IT-TIFKIRIET TAS-SEGRETARJU TA’ TLIET PAPIET

 

Minn Harry Agius Ordway

 

Għal dawk li jiftakru id-duħħan abjad ta’ tmiem il-Konlavi ta’ Ottubru 1978 żgur li jiftakru wkoll kif id-dinja kollha, għajr persuna waħda, baqgħet skantata meta l-habemus papam kien il-Kardinal Karol Wojtyla li temm tradizjoni ta’ xi erba’ mija u ħamsin sena li matulhom Papiet Taljani mexxew il-Knisja Kattolika. Din il-persuna, skond l-Isqof John Magee ta’ Cloyne, ġewwa l-Irlanda, ma kien  ħadd ħlief Ġwanni Pawlu I, il-Papa ta’ qablu.

 

L-Isqof Magee kien segretarju tal-Papa Pawlu VI, tal-Papa Ġwanni Pawlu I, u għal erba’ snin ta’ Papa Ġwanni Pawlu II. Hu stqarr dan mal-korrispondent ta’ NCR, John L. Allen Jr., fl- 4 ta’ April, meta wasal Ruma biex jagħti l-aħħar tislima lil Ġwanni Pawlu II ħabib intimu tiegħu.

 

Għalkemm l-Isqof Magee dam biss, bħala segretarju ta’ Ġwanni Pawlu I, 33 jum, l-esperjenzi li għadda minnhom għadhom aktar minn ċari f’moħħu… aktar u aktar meta hemm fihom ċertu mistiċiżmu.

 

L-Isqof Magee jirrakkonta li Papa Ġwanni Pawlu I, żewġt iljieli qabel ma miet qallu: “Għalfejn għażlu lili? Kien hemm wieħed li kien aħjar minni. Pawlu VI wkoll kien wera li hu s-suċċessur tiegħu.” L-Isqof Magee tant ħassu mifxul b’dik l-istqarrija li ma ssugrax isaqsih għal min kien qed jgħid.  Sadanittant Ġwanni Pawlu I kompla: “Daqt ġej, għax jien sejjer.” Hawnhekk l-Isqof tant ħassu mħawwad li ra kif għamel u dawwar id-diskors.

 

Darb’oħra kompla l-Isqof Magee, Monsinjur tal-Vatikan, li kien ukoll storiku tal-Knisja, kiteb nota ta’ awguri lil Ġwanni Pawlu I hekk kif dan laħaq Papa, iżda fuq punt tekniku qal lil l-Isqof Magee biex jgħid lill-Papa li ma setax jissejjaħ Ġwanni Pawlu I sakemm ma jilħaqx ieħor li jibda jissejjaħ Ġwanni Pawlu II….”sa sak inhar hu biss Ġwanni Pawlu,” spiċċa jfehmu.

 

Meta l-Isqof qal b’dan lill-Papa, dan wieġbu hekk: “Irringrazzjah ħafna għax-xewqat tiegħu imbagħad għidlu li jien Ġwanni Pawlu I. Jien ma tantx ser indum, u t-tieni wieħed ġej.

 

Darb’oħra kompla jgħid l-Isqof, Ġwanni Pawlu I qallu li dak li kien l-aħjar għażla, dak li ried Pawlu VI bħala s-suċċessur tiegħu, kien qiegħed in-naħa l-oħra quddiemu waqt il-Konklavi.

 

Ftit taż-żmien wara din l-istqarrija, waqt li l-Isqof Magee kien qed idur ġewwa l-uffiċċju tiegħu wara li Ġwanni Pawlu II għażlu bħala l-prim ċerimonjier tiegħu,

waqaf quddiem xi armarji mmarkati “Konklavi ta’ l-1978”. Staqsa lis-soru x’kien hemm fihom u qaltlu li kien hemm it-tagħrif kollu sa mill-organizzazzjoni ta’ l-istess Konklavi. Kienu magħluqin u ċ-ċavetta kienet fis-sejf. Issa l-Isqof Magee biss kellu l-awtorità li jiftaħhom. Għalhekk talab lis-soru ġġiblu

ċ-ċavetta.

 

Ħareġ ir-reġistri ta’ l-ewwel Konklavi ta’ dik is-sena, li matulhom kien ġie magħżul Ġwanni Pawlu I, u sab plakka kbira tal-kartun li kienet turi kif kienu bilqiegħda l-Kardinali matul l-istess Konklavi. Hemm miktub ċar, eżatt quddiem il-Kardinal Albino Luciani, wara Ġwanni Pawlu I, kien hemm

il-Kardinal Karol Wojtyla, Ġwanni Pawlu II.

 

Storja straordinarja, x’taħseb” qal l-Isqof Magee lill-korrispondent ta’ NCR.

“Ma jidhirlekx li kien qaddis?”

 

Wara dan il-korrispondent talab lil  l-Isqof jagħtih l-opinjoni tiegħu dwar il-mewt ta’ Ġwanni Pawlu II. Dan qallu li l-aħħar xhur kien ta’ inspirazzjoni qawwijja għal kulħadd.

 

Nittama li kulħadd jitgħallem mill-mod ta’ kemm Ġwanni Pawlu kien seren u kalm aktar ma qorob il-mument. Hu mar ifittex lid-dinja…issa hi ġiet tfittxu. Dan li qed jiġri madwarna hu xhieda ta’ dan kollu” kompla l-Isqof Irlandiż.

 

Hawnhekk minħabba l-ħbiberija intimà li l-Isqof kellu mat-tliet Papiet, John L. Allen Jr. talbu  l-opinjoni tiegħu jekk it-tlieta kenux bażikament jixxiebħu jew tliet rġiel totalment differenti, u jekk il-fatt li għax il-Papa Ġwanni Pawlu II  għamel 114 il-Kardinal mill-117 li setgħu jagħżlu l-Papa l-ġdid kienx jagħti lok għal għażla ta’ Papa fl-istess linja tiegħu.

 

L-Isqof John Magee wieġbu hekk:”Il-missjoni hi dejjem l-istess imma

l-individwi huma differenti. Kull wieħed mill-Papiet li naf jien kien minjiera ta’ talenti, kull wieħed bit-talenti tiegħu, talenti tajbin għall-ħidma tagħhom.

 

F’Pawlu VI spikkaw il-ġentilezza u s-sensittività straordinarja. Għal l-Isqof Magee Pawlu VI kien l-ewwel persuna li fih identifika lil Ġesù Kristu fid-dinja tallum. Pawlu VI…”kien tant qalbu tajba, tant ġentili, kien jagħti lilu nnfisu kollu kemm hu. Hu influenza bis-sħiħ il-ħajja tiegħi b’mod mill-aktar straordinarju.

 

Meta miet Pawlu VI, l-Isqof ħaseb li x-xogħol tiegħu mal-Papa kien spiċċa u kien fi ħsiebu jmur l-Afrika bħala missjunarju. Imma Ġwanni Pawlu I talbu jibqa’ miegħu.

 

Kemm kien umli,” kompla l-Isqof Magee. “Ma kellu l-ebda idea li ser isir Papa, u fil-fatt kien jgħid…għalfejn għamluni Papa? Sa jumejn qabel ma miet staqsieni l-istess mistoqsija…għalfejn għażlu lili?

 

L-Isqof jistqarr li Ġwanni Pawlu I kien bniedem sempliċi, magħruf bħala l-papa tat-tbissima. Hawnhekk il-korrispondent, jgħid li għalkemm l-Isqof Magee ma għadda l-ebda kumment, hu jħoss li seta’ kien qed jqabbel ma’ l-aħħar snin ta’ Pawlu VI li tant dehru ta’ swied il-qalb.

 

Dwar Ġwanni Pawlu II, l-Isqof Magee jgħid li l-Knisja kellha Papa li ried jaqdi

l-Missjoni tiegħu madwar id-dinja kollha, raġel ta’ bla ebda heda li ried iwassal

il-vanġelu sa kull rokna tad-dinja. Ġwanni Pawlu kellu fehma ta’

l-għaġeb…kellu viżjoni globali…ipprova jgħaqqad id-dinja…ambizzjoni ferm akbar minn dik taż-żewġ Papiet ta’ qablu….kien aktar qalbieni, kien aktar kuraġġuż, kien aktar evanġeliku fl-istinti tiegħu.

 

L-Isqof Irlandiż John Magee spiċċa l-intervista tiegħu hekk:  Il-Papiet huma dejjem persuni differenti, u jiena żgur li dak li jmiss hekk ser ikun ukoll!