San Tumas More

 

Xhieda ngħidu aħna għal persuni li jafu xi jridu u kapaċi jagħmlu dak li jemmnu fih. Jekk kien hemm xi ħadd b’rasu fuq għonqu fl-Ingilterra kollha fi żmien Neriku VIII dan  żgur li kien Tumas More. U dan minkejja li miet b’rasu maqtugħa!

 

Trid tkun tassew b’rasek fuq għonqok biex tkun tokkupa l-kariga ta’ kanċillier (ta’ wara r-re) u jkollok il-kuraġġ turi fil-beraħ li ma taqbilx mal-fehmiet tar-re dwar it-taxxa u d-divorzju!

 

Fl- 1525 il-Protestantiżmu kien beda jinxtered ma’ l-Ewropa kollha.Tumas kiteb ħafna kontra l-ideat ta’ Luteru u meta laħaq Kanċillier  beda jinforza l-liġijiet kontra l-eretiċi, għalkemm stqarr li kienu l-iżbalji ta’l-istess eretiċi li ma kienx iħobb u mhux lill-persuni nfushom. Ftit xhur faqqghet il-proklamazzjoni biex il-kleru jagħraf lir-Re bħala l-Kap Suprem tal-Knisja.

 

Kien b’ruħu u ġismu kontra l-fehmiet  tar-Re dwar id-divorzju u t-tmexxija tal-Papa – affarijiet li tellfuh il-ħbiberija tar-Re u spiċċa biex irriżenja minn Kanċillier wara biss wieħed u tletin xahar.

 

Dam żmien twil maqtugħ għalih waħdu – żmien li qattgħu f’kitba ta’ kritika għar-Re, speċjalment meta dan ried jiżżewweġ lil Anne Boleyn u nkurunaha reġina, meta l-ewwel mara tiegħu kienet għada ħajja.

 

More ma kenx iħobb jibqa’ newtrali f’affarijiet bħal dawn, minkejja r-riskju tal-mewt. Lil wieħed mill-membri tal-Kummissjoni, id-Duka ta’ Norfolk, More qallu: “Id-differenza bejni u bejnek hi li jien se mmut illum, u int se tmut għada”.

 

F’Marzu 1534 ħareġ id-digriet tas-suċċessjoni (li għaraf lil Anne Boleyn bħala l-werrieta tat-tron). More dan ma aċċettahx.

 

More ġie mitfugħ fit-Torri fejn kiteb “Djalogu ta’ serħan kontra t-Tribulazzjonijiet” u “Trattat dwar il-Passjoni ta’ Kristu”. Fil-ħabs Tumas kellu okkażjoni jirrifletti ftit fuq ħajtu.

 

Ftakar fit-tfulija tiegħu f’Londra fejn twieled fl- 1477; ftakar fil-Grieg u l-Latin li tant kien iħobb li kien jitkellimhom qisu qed jitħaddet bl-Ingliż; fl-istudju tal-flawt u tal-vjola; fiż-żmien bħala student fil-liġi. Ftakar meta laħaq imħallef u professor tal-liġi; fil-poeżija li kiteb. Ftakar li minkejja x-xogħol kollu li kien ikollu kuljum kien jibda l-ġurnata b’talb personali, qari spiritwali u l-Quddiesa.

 

Kien ukoll jagħmel ħafna penitenza. Dak il-ħin ħass il-ġilda ta’ sidru meta ftakar li f’dak iż-żmien meta taħt il-ħwejjeġ kien jilbes qmis magħmulha minn xagħar iebes. Kien iħobb jieħu kura tal-fqar u jinvolvi lil uliedu stess f’dan ix-xogħol. Kellu devozzjoni speċjali lejn is-Sagrament Imqaddes, kien iħobb jimmedita fuq il-Passjoni u jgħid ir-Rużarju. Dan kien il-Kanċillier ta’ l-Ingilterra!

 

Tbissem meta ftakar fiż-żmien meta kien qed itella’ u jniżżel isirx patri u f’dakinhar tad-deċiżjoni li postu kien fil-belt u fil-familja u mhux f’ċella f’monasteru. Ta’ 25 sena żżewweġ lil Jane Colt. Wiċċu xegħel meta ġab quddiem għajnejh ‘il uliedu: Margaret, Elizabeth, Cecilia, u John. Sħaba sewda dehret issewwidlu qalbu meta ftakar f’martu li mietet sitt snin biss wara ż-żwieġ. Ftit wara kien iżżewweġ lill-armla Alice Middleton.

 

Ta’ 26 kien sar membru parlamentari. Hawn wiċċu reġa tkemmex meta ftakar li mill-ewwel beda jeħodha kontra l-mod kif ir-Re Neriku VIII kien jiġbor il-flus minn ħalq is-sudditi tiegħu biex jiffinanzja l-gwerer kontra Franza. Moħħu tar għal fuq il-karriera tiegħu, speċjalment meta l-Kardinal Wolsey bagħtu bħala ambaxxatur fl-Olanda (fejn sar ħabib intimu ta’ Erasmus). Ftakar ukoll fl-aqwa kitba tiegħu UTOPJA, u meta fl- 1523 laħaq Speaker tal-House of Commons.

 

Imma ħsibijietu malajr reġgħu ġew lura għar-realtà meta, għal darbtejn ġie jżżuru Cromwell fil-ħabs biex iħajru jaċċetta lir-Re bħala Kap tal-Knisja, imma More qallu li ma riedx jittradixxi l-kuxjenza tiegħu, akkost li jitlef ħajtu. Wara dan ma ħallewx jikteb aktar imma hu, fuq biċċiet ta’ karti u bit-tarf ta’ zkuk maħruqa, baqa’ jikteb bil-moħbi lil martu u lil bintu Margaret. Ġie akkużat bi tradiment kontra l-Istat, ħaġa li hu ċaħad bil-qawwa kollha. Madankollu nstab ħati u ġie kkundannat għat-tgħalliq imma Neriku ordna li jaqtgħulu rasu.

 

Fl-għodwa tas-6 ta’ Lulju 1535, Tumas wasal fuq il-forka. F’ħin minnhom dar u qal lill-folla madwar il-forka li huma kienu xhieda li hu kien ser imut għall-Fidi fil-Knisja Kattolika. Imbagħad lissen l-aktar kliem famuż tiegħu: “I die the King’s good servant but God’s first” (Se mmut bħala qaddej fidil tar-Re imma l-ewwel bħala qaddej ta’ Alla). Wara dan niżel għarkubbtejh u beda jgħid il-kliem tas-Salm: “Ikollok ħniena minni, O Alla, fi tjubitek….

 

Jingħad li fil-ħin tal-mewt ta’ Tumas, ir-Re Neriku kien qed jilgħab il-karti ma’ Anne Boleyn. Kif sema’ bl-aħbar, Neriku qalilha: “ Dak ir-raġel miet minħabba fik!” u qam u ngħalaq f’kamartu.

 

Mur għidilha lil Anne li ftit xhur wara kellha tmissha l-istess  xorti!