|
Min hu l-Kappillan il-Ġdid?
"JIEN BNIEDEM BĦALKOM"
Meta tkun sejjer x’imkien tibda tara jekk ħadtx
kollox miegħek. Jekk tkun sejjer għal xi stedina
li ssirlek, tkun taf x’għandek tieħu miegħek
imma jekk tkun sejjer x’imkien għall-ewwel
darba, ma tkunx ċert x’taqbad tieħu. Jekk tkun
ser issiefer, toqgħod attent li fil-bagalja
titfa’ kull ma timmaġina li ser tiġi bżonn. Jekk
tkun sejjer għal xi intetrview toqgħod
attent kif ser tidher, u jekk tkun sejjer
titqarben, għandek tara li tkun preparat
spiritwalment.
Imsomma, għal kull fejn immorru għandna xi ħaġa
partikolari x’nagħmlu u x’nippreparaw.
Immorru fejn immorru u nagħmlu x’nagħmlu, hemm
xi ħadd li rridu jew ma rridux qed nieħduh
magħna: cioe’ LILNA NFUSNA.
Il-Mulej, permezz tas-superjuri tiegħi, qed
isejjaħli biex niġi magħkom, biex inkun
ir-ragħaj spiritwali tagħkom. Ser nibda fl-1 ta’
Settembru 2006. Jiġuni ħafna mistoqsijiet
f’moħħi. ”Jien sejjer Ħal Tarxien, x’naqbad
nieħu miegħi?”, ”Kif ser jieħduni?”,
”X’impressjoni ser jieħdu tiegħi?”, ”X’ser
ngħid?”, ”X’ser nagħmel?”, ”X’ser ikolli
bżonn?”, ”Kif ser nidra?”, ”X’esperjenza ser
tkun għalija” ... u ħafna inċertezzi bħal dawn.
L-unika ħaġa fiż-żgur hija li jien ġej kif jien,
pakkett wieħed, kif għaġinni l-Mulej,
bl-esperjenzi żgħar tiegħi li nħażnu fija sa
llum.
Iżda naħseb li intom xorta qed tistaqsu: ”Min hu
Dun Reuben Deguara?” Għalhekk ser ngħidilkom
dan: jien inqis ruħi bniedem bħalkom,
bl-istramberiji u bit-tajjeb tiegħi,
bid-dgħjufijiet u t-tamiet tiegħi, bil-beżgħat u
l-kuraġġ imħalta flimkien, b’weġgħat u ferħiet,
u b’kull ħaġ’oħra li tagħmlek bniedem.
X’naqbad ngħid? Inti, li qed taqra, kieku
kellhom jistaqsuk, kif tiddeskrivi lilek
innifsek? Diffiċli hux? L-istess jien.
Li nista’ ngħid hu li jien saċerdot li nixtieq
nagħmel ir-rieda t’Alla.
Dan hu l-kappillan il-ġdid tagħkom. Fejn kont
s’issa kont kuntent. Kont inħobb u ħassejtni
maħbub, u persważ li hekk ser inkun magħkom,
bħalma ħabbejtu lil Dun Renč u lil dawk kollha
li ġew qablu, lil Dun David u lis-saċerdoti u
l-patrijiet kollha li ħadmu fostkom. Ħafna
qaluli li intom it-Tarxiniżi tgħinu ħafna kull
fejn ikun hemm bżonn. Smajt ukoll li tħobbu
ħafna lill-Madonna u għandkom rispett kbir lejn
is-saċerdot. Dawn huma kollha sinjali sbieħ li
jgħinu lil kull min ikun ġej ġdid fostkom sabiex
jagħmel kuraġġ.
Il-bidu dejjem tqil u iebes. Nitlobkom tgħinuni
l-ewwel nett, qabel stess ma tafuni,qabel stess
ma nasal fostkom, permezz tat-talb tagħkom.
Ftakru wkoll li mhux jien waħdi ser inkun ġdid
fostkom, hemm saċerdot ieħor u l-patrijiet
ukoll. Bit-talb tagħkom ikollna t-triq mifruxa
quddiemna. It-talb huwa l-aqwa ħaġa. Wara
kollox, aħna qed naħdmu sabiex inwasslu lil
xulxin għand Ġesu’. Il-bqija f’idejn il-Mulej.
Fiduċjuż li hu jaf l-aħjar u jaf x’inhu jagħmel.
Kunu mberkin.
Dun Reuben Deguara. |