ŻMIEN TA’ RIFLESSJONI  U TA’ GRAZZJA

Minn Joe Farrugia

 

Issa li l-Papa Ġwanni Pawlu II qiegħed fi ħdan il-Mulej u l-ġisem tiegħu tqiegħed maġenb dak ta’ bosta mis-suċċessuri tiegħu, fosthom l-Appostlu Pietru, il-kardinali bdew żmien intens ta’ talb u riflessjoni biex nhar it-Tnejn, 18 ta’ April, jibda l-konklav li matulu huma jaħtru l-papa l-ġdid.

Imma jekk dan huwa żmien ta’ talb u riflessjoni għal kardinali, huwa wkoll żmien ta’ talb u riflessjoni għal Knisja kollha. Dak li seħħ fil-jiem li għaddew, mhux biss fil-belt ta’ Ruma imma wkoll f’kull rokna tad-dinja kollha jixħet fuq il-Knisja inġenerali u fuq kull wieħed u waħda minna b’mod partikolari, l-obbligu kbir li naqraw is-sinjali ta’ dan ż-żmien u ninterpretawhom fid-dawl tat-twemmin tagħna.  Wara ħinijiet twal ta’ talb u riflessjoni, aħna wkoll irridu niskopru x’qiegħed jitlob Alla minna f’dan il-mument kbir ta’ grazzja.

Iva, qegħdin ngħixu żmien ta’ riflessjoni, imma fuq kollox għaddejjin minn żmien ta’ grazzja kbira.  Kollha kemm aħna li rċevejna l-magħmudija f’isem il-Mulej Ġesù qegħdin flimkien ngħixu dan iż-żmien.  Imma magħna qed tgħixu wkoll id-dinja kollha, mhux biss il-Kattoliċi, mhux biss il-Knejjes Insara l-oħra, mhux biss dawk li jemmnu f’Alla wieħed, bħal ma huma l-Lhud u l-Musulmani, imma l-popli kollha hu liema hu t-twemmin li jħaddnu.  Huma il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba li qed jgħixu dan il-mument ta’ riflessjoni u ta’ grazzja.

Wara l-mewt ta’ Ġwanni Pawlu, mill-popli kollha tad-dinja, hi x’inhi l-fidi li jħaddnu, ħareġ fil-beraħ l-għatx spiritwali kbir li hemm fil-qalb ta’ kull bniedem.  Huwa għatx li ħadd u xejn ma jista’ jaqtgħu ħlief Kristu.

Dan nafuh għax aħna insara u nemmnu li Kristu biss kapaci jaqta’ l-għatx tal-bniedem.  “Min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx.” (Ġwanni 4:13)  Iżda dawk li sal-lum ma skoprewx lil Kristu f’ħajjthom, dan ma jafuhx u għalhekk għadhom ifittxu bnadi oħra.  Imma llum, minħabba Ġwanni Pawlu II, għajnejn id-dinja kollha mixħutin fuqna.  Qegħdin bħal mara Samaritana jgħidulna, “Agħtini nixrob.”

U lilna, li fina Kristu jara l-preżenza tiegħu fid-dinja tal-lum, qed jgħidilna, “Kieku kontu tafu il-grazzja ta’ Alla!” (Ġwanni 4:10)

Iva, qegħdin ngħixu żmien ta’ riflessjoni u żmien ta’ grazzja.  Għal ftit jiem oħra għajnejn id-dinja se jibqgħu fuq il-Knisja Kattolika u fuqna.  Ġwaj għalina jekk huma jdawwru wiċċhom lura u jerġgħu jibdew ifittxu bnadi oħra.

 

 

Ritratt: Rai.it