HOME         EMAIL    

 

L-EWWEL QARI

Eżodu34:4b-6, 8-9

F’dak iż-żmien: Filgħodu kmieni Mosè qam u tela’ fuq il-muntanja Sinaj, kif kien ordnalu l-Mulej, u ħa f’idejh iż-żewġ twavel tal-ġebel.

Imbagħad il-Mulej niżel fi sħaba u waqaf hemm maġenbu, u xandar l-isem tal-Mulej. U l-Mulej għadda minn quddiemu u għajjat: ‘Jahweh! Jahweh!’ Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u s-sewwa.”

Mosè minnufih inxteħet għal wiċċu fl-art u ta qima.  U qal: “Jekk jiena tassew sibt ħniena quddiemek, Sidi, ħa jiġi Sidi ġo nofsna, nitolbok; għax dan hu poplu rasu iebsa. Aħfrilna ħżunitna u ħtijietna, u ħudna b’wirt għalik.”

SALM RESPONSORJALI

Danjel 3:52-56

Ta’ min ifaħħrek u jgħollik għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna,

ta’ min ifaħħrek u jgħollik għal dejjem.

Imbierek ismek, qaddis u msebbaħ,

ta’ min ifaħħru wisq u jgħollih għal dejjem.R/.

 

Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek,

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini,

li ħarstek tinfed l-abbissi,

ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem. R/.

 

Imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek,

ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

Imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema,

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem. R/.

IT-TIENI QARI

2 Korintin 13: 11-13

Ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem, u Alla ta’ l-imħabba u s-sliem ikun magħkom.

Sellmu lil xulxin b’bewsa qaddisa. Isellmulkom l-aħwa qaddisin kollha.  Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla, u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu, tkun magħkom ilkoll.

Hallelujah. Halleluljah.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,

Lil Alla li hu, li kien, u li ġej.

Hallelujah.

L-EVANĠELJU

Ġwanni 3: 16-18

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.  Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq minnha, imma biex bih hija ssalva.  Min jemmen fih ma jkunx iġġudikat, imma min ma jemminx huwa ġa kkundannat għax ma emminx fl-isem ta’ l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla.

    ĦSIBIJIET MILL-EVANĠELJU

Alla min hu?

 

L-Ewwel Qari: Eż 34, 4b-6.8-9: Alla hu mħabba u fedeltà.

 

It-Tieni Qari: 2 Kor 13, 11-13: Alla hu komunjoni, li ssir tidher fil-Komunità Nisranija.

.

It-Tielet Qari: Ġw  3,16-18: Alla hu mħabba li ssalva u tagħti l-ħajja fil-milja tagħha. 

 

Il-Festa tat-Trinita’ Mqaddsa tagħtina ġabra sabiħa tal-Mixja tal-Fidi jew katekeżi, li għamilna mill-bidu tal-Avvent li għadda sal-miġja tal-Ispirtu s-Santu fil-Pentekoste. Is-silta mill-Evanġelju ta’ San Ġwann tagħmel parti mid-djalogu ta’ Ġesù ma’ Nikodemu. Tiġbor fiha l-Istorja kollha tas-Salvazzjoni, mill-bidu sat-tmiem. Hija katekeżi li Ġesù għamel lil Nikodemu, mgħallem f’Iżrael, biex iqajjem  fih il-fidi vera.

Din il-katekeżi, tkompli ma’ dak li Ġesù kien qal lil Nikodemu fil-vers ta’  qabel: il-misteru tal-imħabba ta’ Alla li dehret fil-mewt ta’ Ġesu’ fuq is-salib: Kif MoseÏ refa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-Bniedem, biex kull min jemmen, fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem (v.14). Il-mewt ta’ Ġesù hija l-ikbar revelazzjoni ta’ Alla u l-konsegwenza tal-imħabba tiegħu lejn il-bniedem. L-iskop tagħha mhux biss li turina Alla min hu, iżda wkoll li ddaħħal lil kull bniedem biex ikollu sehem fil-misteru ta’ Alla.

 

Alla min hu?

Fostna l-bnedmin, aħna nsiru nafu bniedem min hu mill-għemil tiegħu. Iżjed ma nkunu nafu x’jagħmel, aktar insiru nafu min hu. U bil-maqlub, aktar ma nsiru nafuh, aktar nibdew nifhmu dak li jagħmel. Din kienet ukoll il-pedagoġija ta’ Alla fl-Istorja tas-Salvazzjoni biex jurina min hu. Aktar ma sirna nafu x’jagħmel, aktar sirna nafu min hu; u aktar ma nsiru nafu min hu, aktar insiru midħla tiegħu, aktar nifhmuh, aktar ningħaqdu miegħu u aktar nieħdu sehem fil-ħajja tiegħu.

Sa mir-rivelazzjoni fundamentali, fid-dehra tal-għollieq jaqbad, fid-deżert tas-Sinaj (Eż 3), Alla kien ta ismu lil Mose’: Jaħweh  - isem misterjuż. Fis-silta li għandna fl-Ewwel Qari tal-lum, f’dehra oħra fuq il-muntanja, Alla jtenni dan l-isem għal darba darbtejn. Imma fiż-żewġ dehriet, Alla juri wkoll dan l-isem x’ifisser permezz tal-għemil tiegħu fost il-poplu: Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u s-sewwa. Jaħweh u Alla-Magħna, Alla li jimxi mal-poplu tiegħu, jeħlishom mill-jasar, jaħfrilhom dnubiethom u jaħtarhom bħala wirtu.

Aqra l-ħsieb kollu dwar l-Evanġelju