħabba toħroġ il-għaqda bejn l-aħwa fil-fidi b’għażla speċjali ta’ dawk in-nies l-iżjed fil-bżonn: il-foqra, il-morda, il-midimbin, l-imġarrbin u l-imwarrbin tas-soċjetả. Iżda, minħabba li aħna l-insara rridu mnaqdu mhux biss lil niesna iżda lid-dinja, l-imħabba tagħna trid tfeġġ bħala dawl fost nies ta’ reliġjonijet oħra, fost dawk stess li jfittxuna biex isallbuna.

B’hekk inkunu nilqgħu l-kmand ta’ Kristu, kif lqgħu Missierna San Pawl u għamel minna l-Maltin saltna ta’ qassisin: Morru fid-dinja kollha xandru l-xara t-ajaba lill-ħolqien kollu. U nkunu xiehda ħajja ta’ Knisja nisranija ħajja li tagħtina raġun li niċċelebraw il-festa tan-nawfraġju ta’ San Pawl.