|
Grupp Katekeżi Adulti Ħal
Tarxien |
TAGĦLIM
SOĊJALI TAL-KNISJA KATTOLIKA
Mir-Rerum Novarum sal-Gaudium et Spes
|
1 2005-2006 |
|
Il-ħwejjeġ ġodda li dwarhom kiteb
din l-enċiklika il-Papa Ljun XIII, kienu il-kundizzjonijiet inumani
tal-ħaddiema li kien hemm fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq, fi tmiem
is-seklu dsatax. Wara ir-Rivoluzzjoni Industrijali, meta bdiet
tikber l-industrija mekkanika, bosta ħaddiema u l-familji tagħhom
kienu qegħdin jaħdmu u jgħixu f’kundizzjonijiet
ħżiena ħafna. Kienet
sitwazzjoni fejn il-ftit persuni kellhom kollox u l-ħafna ma kellhom
xejn. Il-Papa
kien kiteb din l-enċiklika, kunsidrata bħala l-Magna Carta
tal-ħaddiema, biex jeżaina il-kwestjoni soċjali ta’
żmienu, il-ġlieda bejn il-propjetà u x-xogħol, bejn dawn li
kellhom il-ġid u l-ħaddiema.
Kien żmien meta la kien hemm unions u lanqas liġijiet
industrijali, meta la kien hemm paga minima u lanqas limitu ta’ ħin ta’
xogħol, meta mhux biss l-irġiel imma anke in-nisa u saħansitra
t-tfal kien ikollhom jaħdmu għal siegħat twal u
f’kundizzjonijiet mill-aktar ħżiena. F’din
il-ġlieda bla kontroll bejn min iħaddem u min jaħdem, il-Papa
jgħid li kemm is-sid kif ukoll il-ħaddiema kellhom obbligi lejn
xuxlin. Imma hemm it-tielet element, l-Istat, li kellu r-responsabiltà li
jara li l-ħaddiema jkollhom kundizzjoniet aħjar. Imbagħad hemm ukoll il-Knisja, li
bit-tagħlim tagħha kellha d-dmir u d-dritt li ssemma leħinha.
Il-Quadragesimo Anno (Erbgħin Sena) - 15 Mejju 1931 - Papa Piju XI. Miktuba mhux biss biex tfakkar l-40 sena tar-Rerum Novarum,
imma wkoll biex titkellem dwar is-sitwazzjoni soċjali ġdida li
kienet żvillupat minn żmien Ljun XIII sa Piju XI. Kienu seħħew ħwejjeġ ġodda li kellhom effett
kbir fuq is-soċjetà ta’ dan iż-żmien. Bejn l-1914 u l-1918 kien hemm il-Gwerra
l-Kbira jew kif hi magħrufa wkoll l-Ewwel Gwerra Dinjija. Din mhux biss ħalliet bosta vittmi,
imma wkoll kellha bosta effetti koroħ fuq is-soċjetà tas-snin ta’
wara. Bla dubju ta’ xejn l-aktar
l-marru ħażin kienu il-foqra u l-ħaddiema. Imbagħad 1917,
kien hemm ir-Rivoluzzjoni Kommunista bit-tixrid tal-ideoloġija Marxista
li kabbret il-firda u l-mibegħda bejn il-klassijiet soċjali. Hawn id-dinja inqasmet f’żewġ
blokki kontra xulxin, il-kapitaliżmu u s-soċjaliżmu. Il-Papa jitkellem dwar l-abbużi ta’ dawn iż-żewġ
sistemi u jsejjaħ għal azzjoni biex issir ġustizzja, liema
azzjoni trid tinbena fuq l-imħabba.
Il-Pacem in Terris (Paċi fl-Art) – 11 April 1963 – Papa Ġwanni XXIII. Sebgħin sena wara r-Rerum Novarum u tletin sena wara l-Quadragesimo
Anno, il-Papa Ġwanni XXIII, kiteb l-Enċiklika, Mater et
Magistra. Sentejn wara kiteb il-Pacem in Terris. Il-Papa jibda l-ewwel enċiklika billi jirrevedi il-punti
prinċipali tal-enċikliċi soċjali ta’ qabel. Jinnota li
sar ħafna żvillup soċjali. politiku u ekonomiku. Jikkonferma li t-tagħlim tal-papiet
ta’ qablu jgħodd ukoll għal żmienu – l-importanza
tal-inizjattiva privata u il-ħlas u kundizjonijiet xierqa
lill-ħaddiema. Jisħaqq fuq id-dritt tal-propjetà privata imma li
din ukoll għandha funzjoni soċjali. Imbagħad jitkellem fit-tul dwar il-qasam agrikolu u dwar
l-għajnuna li trid tiġi mogħtija lil dawk il-pajjiżi li
kienu għadhom qed jiżviluppaw.
Jgħid li l-ġustizzja soċjali trid tkun mibnija fuq
it-tagħlim ta’ Kristu. U għalhekk kull nisrani obbligat jagħti
sehmu biex tikber il-ġustizzja soċjali fid-dinja. Fit-tieni enċiklika jgħid li jkun hemm paċi vera
fid-dinja jekk l-ordni soċjali mqiegħed minn Alla jiġi
mħares. Hawn jagħti lista
ta’ drittijiet u dmirijiet ta’ kull individwu. Kull dritt iġib miegħu dmir. Dawn iridu jkunu mħarsa minn
kulħadd, kemm individwi, kemm awtoritajiet pubbliċi, kemm
gvernijiet, kif ukoll il-komunità internazzjonali. Ġwanni XXIII kien il-Papa li ta bidu għall-Konċilju Vatikan II li minnu ħareġ id-dokument soċjali dwar il-Knisja fid-Dinja tal-Lum – il-Gaudium et Spes. |
||