|
IL-PAPA JĦEĠĠEĠ BIEX ISIR
TALB GĦALL-PAĊI FL-ART IMQADDSA
L-Isqfijiet
ta’ Malta u Għawdex qed iħeġġu lill-membri
kollha tal-Knisja fil-gżejjer Maltin biex
jilqgħu l-istedina li għamel il-Papa Benedittu
XVI u jitolbu għall-paċi fl-Art Imqaddsa u
fil-Lvant Nofsani kollu, minn fejn bħalissa qed
jaslu aħbarijiet ferm inkwetanti ta’ attakki u
vittmi.
Ċirkulari
tal-Kurja ta’ l-Arċisqof f’Malta u tal-Kurja ta’
l-Isqof f’Għawdex tgħid: “Nilqgħu bil-qalb l-istedina
tal-Papa biex nitolbu għall-paċi fl-Art Imqaddsa
u fil-Lvant Nofsani kollu. Inħeġġu lil ħutna
kollha fil-fidi u lill-bnedmin ta’ rieda tajba
biex jitolbu skond din il-fehma tal-Papa. Nafdaw
it-talb tagħna b’mod speċjali lill-interċessjoni
ta’ Marija, Omm ta’ Ġesu’ u tal-bnedmin kollha.”
Il-Papa qed
jistieden għat-talb sabiex il-Mulej jagħti r-rigal
fundamentali ta’ l-armonija, u jwassal
lill-mexxejja politiċi lura fit-triq tar-raġuni
u tal-ftuħ ta’ possibiltajiet ġodda ta’ djalogu
u ta’ ftehim.
FR JESMOND AMMINISTRATUR TAL-PARROĊĊA
Wara li xi ġimgħat ilu kienet tħabbret in-nomina
ta’ Dun Renč Vella bħala Kappillan ta’ Pembroke
u wara li Dun Reuben Deguara kien maħtur bħala
l-Kappillan il-ġdid tal-parroċca tagħna, issa
Monsinjur Arċisqof inkariga lil Dun Jesmond
Manicaro, sabiex jamminstra l-Parroċca ta’ Ħal
Tarxien sakemm Dun Reuben jieħu l-pussess tiegħu
bħala Kappillan.
Matul dawn il-granet kien imħabbar ukoll li Dun
David Farrugia se jtemm il-ħidma pastorali
tiegħu fostna biex minflok jaħdem
fis-Segretarjat Djoċesan għal-Liturġija kif
ukoll fil-Parroċċa ta’ Ħal Luqa.
Il-quddiesa ta’ filgħaxija ta’ nhar is-Sibt, 5
a’ Awissu, se tkun konċelebrata minn Dun Renč u
minn Dun David bħala radd ta’ ħajr lil Alla
tal-ħidma li dawn iż-żewġ sacerdoti wettqu
fostna. Dak in-nhar il-quddiesa tibda nofs
siegħa qabel il-ħin tas-soltu, jiġifieri
fis-6.00 pm. |