Pastorali għall-Festa
ta’ Santa Marija
KUXJENZA FAVUR IL-MARA
Il-Knisja tisħaq li x-xogħol iebes ta’ l-omm
fil-familja ma’ l-ulied jistħoqqlu jkun
magħruf mis-soċjetà bħala xogħol li jagħti
lill-omm id-dritt għal benefiċċji
finanzjarji.
Hekk qalu l-Isqfijiet ta’ Malta u ta’
Għawdex fl-ittra pastorali li jiktbu kull
sena għall-okkażzjoni tal-Festa ta’ Santa
Marija, li tiġi ċelebrata mill-Knisja
Kattolika nhar it-Tlieta, 15 ta’ Awissu.
Ispirati mix-xena ta’ fuq il-Kalvarju, fejn
Ġesù qal il-kliem, “Mara, hemm hu ibnek”
u “Hemm hi ommok”, Mos. Mercieca
u Mos Grech, siltu numru ta’ riflessjonijiet
dwar il-kobor, id-dinjità u l-missjoni
tal-mara fil-Knisja u fis-soċjetà.
Waqt li tennew l-apprezzament tagħhom għal
dawk in-nisa kollha, illi kieku ma jkunux
preżenti fil-ħajja ta’ kull wieħed minna,
ħajjitna jkollha vojt kbir, huma urew ix-xewqa
li tinħoloq kuxjenza li ġġib ‘il quddiem id-dinjità
tal-mara billi s-soċjetà tgħożż dak li huwa
speċifiku tal-mara, u lil kull mara
toffrilha kull possibilità biex tkun dak li
tassew hi.
Huma komplew jgħidu li stat li jħares
fil-bogħod u li jagħraf tassew il-ġid li
jinkiseb bix-xogħol li tagħmel l-omm ma’
wliedha żgħar ikun qed juri għaqal jekk
iħabrek biex lill-ommijiet jgħinhom u
jinkuraġġihom jagħtu l-ewwel post lil
uliedhom żgħar.
Għalkemm ir-raġel u l-mara għandhom l-istess
dinjita’, bejniethom hemm diversita’ miktuba
fin-natura stess tar-raġel u tal-mara. It-tnejn
huma orjentati għall-imħabba. It-tnejn
għandhom il-kapaċita’ li jħobbu; imma t-tnejn
iħobbu b’modi differenti. Għalhekk ir-raġel
u l-mara jitgħallmu minn xulxin kif jistgħu
jesprimu l-imħabba.
Il-kontribut li toffri l-mara fid-dar,
speċjalment fil-formazzjoni ta’ l-ulied,
huwa kontribut lill-komunita’ umana kollha,
u dan il-kontribut proprju tal-mara-omm
m’għandux prezz.
Ara l-Pastorali kollha
>>>